Qari tal-Quddies tat-Tnejn tat-II ġimgħa tal-Għid

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

It-Tieni Ġimgħa tal-Għid
It-Tnejn

QARI I
Kif spiċċaw jitolbu, ilkoll imtlew bl-Ispirtu s-Santu u bdew ixandru l-kelma ta’ Alla bil-kuraġġ kollu.
Atti 4, 23-31

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, malli telquhom mis-Sinedriju, Pietru u Ġwanni marru għand sħabhom u għarrfuhom b’dak kollu li l-qassisin il-kbar u x-xjuħ kienu qalulhom. Meta semgħu dan, ilkoll flimkien għollew leħenhom lejn Alla u qalu: “O Sid, int li għamilt is-sema, l-art, il-baħar, u kulma fihom; int li nebbaħt bl-Ispirtu s-Santu lil David missierna, qaddej tiegħek, u b’fommu għedt: “Għaliex ixxewxu l-ġnus u l-popli ngħaqdu konfoffa waħda għalxejn? Qamu s-slaten tal-art, u l-kbarat inġemgħu flimkien kontra l-Mulej u l-Messija tiegħu”. Għax, tabilħaqq, f’din il-belt Erodi u Ponzju Pilatu ngħaqdu flimkien mal-pagani u n-nies ta’ Iżrael kontra l-qaddej qaddis tiegħek Ġesù, li int ikkonsagrajt, biex jagħmlu dak kollu li, bil-qawwa u r-rieda tiegħek, iddestinajt minn qabel li kellu jsir. Issa mela, Mulej, ħares lejn it-tehdid tagħhom, u agħmel li l-qaddejja tiegħek ixandru kelmtek bil-kuraġġ kollu. U midd idek biex isiru fejqan u sinjali u mirakli permezz tal-isem tal-qaddej qaddis tiegħek Ġesù”. Kif spiċċaw jitolbu, il-post fejn kienu miġbura theżżeż, u lkoll imtlew bl-Ispirtu s-Santu u bdew ixandru l-kelma ta’ Alla bil-kuraġġ kollu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 2, 1-3.4-6.7-9

R/. (ara 12d): Hienja dawk kollha li jistkennu fik, Mulej
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Għaliex jixxewxu l-ġnus,
u l-popli jreddnu għal xejn?
Is-slaten tal-art iqumu,
u l-kbarat jiftiehmu bejniethom
kontra l-Mulej u l-Midluk tiegħu:
“Ħa nkissru l-ktajjen tagħhom,
u ntajru minn fuqna l-irbit tagħhom!” R/.

Dak li hu fis-smewwiet jidħak bihom,
il-Mulej biċ-ċajt jeħodhom.
Imbagħad ikellimhom bil-herra,
bil-qilla tiegħu jkexkixhom:
“Għax jien għamiltu s-sultan tiegħi,
fuq Sijon, l-għolja mqaddsa tiegħi”. R/.

Irrid inxandar id-digriet tal-Mulej;
hu qalli: “Ibni int, jien illum nissiltek.
Itlobni, u l-ġnus nagħtik b’wirtek,
u truf l-art bi priża tiegħek.
B’virga tal-ħadid int tkissirhom,
bħal ġarra tal-fuħħar frak tagħmilhom”. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Kol 3, 1

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu,
fittxu l-ħwejjeġ tas-sema,
fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Jekk wieħed ma jitwelidx mill-ilma u l-Ispirtu, ma jistax jidħol fis-Saltna ta’ Alla.
Ġw 3, 1-8

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Kien hemm fost il-Fariżej raġel jismu Nikodemu, wieħed mill-kbarat tal-Lhud. Dan ġie għand Ġesù billejl u qallu: “Rabbi, aħna nafu li inti Mgħallem mibgħut minn Alla; għax ħadd ma jista’ jagħmel is-sinjali li qiegħed tagħmel int jekk ma jkunx Alla miegħu”. Ġesù wieġbu: “Tassew tassew ngħidlek li jekk wieħed ma jitwelidx mill-ġdid, ma jistax jara s-Saltna ta’ Alla”.

Qallu Nikodemu: “Kif jista’ wieħed jitwieled wara li jkun xjieħ? Jista’ forsi jerġa’ jidħol f’ġuf ommu u jitwieled?”. Wieġbu Ġesù: “Tassew tassew ngħidlek, li jekk wieħed ma jitwelidx mill-ilma u l-Ispirtu, ma jistax jidħol fis-Saltna ta’ Alla. Dak li jitwieled mill-ġisem hu ġisem; u dak li jitwieled mill-Ispirtu hu spirtu. La tistagħġibx jekk jiena għedtlek li jeħtiġilkom titwieldu mill-ġdid. Ir-riħ fejn irid jonfoħ; tisma’ ħossu, imma ma tafx mnejn hu ġej jew fejn hu sejjer. Hekk jiġri minn kull min jitwieled mill-Ispirtu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading