Sintesi tad-disa’ kapitlu tal-Amoris Laetitia.

Print Friendly, PDF & Email

FORMAZZJONI U INFORMAZZJONI MILL-KUMMISSJONI TEOLOĠIKA (42)

6 ta’ Lulju 2016

Sintesi tad-disa’ kapitlu tal-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku, Amoris Laetitia. Spiritwalità tal-Miżżewġin u tal-Familja. Dun John A. Berry

Fl-aħħar ġimgħat, il-Kummissjoni Teoloġika offriet sensiela ta’ sussidji teoloġiċi dwar Amoris Laetitia. Illum qegħdin noffru sintesi dwar id-disa’ (u l-aħħar) Kapitlu tal-Eżortazzjoni Appostolika. Nieħdu din l-opportunità li nirringrazzjaw lid-diversi kontributuri li offrew il-ħin tagħhom  u l-formazzjoni li rċevew biex jgħinuna permezz tar-riflessjonijiet tagħhom.

Amoris Laetitia – Kapitlu IX

Spiritwalità tal-Miżżewġin u tal-Familja

 

Il-kapitlu dwar l-Ispiritwalità tal-miżżewġin u tal-familja hu maqsum f’4 taqsimiet:

  1. L-Ispiritwalità ta’ komunjoni soprannaturali
  2. Miġburin fit-talb fid-dawl tal-Għid
  3. Spiritwalità ta’ mħabba esklussiva u ħielsa
  4. Spiritwalità ta’ kura, konsolazzjoni u inċentiv.

L-aktar punt li jispikka sa mill-bidu f’dan id-dokument hu li l-Ispiritwalità tistrieħ għal kollox fuq ir-realtà għanja u kumplessa tal-ħajja taż-żwieġ u tal-familja. Qed nitkellmu fuq spiritwalità lajkali u għal daqstant titlob li ċ-ċirkustanzi “jinfurmaw” u “jlaħħmu” l-istess spiritwalità (AL 313).

  1. L-Ispiritwalità ta’ komunjoni soprannaturali

1.1 Il-preżenza ta’ Alla Trinità fil-ħajja taż-żwieġ u l-familja – Alla li jgħammar fil-qlub hu Alla Trinità. Dan hu Alla li jgħammar fit-“tempju tal-komunjoni taż-żwieġ”. Fl-imħabba taż-żwieġ isib il-glorja li jistħoqqlu (AL 314).

1.2 Din l-Ispiritwalità tirrikjedi awtentiċità – Alla jgħammar fil-familji kollha taħbit tal-ħajja “imsawra minn eluf ta’ ġesti reali u konkreti”. Hemm il-laqgħa bejn l-uman u d-divin. L-Ispiritwalità taż-żwieġ hi l-Ispiritwalità tal-għaqda, fejn jgħammar Alla (AL 315).

1.3 Il-familja twassal, mhux ittellef l-Ispiritwalità – Jingħad ċar li “dawk li għandhom xewqat spiritwali profondi m’għandhomx iħossu li l-familja qed tbegħidhom milli jikbru fil-ħajja tal-Ispirtu, imma li hi mixja li l-Mulej jinqeda biha biex iwassalhom fil-quċċata tal-għaqda mistika miegħu” (AL 316).

  1. Miġburin fit-talb fid-dawl tal-Għid

2.1 Għaqda ma’ Ġesù fil-mument sbieħ u iebsin – Is-salib u l-għaqda ma’ Ġesù abbandunat jwasslu għar-rebħa fuq it-tbatija u d-diffikultajiet. Aktar minn hekk, “il-waqtiet ta’ ferħ, il-mistrieħ u l-festa, u anki s-sesswalità, jingħaxu bħala sehem fil-milja tal-Qawmien tiegħu” (AL 317).

2.2 It-talb issaħħaħ il-fidi u l-familja nnifisha – it-talb u d-devozzjoni popolari huma teżor ta’ spiritwalità. Importanti ukoll hi r-rabta bejn is-sagrament tal-ewkaristija u dak taż-żwieġ. Il-Familja ssir il-“Knisja domestika” (AL 318).

  1. Spiritwalità ta’ mħabba esklussiva u ħielsa

3.1 Iż-żwieġ hu għotja u appartenenza sħiħa ta’ tnejn lil xulxin – L-Ispiritwalità tal-imħabba esklussiva u ħielsa tidher fl-isfida u fix-xenqa tal-koppja li tqatta’ ħajjitha u tixjieħ flimkien, mera tal-istess fedeltà ta’ Alla. It-tnejn huma sinjal u strument tal-viċinanza ta’ Alla (ara AL 319).

3.2 L-imħabba tassew ħielsa toħloq spazju għal xulxin u għal Alla ukoll – hu Alla li jidħol u jrieġi il-fond u l-qalba tal-persuni miżżewġin. L-ispirtu ta’ Alla jagħti ħelsien interjuri (ara AL 320).

  1. Spiritwalità ta’ kura, konsolazzjoni u inċentiv.

4.1 Il-ħajja miżżewġa hi sehem mill-ħidma ħallieqa ta’ Alla – il-miżżewġin huma msejjħin biex jgħaddu l-ħajja u jikkurawha. Bħal Alla, jridu joħolmu u jibnu flimkien (ara AL 321).

4.2 Il-ħajja fil-familja tfisser ħarsien u żvilupp fil-kura u l-ħniena – il-frott fiż-żwieġ jinvolvi l-għajnuna u l-attenzjoni bla interessi għal xulxin. Kull wieħed u waħda, b’għożża, qed ipitter u jikteb fil-ħajja tal-persuna l-oħra”. Hi spiritwalità “tal-għożża, tal-faraġ u tal-istimolu” (ara AL 322).

4.3 Kontemplazzjoni ta’ xulxin b’ħarsa li tagħti dinjità – Hi profonda l-“esperjenza spiritwali li lil kull persuna għażiża għalina nikkontemplawha bl-għajnejn ta’ Alla u fiha nagħrfu lil Kristu nnifsu”. It-tenerezza tqajjem fil-persuna l-oħra l-ferħ li hi maħbuba (AL 323).

4.4 L-Imħabba soċjali hi rifless tat-Trinità  – l-Imħabba tippresupponi ftuħ u ospitalità lejn min hu fqir jew imwarrab. Meta tagħmel dan il-familja tissieħeb fil-maternità tal-Knisja (AL 324).

Konklużjoni

Il-kuntest taż-żwieġ hi d-dimensjoni umana. Il-familja trid tikber u timmatura fil-ħiliet li tħobb. Din hi sejħa dejjiema li tista’ tkun mħarsa bil-għażla u l-għajxien tal-Ispiritwalità ta’ komunjoni.

Fl-aħħar paragrafu l-Papa jafferma:

“L-ebda familja ma hi realtà perfetta u minsuġa darba għal dejjem, imma titlob żvilupp gradwali ta’ dik il-ħila li wieħed iħobb (…). Ilkoll aħna msejħin inżommu ħajja t-tensjoni lejn xi ħaġa li tmur lil hemm minna nfusna u mil-limiti tagħna, u kull familja għandha tgħix f’dan l-istimolu kostanti. Ħa nimxu, familji, inkomplu mexjin! (…). Ma nitilfux it-tama minħabba l-limiti tagħna, imma lanqas nibqgħu lura milli nfittxu l-milja tal-imħabba u tal-komunjoni mwiegħda lilna” (AL 325).

L-Eżortazzjoni appostolika tagħlaq b’Talba lill-Familja Mqaddsa (AL 325).

Dun John A. Berry

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading