Il-Ħamsa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa
QARI I
Alla tagħna ma nsiniex fl-eżilju tagħna.
Esd 9, 5-9
Qari mill-Ktieb ta’ Esdra
Xħin kienu qed joffru s-sagrifiċċju ta’ filgħaxija, jien, Esdra, qomt mill-għajb tiegħi, u bi ħwejġi u l-mantar tiegħi mċarrtin inżilt għarkupptejja, u ftaħt idejja lejn il-Mulej, Alla tiegħi, u għedt: “Alla tiegħi, jien inħossni nistħi, u wiċċi ma jagħtinix li nerfa’ ħarsti lejk, Alla tiegħi. Għax dnubietna tant kotru li ninsabu mgħaddsin sa rasna fihom, u ħtijietna għolew m’ogħla s-smewwiet. Minn żmien missirijietna sal-lum waqajna fi ħtijiet kbar u minħabba fi dnubietna, aħna, is-slaten tagħna, u l-qassisin tagħna, ġejna mogħtija f’idejn slaten barranin. Dawn darbuna bix-xabla, ħaduna fl-eżilju, ħadulna ġidna, u ġejna fl-għajb li qegħdin fih illum.
Imma issa, il-Mulej, Alla tagħna, tana grazzja għal ftit taż-żmien, billi ħallielna fdal u tana fuqiex nafdaw, jiġifieri dan il-post qaddis. B’hekk Alla tagħna ried iferraħna u jgħajjixna għal ftit fl-eżilju tagħna. Għax aħna lsiera; imma Alla tagħna ma nsiniex fl-eżilju tagħna, għax wera l-ħniena tiegħu magħna quddiem is-slaten tal-Persja, meta tana mill-ġdid il-ħajja ħa nerġgħu ntellgħu t-tempju ta’ Alla tagħna, u nerġgħu nibnuh mill-ħerba tiegħu u b’hekk ikollna kenn f’Ġuda u Ġerusalemm”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Tob 13, 2.3-4a.4bċd.5.8
R/. (2a): Imbierek Alla, li jgħix għal dejjem
Imbierek Alla, li jgħix għal dejjem,
u s-saltna tiegħu!
Jikkastiga u jħenn.
iwasslek sal-qabar f’qiegħ l-art,
u mbagħad jerfgħek mill-akbar qerda. R/.
Faħħruh, ulied Iżrael, quddiem il-ġnus!
Hu xerridkom f’nofshom.
U hemm uriekom il-kobor tiegħu. R/.
Għolluh quddiem il-ħajjin kollha.
Hu Sidna, u Alla tagħna!
Hu Missierna, u Alla tagħna,
għal dejjem ta’ dejjem. R/.
Minħabba dnubietkom jikkastigakom,
imma jħenn għalikom ilkoll;
u għad jiġborkom minn fost il-ġnus kollha,
li f’nofshom tinsabu mxerrda. R/.
Infaħħru jien f’art l-eżilju tiegħi,
u nuri l-qawwa u l-kobor tiegħu lill-ġens midneb.
Erġgħu lura għal għandu, midinbin,
u għamlu l-ġustizzja quddiemu. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mk 1, 15
Hallelujah. R/. Hallelujah
Is-Saltna ta’ Alla waslet;
indmu u emmnu fl-Evanġelju.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Bagħathom ixandru s-Saltna ta’ Alla u jfejqu l-morda.
Lq 9, 1-6
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù sejjaħ lit-Tnax madwaru u tahom qawwa u setgħa fuq ix-xjaten kollha u li jfejqu l-mard. U bagħathom ixandru s-Saltna ta’ Alla u jfejqu l-morda. U qalilhom: “Tieħdu xejn magħkom għat-triq, la ħatar, la ħorġa, la ħobż u lanqas flus, u lanqas ma jkollkom żewġ ilbiesi. Jekk tidħlu f’xi dar, ibqgħu hemm sa ma tiġu biex titilqu. Jekk ma jilqgħukomx, oħorġu minn dik il-belt u farfru sa t-trab tagħha minn ma’ riġlejkom bħala xhieda kontrihom”.
Ħarġu, mela, u bdew iduru l-irħula jxandru l-Evanġelju u jfejqu l-morda kullimkien.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu