Qari tal-Quddies ta’ San Mattew, Appostlu u Evanġelista. (F)

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

21 ta’ Settembru
San Mattew, appostlu u evanġelista
Festa

QARI I
Efesin 4: 1-7.11-13

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti: Inħeġġiġkom, jien, il-priġunier tal-Mulej, biex timxu sewwa skont is-sejħa li biha kontu msejħin. Bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u s-sabar, aħmlu ’l xulxin fl-imħabba; fittxu li żżommu l-għaqda tal-Ispirtu bir-rabta tas-sliem. Intom ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda; Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda; Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li hu fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd.

Imma lil kull wieħed minna ġiet mogħtija l-grazzja skont il-qjies tal-għajta ta’ Kristu. U huwa dak li ta’ lil xi wħud li jkunu appostli, lil xi wħud profeti, lil xi wħud evanġelisti, lil xi wħud ragħajja u mgħallmin, ħalli b’hekk jitrawmu l-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma tagħhom għall-bini tal-Ġisem ta’ Kristu, sakemm aħna lkoll naslu biex insiru wieħed fil-fidi u fil-għarfa tal-Iben ta’ Alla, insiru raġel magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu. U hekk isseħħ il-milja ta’ Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 18: 2-5

R/. Mal-art kollha jasal leħinhom!

Is-smewwiet ixandru l-glorja ta’ Alla,
għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.
Jum lill-ieħor jagħti l-aħbar,
lejl lill-ieħor iwassal it-tagħrif. R/.

Ma hemmx aħbar u anqas kliem,
ma hemmx leħen li ma jinstemax.
Mal-art kollha jasal leħinhom,
mad-dinja kollha jinxtered kliemhom. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

R/. Hallelujah.
Lilek, o Alla infaħħru: lilek bħala Mulej nistqarru.
Lilek tfaħħar, Mulej, il-ġemgħa glorjuża tal-Appostli.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Mt 9: 9-13

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien: Huwa u għaddej Ġesù ra wieħed bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi; kien jismu Mattew. “Ejja warajja”, qallu. Dak qam u mar warajh. U ġara li, kif qagħad għandu għall-mejda ma’ Ġesù u d-dixxipli tiegħu, rawh il-Fariżej, u qalu lid-dixxipli tiegħu: “Għaliex jiekol mal-pubblikani u l-midinbin l-Imgħallem tagħkom”? Hu semagħhom u qal: ‘It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda. Mela morru tgħallmu x’jiġifieri ‘Ħniena nistenna u mhux sagrifiċċju’; għax mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading