Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tat-XVIII-il ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

It-Tmintax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa

QARI I
Irrifjutaw art tnixxi ħalib u għasel.
Num 13, 1-3a.25 -14, 1.26-30.34-35

Qari mill-Ktieb tan-Numri

F’dak iż-żmien, il-Mulej kellem lil Mosè fid-deżert ta’ Faran u qallu: “Ibgħat xi rġiel jitkixxfu l-art ta’ Kangħan li jien se nagħti lil ulied Iżrael. Ibgħat wieħed minn kull tribù ta’ missirijiethom. Ilkoll mill-kapijiet fosthom”. U Mosè bagħathom mid-deżert ta’ Faran, skont ma qallu l-Mulej.

Reġgħu lura mit-tkixxif tal-art wara erbgħin jum. Malli waslu marru għand Mosè u Aron u l-ġemgħa kollha ta’ Iżrael fid-deżert ta’ Faran f’Kades. U qalulhom b’kollox, lilhom u lill-ġemgħa kollha ta’ Iżrael, u wrewhom il-frott tal-art.

Irrakkuntawlu kulma raw, u qalu: “Morna fl-art li intom bgħattuna nitkixxfu, u tassew tnixxi ħalib u għasel; u dan hu l-frott tagħha; iżda n-nies li joqogħdu fiha huma nies ta’ saħħa, u l-ibliet magħluqa bis-swar u kbar ħafna. Hemm rajna ’l ulied Għanak; l-Għamalekin li jgħammru fin-Negeb; il-Ħittin, il-Ġebusin, l-Amurrin li jgħammru fuq l-għoljiet; u l-Kangħanin li jgħammru n-naħa tal-baħar u max-xtut tal-Ġordan”.

Kaleb sikket il-poplu quddiem Mosè u qalilhom: “Infittxu nitilgħu, u neħduha f’idejna. Nistgħu nirbħuha għax nifilħu għaliha”. U l-irġiel li telgħu miegħu qalu: “Ma nistgħux naħbtu għal poplu jiflaħ aktar minna”. U xerrdu xniegħa ħażina fuq l-art li marru jitkixxfu lil ulied Iżrael, u qalulhom: “L-art, li dħalna fiha biex nitkixxfuha, tibla’ lil kull min imur jgħammar fiha, u l-popli kollha li rajna f’nofsha huma razza ta’ nies twal. Hemm rajna l-ġganti (ulied Għanak ġejjin mill-ġganti) u ħassejna ruħna bħal ġradijiet u hekk deherna aħna
f’għajnejhom”.

U l-ġemgħa kollha ta’ Iżrael refgħet leħinha u nfexxet tgħajjat; u l-poplu għadda dak il-lejl jibki. U l-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom: “Kemm se ddum din il-ġemgħa ħażina tgemgem kontrija? Jien smajt it-tgemgim ta’ wlied Iżrael kontra tiegħi. Għidilhom: “Daqs kemm jien ħaj – l-oraklu tal-Mulej – nagħmlilkom kif għedtuli f’widnejja. F’dan id-deżert jaqgħu l-katavri tagħkom, intom ilkoll li kontu magħdudin minn għoxrin sena ’l fuq, li gemgimtu kontra tiegħi. Ma tidħlux fl-art li jien, b’idi merfugħa ’l fuq, ħlift li nserraħkom fiha, ħlief Kaleb bin Gefunni u Ġożwè bin Nun. Iġġorru fuq spallejkom il-kastig ta’ ħtijietkom għal erbgħin sena, sena għal kull jum li domtu titkixxfu l-art. Hekk tkunu tafu li stmellejtkom”. Jiena, il-Mulej, tkellimt: hekk nagħmel lil din iċ-ċorma nies ħżiena li ftiehmu kontra tiegħi. Jintemmu fid-deżert, u hemm imutu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 105 (106), 6-7a.13-14.21-22.23

R/. (4a): Ftakar fija, Mulej, fi mħabbtek għall-poplu tiegħek

Aħna dnibna, bħal missirijietna,
waqajna fil-ħtija, għamilna l-ħażen.
Missirijietna fl-Eġittu
ma għarfux l-għeġubijiet tiegħek. R/.

Malajr insew għemilu;
mank stennew li jseħħ ħsiebu.
U qabdithom kilba bla lġiem fid-deżert,
u ġarrbu lil Alla fix-xagħri. R/.

U nsew ’l Alla, li salvahom,
li għamel ħwejjeġ kbar fl-Eġittu,
għeġubijiet fl-art ta’ Ħam,
ħwejjeġ tal-biża’ fil-Baħar tal-Qasab. R/.

Kien għamel il-ħsieb li jeqridhom,
li ma kienx għal Mosè, il-magħżul tiegħu,
li waqaf fis-selħa tas-sur quddiemu,
biex iberrdu u ma jeqridhomx. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 7, 16

Hallelujah. R/. Hallelujah
Profeta kbir qam fostna,
u Alla żar il-poplu tiegħu.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Mara, il-fidi tiegħek kbira!
Mt 15, 21-28

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù ħareġ minn hemm u telaq lejn Tir u Sidon. U ħarġet waħda mara Kangħanija minn dawk l-inħawi, u qabdet tgħajjat u tgħid: “Ħenn għalija, Mulej, Bin David! Binti għandha fiha xitan, u magħdura ħafna”. Iżda hu ma weġibhiex kelma.

Resqu lejh id-dixxipli tiegħu, jitolbuh u jgħidulu: “Eħles minnha, għax ġejja tgħajjat warajna”. Imma hu qalilhom: “Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael”.

Iżda hi resqet, inxteħtet quddiemu u qaltlu: “Għinni, Mulej!”. Hu weġibha: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi”. “Hekk hu, Mulej”, qaltlu: “iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom”.

Imbagħad wieġeb Ġesù u qalilha: “Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq”. U minn dak il-ħin stess bintha fieqet.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu