Ġwanni Pawlu II fiċ-Ċentru taż-Żgħażagħ, San Lorenzo

Print Friendly, PDF & Email

INAWGURAZZJONI TAĊ-ĊENTRU INTERNAZZJONALI ĠOVANILI 
«SAN LORENZO»
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 13 ta’ Marzu 1983 

Għeżież ħuti!

1. Ilqajt bil-qalb l-istedina biex nippresiedi din iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni taċ-Ċentru Internazzjonali Ġovanili “San Lorenzo”. Mal-inizjattivi spiritwali diġa eżistenti fid-dijoċesi tal-Papa se tiżdied mela oħra, ta’ mhux ftit importanza. U propju minn hawn nixtieq nesponiha lill-Isqfijiet tad-dinja kollha, sabiex jagħmlu dak kollu adegwat biex ixandru dan iċ-Ċentru liż-żgħażagħ tad-dijoċesijiet tagħhom u biex huma stess iqanqlu fihom attenzjoni speċjali fl-okkażjoni taż-żjajjar tagħhom fil-Belt Eterna.

Huwa ta’ ferħ speċjali għalija li naf li dan iċ-Ċentru kien maħsub partikolarment għaż-żgħażagħ pellegrini li jiġu Ruma, u li intom indħaltu għad-dispożizzjoni li tlestuh u biex tanimawh. Intom tafu x-xewqa tiegħi kbira li nkun qrib iż-żgħażagħ, li nivvalorizza wkoll bil-preżenza tiegħi il-mod tagħkom li bih temmnu u li tikkonċepixxu l-eżistenza. Dan iddikjarajtu fil-bidu tal-pontifikat tiegħi u rrid nirrepetih illum: “Intom il-ġejjieni tad-dinja, it-tama tal-Knisja: intom it-tama tiegħi”  (“L’Osservatore Romano”, 23-24 ottobre 1978, p. 2).

Intom dħaltu għas-servizz taċ-Ċentru Internazzjonali f’atteġjament kważi Marjan, b’ġenerożità, mingħajr ma tistgħu tkejlu l-għan ta’ dan l-impenn. Għamiltuh, imbuttati mill-Ispirtu Santu, lesti li tiftħu l-qlugħ sabiex l-Ispirtu ta’ Alla imexxikom skont ir-rieda tiegħu.

2. Dan iċ-Ċentru jiddependi mill-aħjar tagħkom: infatti l-attenzjoni tagħkom u s-servizz diżinteressat tagħkom għaż-żgħażagħ ġejjin minn partijiet differenti tad-dinja, se jwassalkom inevitabilment biex titkellmu dwar il-motivazzjonijiet tad-disponibiltà tagħkom, biex tiżvelaw lil dawk li jitkellmu magħkom id-dinja nterna tagħkom. Se titkellmu dwar dak li jqanqalkom, se jentużjażmakom, dwar dak li jorjenta ħajjitkom. U allura wkoll dwar il-fatt li intom imqanqla minn Kristu; li skoprejtuh bħala ħukom jew ħabibkom; li sperimentajtu l-ferħ tal-viċinanza tiegħu u tal-kelma li huwa jirriserva għax-xhieda tiegħu; li l-Mulej uriekom, għalkemm imċajpar, il-wiċċ tal-Missier li jħobb.

U għalfejn neskludu li, f’dan l-impenn, il-wieħed u l-ieħor minnkom iħoss is-sejħa ta’ Alla biex jiddedika ruħu kompletament għas-servizz spiritwali tal-Knisja? Hawn, jiena ċert, se ssibu iktar qawwi minn qatt qabel il-ferħ tax-xhud, li jikkorrobora l-fidi tal-oħrajn, li jikkomunika lill-oħrajn kemm jippossiedi mill-aħjar, jiġifieri l-fiduċja fil-Missier ta’ Ġesù Kristu. U hija propju din l-esperjenza li tqanqal il-vokazzjoni spiritwali.

3. Is-servizz li nxandru li “Alla huwa mħabba” jmiss propju lilna li nemmnu! Għal dan isejħilna l-messaġġ tal-Vanġelu tallum, li huwa bħal rigal għaċ-Ċentru “San Lorenzo”: rigal u orjentament speċjali għaliex huwa wieħed mill-isbaħ messaġġi li Ġesù afdalna.

Aħna nsejħu dan il-pass tal-Vanġelu ta’ Luqa: “Il-Parabbola tal-Iben il-Ħali” Hemm bżonn li nħallu li din il-kelma tinkiteb f’qalbna. Hemm bżonn li nġorruha f’qalbna wkoll meta d-dlam ta’ triq mingħajr ħruġ jiddisprana. Imma dan il-Vanġelu ma jħabbarx biss tama għal min jaħseb li mitluf. Din il-parabbola tistà wkoll tissejjaħ: “Il-parabbola tal-Missier li jħobb”, li qalbu rreżistibbli u l-ħniena tiegħu huma l-veru mottiv tat-tama.

Hekk, għal waqt wieħed biss, irridu ndawru ħarsitna lejn il-Missier, li Ibnu uniġenitu irrivelalna. “Meta kien għadu ‘l bogħod, il-missier lemħu . . .” (Lq 15, 20), jgħidilna Ġesù. Il-Missier bilfors li kien stenna lill-iben, bilfors li kien inkwetat minħabba fih. Mhux biss ħafirlu l-insistenza goffa fit-talb tad-drittijiet tiegħu: “Missier tini l-parti tal-patrimonju li jmissni” (Lq 15, 12). Imma huwa jħobbu tant li jridu mill-ġdid ħdejh. Meta finalment l-iben jitfaċċa fuq ix-xefaq assolutament ma jaħsibx li jikkastigah. U donnu linqas jimpurtah minn kemm ibnu kien midjun mad-dinjità u l-awtorità tiegħu. Donnu linqas impurtah mis-sottomissjoni tal-iben mitluf, mill-awtoakkuża tiegħu, mill-umiljazzjoni tiegħu, li donnhom jidhru meħtieġa minħabba mottivi ta’ pedagoġija u ta’ ordni. Bil-maqlub, huwa jiġri jiltaqà miegħu, jintefà fuq għonqu u jbusu. Iġiegħel li jitlibbes l-isbaħ libsa, ixiddulu ċ-ċurkett f’sebgħu u l-qorq f’riġlejh, iġiegħel li jinqatel l-għoġol imsemmen sabiex jagħmlu festa. Hekk huwa l-Missier, hekk jurihulna Ġesù. Huwa hu għal kull wieħed u waħda minna l-Int, li jistenna dejjem; li dejjem lest biex jiftħilna dirgħajh ta’ Missier ikun ġara x’ġara. Lejh nixtiequ ndawru ħarsitna biex inħallu lilna nfusna niġu ppenetrati minn imħabbtu  u minn ħnientu.

4. Il-kelma ta’ Ġesù, għeżież ħuti, wasslitna għal meditazzjoni dwar il-Missier Ċelesti. Kliemu b’dan il-mod isir għalina Vanġelu, tassew “Bxara Tajba”. Imma l-ferħ u l-gratitudni mqanqla m’għandhomx iċajpru l-viżjoni tagħna stess u tas-sitwazzjoni tagħna. L-esperjenza tat-tjubija tal-Missier tikkorrispondi, fl-iben il-ħali, mal-għarfien tiegħu nnifsu, mad-dispjaċir u l-konverżjoni. Il-konverżjoni hija element essenzjali tal-ferħ imqanqal mill-viċinanza ta’ Alla li jħobbna. Min ifittex lil Alla ma jistax jiċċaħħad milli jikkonverti: linqas aħna ma nistgħu, linqas dawk li aħna rridu mmexxu lejn il-laqgħa mal-Missier.

5. Il-Vanġelu tallum u l-inawgurazzjoni taċ-Ċentru “San Lorenzo” hekk isiru għalina pont len is-Sena Mqaddsa tar-Redenzjoni. Il-ftuħ tal-Ġublew issa huwa imminenti u bil-meditazzjoni tagħna qrobna lejn il-kontenut tagħha. Din is-Sena Mqaddsa, bħalma għidt fil-Bolla tas-Sejħa, għandha twassal għal “skoperta mġedda tal-imħabba ta’ Alla li jirregalalna” (Ġwanni Pawlu II, Aperite portas Redemptori, 8). Min iħalli lilu nnifsu jitfawwar minn din l-imħabba ma jistax jiċħad iktar fit-tul minn ħtijietu. It-“telf tas-sens tad-dnub, jiġi fl-aħħar analiżi mit-“telf iktar radikali u iktar moħbi tas-sens ta’ Alla” (Ġwanni Pawlu II, Allocutio ad Patres Cardinales, Romanaeque Curiae Praelatos, instante Nativitate Domini coram admissos, habita, 5, 23 dicembre 1982Insegnamenti di Giovanni Paolo II, V/3 [1982] 1676).

Dan l-impenn ta’ penetrazzjoni iktar fil-fond fl-imħabba ta’ Alla, motivat doppjament mill-parabbola tal-iben il-ħali u mis-Sena Mqaddsa, isir għas-“San Lorenzo” testament. Iċ-Ċentru jrid iqajjem mill-ġdid fil-viżitaturi kollha tiegħu is-sensibiltà għar-realtà ta’ Alla, is-sensibiltà għall-esiġenzi li huwa jipproponi. Jekk il-bniedem jagħraf lilu nnifsu bħala midneb, dan m’għandux jumiljah, imma jgħidlu li t-triq lejn il-ferħ tal-viċinanza tal-Missier tgħaddi mill-konverżjoni u l-maħfra.

Iċ-Ċentru hekk isir neċessarjament post, li fih għandu jsaltan is-Salib. Fejn tmur, f’din id-dinja, bid-dnub u l-ħtija mingħajr is-Salib? Is-Salib jieħu fuqu il-miżerja kollha tad-dinja, li titnissel mid-dnub. Huwa jirrivela ruħu bħala sinjal ta’ grazzja. Jiġbor is-solidarjetà tagħna u jinkuraġġina għas-sagrifiċċju għall-oħrajn. Ukoll fis-salib tal-batuti u fis-salib tagħna propju ejjew nagħrfu l-istrument tar-Redenzjoni, il-bieb tal-Qawmien mill-Imwiet. Għaliex huwa fis-salib li l-Mulej rebaħ id-dnub u l-mewt.

Huwa tajjeb, għalhekk, li f’din il-Knisja qiegħedtu, biex jiddominaha bil-kobor u bis-sbuħija tiegħu, il-famuż salib ta’ San Damjan. Ejjew taħt dan is-salib, flimkien ma’ Marija, l-Omm ta’ Alla, li hemm impittra. Tgħallmu d-disponibiltà tagħha. Siru, intom stess redenturi għaż-żgħażagħ tad-dinja. Wettqu b’dan il-mod intom ukoll il-missjoni, li l-Mulej fada lil Franġisku, messaġġier umli tiegħu: “Mur u ibni d-dar tiegħi, il-Knisja tiegħi”.

Flimkien mat-tifkira ta’ San Damjan, tal-eżempju ta’ San Franġisk, irrid infakkarkom bħala stimolu biex iżżommu għolja wkoll il-figura ta’ żagħżugħ li għex fl-epoka tagħna, Pier Giorgio Frassati. Huwa kien żagħżugħ “modern”, miftuħ għall-problemi tal-kultura, tal-isport, għall-kwistjonijiet soċjali, għall-valuri tal-ħajja, u fl-istess ħin raġel li emmen b’mod profond, mitmugħ mill-messaġġ evanġeliku, akkanit biex jaqdi lill-aħwa u ikkunsmat  b’ħerqa ta’ karità li wasslitu biex jersaq lejn il-foqra u l-morda. Huwa għex il-Beatitudni tal-Vanġelu.

Nixtieq li dan iċ-Ċentru jsir forġa ta’ informazzjoni ta’ veri żgħażagħ insara, li jkunu jafu jixhdu b’mod konsistenti l-Vanġelu fid-dinja tallum.

Dan l-awgurju u dan nafdawh flimkien lill-Mulej fit-talba komuni waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. 

Miġjub għall-Malti minnEmanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading