Ġwanni Pawlu II lill-Istudenti Universitarji

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA GĦALL-ISTUDENTI UNIVERSITARJI
BI TĦEJJIJA GĦALL-MILIED
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika ta’ S. Pietru, 16 ta’ Diċembru 1982 

1. Ħejju t-triq tal-Mulej!

Illum qegħdin niltaqgħu, f’din il-għaxija ta’ Diċembru, ġewwa l-ħitan tal-Bażilika ta’ San Pietru, biex ningħaqdu għall-appell tal-Avvent.

Nixtieq nesprimi l-ferħ kordjali tiegħi għal din il-laqgħa, li għaliha qegħdin jattendu l-professuri u l-istudenti tal-Universitajiet ta’ Ruma, kif ukoll il-mistednin ġejjin minn diversi Ċentri Universitarji tal-Italja. Qegħdin niltaqgħu hawn, diġa għar-rabà darba, fil-perijodu tal-Avvent, kif ukoll fiż-żmien tar-Randan, biex nissodisfaw il-bżonn tal-fidi tagħna.

Il-fidi tkellimna bl-appell li darba kien jidwi fuq xuftejn il-profeta Iżaija, u mbagħad kien irripetut minn Ġwanni il-Battista fl-inħawi tal-Ġordan:

, “Ħejju t-triq tal-Mulej, / iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu! . . . ? Kull bniedem se jara s-salvazzjoni ta’ Alla!” (Lq 3, 4.6).

Alleluia, Alleluia, Alleluia.

Huwa possibbli li naraw is-salvazzjoni?

Xi tfisser is-salvazzjoni?

Xi jfisser li tkun salvat?

Ifisser: tkun meħud mill-ħażin, meħlus minnu. Li jfisser, fl-istess ħin u fuq kollox, tkun imħaddan mit-tajjeb, tkun mimli mill-ġdid mit-tajjeb. Is-salvazzjoni tfisser is-sehem fil-ġid, is-sehem irriversibbli fil-Ġid li ma jinbidilx u definittiv.

2. Il-profeta Iżaija, sebà sekli qabel Kristu, u Ġwanni l-Battista fl-inħawi tal-Ġordan, iħabbru tali salvazzjoni. Iħabbruha billi jużaw il-futur: “Kull bniedem se jara s-salvazzjoni ta’ Alla”, F’dan il-kliem huma jesprimu dak li jikkostitwixxi s-sustanza tal-Avvent.

Infatti l-Avvent jitkellem dwar is-salvazzjoni li tiġi lill-bniedem mingħand Alla: mingħand Alla biss.

X’kienet il-kredib ilità ta’ dan il-kliem dak iż-żmien, fiż-żminijiet ta’ Iżaija? Fiż-żminijiet ta’ Ġwanni l-Battista? Ikellimna dwar dan il-qari kollu tal-Avvent u fost l-oħrajn il-liturġija tallum.

X’inhi l-kredibiltà ta’ dan il-kliem illum? Sa ċertu punt, hija l-istess ta’ dak iż-żmien. Il-bniedem, illum bħal dak iż-żmien, jaf per esperjenza, per l-esperjenza ġenerali tal-bnedmin kollha, li l-eżistenza tiegħu fid-dinja viżibbli ma tħallihx jieħu sehem fil-ġid inalterabbli u definittiv. U jekk din l-eżistenza terrena toffri lill-bniedem diversi ġid, jekk it-totalità tal-ġid li jeżisti fid-dinja huwa dak li jiġi prodott mill-ġeneru uman jikber u jiżdied b’qawwa, fl-istess ħin dawn, meħudin flimkien, mhumiex kapaċi li “jsalvaw” lill-bniedem, jiġifieri li jeħilsuh minn kull ħażin, u li jqisuh milja tal-ġid. Anzi, il-bniedem tallum, fid-dimensjoni kożmika tal-eżistenza tiegħu, iħoss it-theddida min-naħa ta’ ħażin multiplu jistà jkun b’iktar qawwa, u b’mod iktar doloruż, mill-kontemporanji tal-profeta Iżaija jew ta’ Ġwanni l-Battista fuq ix-xtut tal-Ġordan.

Dan huwa madankollu argument esklussivament negattiv. Dan jgħid: “id-dinja ma ssalvax”. Igħid “Il-bniedem ma jsibx is-salvazzjoni f’xorti terrena”. Taħt dan l-aspett, il-kredibiltà tal-kliem ta’ Iżaija u ta’ Ġwanni l-Battista hija llum simili għal dik ta’ darba. Jistà jkun li hija saħansitra iktar drammatika.

3. Madankollu, dan il-kliem ma jistrieħx biss fuq tali kredibilità. Ma jiqafx fuq l-argument esklussivament negattiv. Minn tali argument il-profeta linqas ma jinqeda. Huwa ma jgħidx lis-semmiegħa tiegħu: “id-dinja mhix se ssalvakom”, imma saħansitra jgħidilhom: “se jsalvakom Alla” – “kull bniedem se jara s-salvazzjoni ta’ Alla”. Il-profeta jinqeda bil-lingwaġġ tal-fidi, bl-argument tal-fidi. U jekk b’mod sieket jassumi l-kredibiltà li tiġi mill-esperjenza ġenerali tal-bnedmin, dan jagħmlu biex jappella, ukoll fuq tali bażi, għalll-kredibiltà tal-Kelma ta’ Alla nnifsu..

Alla qal li hu jrid isalva lill-bniedem.

Alla jgħid b’mod konsistenti li huwa hu s-salvazzjoni tal-bniedem. Dan qalu permezz ta’ Iżaija u tal-profeti kollha. Qalu permezz ta’ Ġwanni l-Bsttista. Fuq kollox qalu permezz ta’ Ġesù Kristu. U bil-qawwa ta’ Kristu jgħidu b’mod konsistenti permezz tal-Knisja.

Jgħidu b’mod speċjali fl-Avvent.

U aħna qegħdin niltaqgħu f’dan l-Avvent biex mill-ġdid nisimgħu, għal darb’oħra, il-Kelma ta’ Alla dwar is-salvazzjoni li tiġi minn Alla; biex nilqgħu din il-kelma bil-fidi; biex nagħrfu l-kredibilità li taqà taħt il-kompetenza esklussiva tal-Kelma ta’ Alla: lilu biss. Fl-aħħarnett biex inħejju ruħna – permezz ta’ dan l-att u ta’ dan il-proċediment ta’ fidi konxja, adegwata għall-ispirtu tal-Avvent – għal-laqgħa ma’ Alla li ġej..

“Ħejju t-triq tal-Mulej, / iddrittaw il-mogħdijiet! . . . / Kull bniedem se jara s-salvazzjoni ta’ Alla!”.

4. Nitlobkom, għeżież ħuti, biex tilqgħu din l-istedina bis-sempliċità kollha tal-fidi tagħkom. Il-bniedem iħejji triq il-Mulej, u jidritta l-mogħdijiet tiegħu meta jeżamina l-kuxjenza tiegħu, meta jifli l-opri tiegħu, kliemu, ħsibijietu, meta jsejjaħ it-tajjeb u l-ħażin b’isimhom, meta ma jaħsibhiex darbtejn li jqerr dnubietu fis-sagrament tal-Qrar, jindem minnhom u jwiegħed li ma jagħmilx iktar dnubiet.

Propju dan ifisser “tidritta l-mogħdijiet”. Dan ifisser ukoll tilqà l-bxara l-ġdida tas-salvazzjoni. Kull wieħed u waħda minna nistgħu “naraw is-salvazzjoni ta’ Alla” f’qalbna u fil-kuxjenza tagħna, meta nieħdu sehem fil-Misteru tal-maħfra tad-dnubiet, bħalma għall-Avvent tiegħu.

5. U meta tirċievu dan is-sagrament, nitlobkom taħsbu dwar dak li jgħidilna l-Vanġelu tal-liturġija tallum.

Kristu jirrendi xhieda lill-Prekursur tiegħu. Jirrendi xhieda lil Ġwanni fl-inħawi tal-Ġordan. Dan jagħmulu f’termini metaforiċi u qawwija. Huwa jistaqsi lis-semmiegħa: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Xi qasba tixxejjer mar-riħ?  U mbagħad?” – jgħid – xi ħriġtu taraw? Bniedem imlibbes bi ħwejjeġ rotob?” (Lq 7, 24-25).

Kristu jagħmel din id-domanda f’forma retorika, hekk li, permezz taċ-ċaħda, wieħed ikun jistà juri mill-ġdid iktar il-verità evidenti dwar min kien Ġwanni. Infatti huwa magħruf li hu ma kienx jiċċaqlaq bħal qasba fir-riħ, imma kien jipprofessa b’mod sempliċi u fundamentali l-verità u jxandarha. Huwa magħruf li ma kienx imkebbeb f’ilbies artab, imma fi “lbies ta’ ġild tal-ġemel” (Mt 3, 4), u dan kien biss wieħed mill-partikolari l- kien jirrigwarda l-ħajja tiegħu iebsa u mortifikata.

Iva, Ġwanni kien profeta. Kien “iktar minn profeta” (Lq 7, 26 ). Huwa kien “dak li dwaru kien hemm miktub: Hekk hu, jiena nibgħat qablek il-messaġġier tiegħi, huwa jħejjilek it-triq quddiemek” (Lq 7, 27).

Iva, Ġwanni kien profeta u prekursur tal-Messija. Kristu jgħid dwaru li “fost dawk imwielda minn mara, mhemm ħadd ikbar minn Ġwanni” (Lq 7, 28).

6. Għaliex nieqfu f’din ix-xhieda li Kristu jagħti ta’ Ġwanni mill-inħawi tal-Ġordan? Dan nagħmluh biex nirrendu ruħna konxji aħna wkoll ta’ liema sinifikat għandha l-kelma ta’ verità, li biha nipprofessaw li Kristu huwa “Il-Ħaruf ta’ Alla”, Dak li jneħħi dnubiet id-dinja (cf. Ġw 1, 29). Propju hekk għamel Ġwanni fl-inħawi tal-Ġordan.

Hekk hu, kull wieħed u waħda minna nippronunzjaw tali kliem meta, fis-sagrament tal-Qrar inqerru ħtijietna sabiex il-Ħaruf ta’ Alla jneħħi dawk id-dnubiet. U lil kull min minna jqerr b’umiltà u ndiema dan il-kliem ta’ verità – il-verità fuqu nnifsu – Kristu jrid jagħti xhieda simili, bħalma ta Ġwanni mill-inħawi tal-Ġordan: “L-iżgħar wieħed fis-saltna ta’ Alla huwa ikbar minnu” (Lq 7, 28).

Mela nitlobkom, ħuti, li tridu timmeditaw fil-perijodu tal-Avvent, il-kliem ta’ Kristu migħud dwar Ġwanni l-Battista – u li jkollkom il-ġuħ u l-għatx li tirċievu xhieda simili fuqkom, billi teżaminaw il-kuxjenza tagħkom u billi tirċievu s-sagrament tal-Qrar.

“Ħejju t-triq tal-Mulej, / iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu! . . . / Kull bniedem se jara s-salvazzjoni ta’ Alla!” (Lq 3, 4-5).

7. Is-salvazzjoni ta’ Alla hija opra ta’ mħabba ikbar mid-dnub tal-bniedem. L-imħabba biss tistà tħassar id-dnub u teħles mill-ħażin – u l-imħabba biss tistà tikkonsolida l-bniedem fit-tajjeb; fit-tajjeb inalterabbli u etern,

Dwar dan ikellimna fil-wisgħa l-ewwel qari tal-liturġija tallum meħud huwa wkoll mill-profeta Iżaija.

L-imħabba ta’ Alla li twassalna għas-salvazzjoni hija mqabbla f’dan il-qari mal-imħabba ta’ għarus, ta’ raġel miżżewweġ – bħalma iktar minn darba jseħħ fost il-profeti, u mbagħad fl-ittra pawlina lill-Efesin.

“Ladarba għarustek huwa l-Ħallieq tiegħek, / Mulej tal-eżerċti huwa ismu; / feddej tiegħek huwa l-Qaddis ta’ Iżrael, / huwa msejjaħ Alla fl-art kollha” ( 54, 5).

U propju dan Alla tal-Avvent tagħna: Ħallieq u Feddej – jagħmel, fi kliem Iżaija, din il-professjoni ta’ tali mħabba lejn il-bniedem, lejn il-bniedem midneb: “Ukoll jekk il-muntanji jiċċaqilqu / u l-għoljiet jitwarrbu, / l-imħabba tiegħi ma titbigħedx minnek, / linqas il-patt tiegħi ta’ paċi” ( 54, 10).

8. Nidrittaw il-mogħdijiet tal-Mulej.

U ejjew nħejju ruħna – mill-ġdid għal darb’oħra – għal-laqgħa ma din l-Imħabba li fil-lejl tal-Milied tal-Mulej se tirrivela ruħha fil-figura ta’ tarbija bla saqaf fuq rasha.

“Kull bniedem se jara s-salvazzjoni ta’ Alla”.

Ejjew niftakru mill-ġdid li din l-imħabba feddejja, li tiġi lill-bniedem fil-lejl ta’ Betlem, u tirrivela ruħha fis-Salib u fil-Qawmien mill-Imwiet, tibqà bla taqtà miktuba fil-ħajja tal-Knisja bħala s-“Sagrament tal-Ġisem u tad-Demm tal-Mulej”, bħala Ikel tal-erwieħ.

Kull darba li nirċievu dan is-Sagrament, kull darba li naċċettaw dan l-Ikel – ejjew inħejju triq il-Mulej, nidrittaw il-mogħdijiet tiegħu.

Jalla dejjem, u b’mod speċjali fil-perijodu tal-Avvent, ikollna ġuħ u għatx ta’ dan l-Ikel!

Jalla permezz tas-Sagrament tal-Ġisem u tad-Demm, nibnu t-triq li fuqha se jiġi għandna Alla fil-misteru tat-twelid tiegħu.

Dan huwa l-awgurju li nestendi lilkom ilkoll, li ġejtu hawn għal din iċ-ċelebrazzjoni li tħejjijna għall-Milied. Nakkumpanja l-awgurju b’tislima partikolarment kordjali, li nestendi qabel xejn lis-Senatriċi Franca Falcucci, Ministru tal-Istruzzjoni Pubblika, lill-illustri Retturi tal-Universitajiet u lill-Professuri, li l-lejla riedu jkunu hawn magħna: il-preżenza tagħhom hija tassew ta’ pjaċir għalija u nixtieq nesprimilhom il-ferħ u r-rikonoxxenza sinċiera tiegħi għas-sehem tagħhom għal dan il-waqt sinifikattiv ta’ riflessjoni u ta’ talb.

Insellem imbagħad b’qalb kbira lilkom ilkoll studentessi u student universitarji, li din id-darba wkoll ġejtu numerużi għall-laqgħa, li qiegħda ssir drawwa sabiħa, għanja ta’ faxxinu singulari u kapaċi li tqanqal għanijiet imġedda ta’ impenn ġeneruż fix-xhieda ta’ kuljum tal-fidi tagħkom.

Jalla jibqà fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minnkom id-diwi tal-kliem tal-profeta: “Ħejju t-triq tal-Mulej, / Iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu! . . . / Kull bniedem se jara s-salvazzjoni ta’ Alla!”.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading