Qari tat-Tnejn tal-Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

QARI I
Eżekjel ikun għalikom sinjal, għax kulma għamel hu għad tagħmluh intom ukoll.
Eżek 24, 15-24

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

F’dan iż-żmien, ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli: “O bniedem, arani minnufih se neħodlok l-għaxqa ta’ għajnejk; issa int toqgħodx tnewwaħ jew tibki, u xxerridx dmugħ. Rażżan it-tnehid tiegħek u tagħmilx vistu għall-mejtin. Orbot it-turbant fuq rasek, u xidd il-qorq f’riġlejk; tgħattix ilħitek u tikolx ħobż il-vistu”. Filgħodu mort inkellem lill-poplu u filgħaxija mititli marti. Imbagħad l-għada filgħodu għamilt kif qalli l-Mulej. U n-nies qaluli: “Ladarba qiegħed iġġib ruħek hekk, għax ma tgħidilniex xi jfissru dawn il-ħwejjeġ?”.

U jien weġibthom: “Il-Mulej kellimni u qalli: Għid lil dar Iżrael: Dan jgħid Sidi l-Mulej: Araw, se nipprofana s-santwarju tiegħi, il-glorja tal-qawwa tagħkom, l-għaxqa ta’ għajnejkom, u l-għożża ta’ qalbkom; u wliedkom, subien u bniet, li intom ħallejtu, imutu bix-xabla; u intom tagħmlu kif għamilt jien; la tgħattu lħitkom u lanqas tieklu ħobż il-vistu, ikollkom it-turbanti fuq raskom u l-qrieq f’riġlejkom, ma toqogħdux tnewħu, imma tinfnew fi ħżunitkom u tokorbu bejnietkom. U Eżekjel ikun għalikom sinjal, għax kulma għamel hu għad tagħmluh intom ukoll: meta jiġri dan, imbagħad tagħrfu li jien il-Mulej!”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Dewt 32, 18-19.20.21

R/. (ara 18a): Insejt ’l Alla li nisslek
jew Aħfer, O Alla, id-dnub ta’ wliedek

Int insejt il-Blata li wilditek,
insejt ’l Alla li nisslek.
Il-Mulej ra dan, u fil-korla tiegħu
stmerr ’l uliedu, subien u bniet. R/.

U qal: “Naħbi wiċċi minnhom,
u nara xi jsir minnhom.
Għax nisel ħażin huma,
ulied li kelma ma jżommuhiex. R/.

Kebbsuli l-għejra b’dak li mhux alla,
regħxuni b’allathom fiergħa;
u jiena nkebbsilhom l-għejra b’dak li poplu mhux,
irregħexhom b’nies bla moħħ”. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 5, 3

Hallelujah. R/. Hallelujah
Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Jekk trid tkun perfett, mur, bigħ il-ġid li għandek, u jkollok teżor fis-sema.
Mt 19, 16-22

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, resaq wieħed fuq Ġesù u qallu: “Mgħallem, x’għandi nagħmel tajjeb biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”. U Ġesù qallu: “Għax tistaqsini fuq it-tajjeb? Wieħed hu t-Tajjeb. Jekk int trid tidħol fil-ħajja, ħares il-kmandamenti”. “Liema?” staqsieh dak. U Ġesù wieġbu: “La toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, weġġaħ lil missierek u ’l ommok, u ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Qallu ż-żagħżugħ: “Jiena dan kollu ħaristu; x’jonqosni iżjed?”. Wieġbu Ġesù: “Jekk trid tkun perfett, mur, bigħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja!”. Iż-żagħżugħ kif sama’ dan, telaq b’qalbu sewda, għax kien għani ħafna.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading