Qari tal-Quddies tal-Ħamis tat-XVIII-il ġimgħa matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

It-Tmintax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ħamis

QARI I
Bdew ħerġin gliegel ta’ ilma.
Num 20, 1-13

Qari mill-Ktieb tan-Numri

F’dak iż-żmien, il-ġemgħa kollha ta’ wlied Iżrael waslu fid-deżert ta’ Sin fl-ewwel xahar, u l-poplu waqaf f’Kades; u mietet Mirjam u difnuha hemm.

Billi ma kienx hemm ilma għall-poplu, inġabru kontra Mosè u Aron. Il-poplu ħadha ma’ Mosè u qalulu: “Mhux li mitna meta nqerdu ħutna quddiem il-Mulej! Għala ġibtu l-poplu tal-Mulej f’dan id-deżert, biex immutu hawn aħna u l-bhejjem tagħna? Għala tellajtuna mill-Eġittu biex ġibtuna f’post mill-agħar bħal dan, fejn ma jikber xejn, la qmuħ, la tin, la dwieli, la rummien; u lanqas ma fih ilma tax-xorb?”.

U Mosè u Aron telqu minn quddiem il-ġemgħa tal-poplu u marru ħdejn il-bieb tat-tinda tal-laqgħa, inxteħtu wiċċhom fl-art u dehritilhom il-glorja tal-Mulej. U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: “Ħu l-ħatar, u iġbor il-ġemgħa, int u ħuk Aron, u kellmu quddiemhom lill-blata, u din tagħti l-ilma tagħha; u hekk int toħorġilhom l-ilma mill-blata, u tisqi lill-ġemgħa u l-bhejjem tagħhom”.

U Mosè ħa l-ħatar minn quddiem il-Mulej, kif kien ordnalu. U flimkien ma’ Aron ġabar il-ġemgħa quddiem il-blata, u Mosè qalilhom: “Isimgħuni, ja xewwiexa! Aħna se noħorġulkom l-ilma minn din il-blata?”. U Mosè għolla idu, u ħabbat darbtejn fuq il-blata bil-ħatar u bdew ħerġin gliegel ta’ ilma, u xorbu l-ġemgħa u l-bhejjem kollha.

U l-Mulej qal lil Mosè u lil Aron: “Għax intom ma emmintux fija, u ma ħaristulix qdusiti quddiem Iżrael, intom ma ddaħħlux lil din il-ġemgħa fl-art li se nagħtihom”. Dawn huma l-ilmijiet ta’ Meriba, fejn ulied Iżrael ħaduha mal-Mulej, u hemm tahom prova ta’ qdusitu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 94 (95), 1-2.6-7.8-9

R/. (8ab): Illum isimgħu leħen il-Mulej u la twebbsux qalbkom

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,
ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,
ngħannulu b’għajjat ta’ ferħ. R/.

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,
għarkupptejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!
Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu. R/.

Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu!
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,
bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,
għalkemm raw dak li jien għamilt”. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 16, 18

Hallelujah. R/. Hallelujah
Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi,
u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Inti Pietru. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet.
Mt 16, 13-23

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, u staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?”. U huma weġbuh: “Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed mill-profeti”. “Imma intom min tgħidu li jien?”, staqsiehom. U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj”.

U Ġesù wieġbu u qallu: “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kulma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kulma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet”. Imbagħad lid-dixxipli tiegħu wissiehom biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li huwa l-Messija.

Minn dakinhar Ġesù beda juri lid-dixxipli tiegħu li kien meħtieġ għalih li jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum.

Pietru ġibdu lejh u beda jlumu u jgħidlu: “Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik?”. Iżda Ġesù dar u qal lil Pietru: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int tfixkil għalija, għax m’intix tqis il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma qiegħed taħsibha ta’ bniedem li int!”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading