Ir-Randan

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb qasir minn Angelo Xuereb

Ir-Randan huwa żmien ta’ konverżjoni spiritwali profonda, li fih in-nisrani jeżamina lilu nnifsu u jara x’jista’ jibdel f’ħajtu.

Mod ħafif kif neżaminaw il-ħajja tagħna hijiex miexja skont il-qalb ta’ Alla huwa li nagħmlu eżami fuq dawn it-tliet dmirijiet tal-bniedem. Dawn huma: id-dmir lejn Alla, lejn il-proxxmu u lejh innifsu.

L-ewwel dmir li għandu l-bniedem huwa lejn Alla. Huwa dak li ħalqu u li qiegħed iżommu fl-eżistenza tiegħu. Għalhekk il-bniedem irid jadura lil Alla bl-ispirtu u l-verità. Jiżbalja min jaħseb li l-importanti li jgħix moralment sewwa u l-qima lejn Alla hija xi ħaġa sekondarja. Infatti Alla jrid li aħna nagħtuh adorazzjoni anki pubblika billi mmorru l-Knisja u nieħdu sehem fil-quddiesa. Id-dmir lejn Alla jikkonsisti li nintreħew f’idejn il-providenza tiegħu, u f’kull okkażjoni li nsibu ruħna fiha naraw l-id setgħana ta’ Alla.

It-tieni dmir huwa lejn il-proxxmu. Min verament iħobb lil Alla jħobb il-proxxmu tiegħu. Dan jagħmlu l-ewwel nett billi jagħti lil kulħadd dak li ħaqqu jiġifieri jkun ġust u mhux ifittex l-interessi tiegħu. Id-dmir lejn il-proxxmu jikkonsisti filli wieħed jgħinu anki fil-bżonnijiet materjali u spiritwali tiegħu. Nagħmluha ċara. Il-proxxmu mhuwiex dak li għandna relazzjoni tajba miegħu iżda anki l-għedewwa tagħna.

It-tielet dmir huwa lejh innifsu. Dan ifisser li l-bniedem għandu jagħmel kollox bil-qies u f’ħinu. Ifisser li jieħu ħsieb saħħtu u jieħu l-mistrieħ neċessarju. Iżda d-dmir lejh innifsu ma jfissirx li l-bniedem isir egoist u jaħseb fil-bżonnijiet tiegħu biss.

Jekk insibu li qegħdin nonqsu fuq dawn id-dmirijiet ma ninkwetawx iżda nagħmlu proponiment biex nimxu fit-triq it-tajba. Niftakru biss fi proverbju Malti: Għin ruħek u Alla jgħinek.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading