Qari tal-Quddies tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej. (F)

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

6 ta’ Awwissu
It-Trasfigurazzjoni tal-Mulej
Festa

QARI I
Dan 7: 9-10. 13-14

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel

Jien, Danjel, kont qiegħed inħares, meta tqiegħdu xi tronijiet, u wieħed Xiħ fil-għomor qagħad bilqiegħda; ilbiesu abjad silġ, u xuxtu bajda suf; ilsna tan-nar it-tron tiegħu, nar iħeġġeġ ir-roti tiegħu; xmara ta’ nar kienet għaddejja, ħierġa minn quddiemu; eluf ta’ eluf kienu jaqduh, u għaxart elef ta’ għaxriet ta’ eluf weqfin quddiemu.

Il-Qorti qagħdet bilqiegħda, u l-kotba nfetħu. Billejl deherli li qiegħed nara bħal Iben ta’ Bniedem, ġej fis-sħab tas-sema, li baqa’ sejjer sax-Xiħ fil-għomor u tressaq quddiemu. U lilu ngħatat ħakma, gieħ u saltna, biex lilu jaqdi kull ġens u poplu u lsien. Il-ħakma tiegħu ħakma għal dejjem, li ma tgħaddix, u s-saltna tiegħu li ma tinqeridx.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
96: 1-2.5-6.9

R/. Il-Mulej isaltan, hu ’l fuq mill-art kollha!

Il-Mulej isaltan!
Ħa tifraħ l-art, ħa jifirħu l-ħafna gżejjer!
Sħab u dlam hemm madwaru,
is-sewwa u l-ħaqq is-sisien tat-tron tiegħu. R/.

Bħax-xema’ jdubu l-muntanji quddiem il-Mulej,
quddiem is-Sid tal-art kollha;
ixandru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu,
u l-popli kollha jaraw is-sebħ tiegħu. R/.

Għax inti l-Mulej,
’il fuq mill-art kollha,
’il fuq mill-allat inti ħafna għolejt. R/.

QARI II
2 Pietru 1: 16-19

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pietru Appostlu

Għeżież: aħna ma konniex qegħdin nibnu fuq ħrejjef maħluqa minn moħħna meta għarrafniekom dwar il-qawwa ta’ Sidna Ġesù Kristu u dwar il-miġja tiegħu. Rajna b’għajnejna aħna stess il-kobor tiegħu meta hu ħa mingħand Alla l-Missier ġieħ u sebħ, u leħen mit-Tron Glorjuż instama’ jgħid għalih: “Dan hu Ibni, l-għażiż tiegħi, li bih jiena nitgħaxxaq.” Aħna smajnieh dan il-leħen ġej mis-sema meta konna miegħu fuq il-muntanja mqaddsa. U hekk għandna mwettqa aħjar il-kelma tal-profeti. Tagħmlu sewwa jekk toqogħdu attenti għaliha; hi bħal fanal li jagħti d-dawl f’post mudlam, sa ma jibda jbexbex il-jum u f’qalbkom titla’ l-kewkba ta’ filgħodu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI GĦALL-EVANĠELJU

R/. Hallelujah
Dan hu Ibni l-għażiż: isimgħu lilu!
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Mt 17:1-9

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

Sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u ’l Ġakbu u ’l ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu. Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija.” Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu.” Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’. Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux.” Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu. Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet.”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading