Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tar-IV ġimgħa tal-Avvent. (FP)


Stampa t-test tal-qari …

22 ta’ Diċembru

QARI I
Ir-radd ta’ ħajr ta’ Anna għat-twelid ta’ Samwel.
1 Sam 1, 24-28

Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel

F’dak iż-żmien, Anna tellgħet ’il binha Samwel magħha fid-dar tal-Mulej f’Silo. Ħadet magħha gendus ta’ tliet snin, efa dqiq u żaqq inbid, u marret bit-tfajjel magħha. Hemm qatlu l-gendus, u ressqu t-tifel quddiem Għeli, u qaltlu: “Nitolbok, sidi; daqskemm int ħaj, sidi, jien dik il-mara li kienet wieqfa hawn ħdejk titlob lill-Mulej. Għal dan it-tifel kont tlabt, u l-Mulej laqa’ t-talba tiegħi, u tani li tlabtu. U issa jien se nagħtih lill-Mulej il-jiem kollha ta’ ħajtu, u kemm idum ħaj ikun tal-Mulej”. U qiemu lill-Mulej hemmhekk.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
1 Sam 2, 1.4-5.6-7.8abċd

R/. (1a): Ferħet qalbi bil-Mulej

Ferħet qalbi bil-Mulej;
irtefgħet rasi fil-Mulej;
iddieħak fommi bl-għedewwa tiegħi,
għax fraħt bis-salvazzjoni tiegħek. R/.

Tkisser il-qaws tal-qawwijin,
u d-dgħajfin tħażżmu bil-ħila.
L-imxebbgħin bil-ħobż inkrew,
u ma baqgħux jitħabtu l-imġewħin.
Il-mara bla tfal wildet sebgħa,
u dbielet il-mara b’ħafna tfal. R/.

Il-Mulej jibgħat il-mewt u jagħti l-ħajja,
iniżżel fl-imwiet u jtalla’.
Il-Mulej ifaqqar u jagħti l-ġid,
ibaxxi u jgħolli wkoll. R/.

Iqajjem mit-trab lill-imsejken
u l-fqajjar jerfgħu mill-miżbla,
u jqegħedhom mal-kbarat,
biex jirtu tron ta’ ġieħ. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Hallelujah. R/. Hallelujah
O sultan tal-ġnus, ġebla tax-xewka tal-Knisja,
ejja u salva l-bniedem li int għamilt mit-trab.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar.
Lq 1, 46-55

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, qalet Marija:
“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.
Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli hienja,
għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien
fuq dawk li jibżgħu minnu.
Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,
u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn.
Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu,
għax ftakar fil-ħniena tiegħu,
bħalma wiegħed lil missirijietna,
b’riżq Abraham u nislu għal dejjem”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu