Il-Papa jfaħħar il-kuraġġ tan-nisa li tbiegħdu mill-mafja

Print Friendly, PDF & Email

Nhar it-Tnejn, il-Papa Franġisku laqa’ fil-Vatikan għandu grupp ta’ nisa Taljani li ddeċidew li jitbiegħdu mill-familji tagħhom involuti fil-kriminalità organizzata, u li ngħaqdu man-netwerk “Libera” kontra l-mafja. Huma kienu akkumpanjati minn Dun Luigi Ciotti, qassis Taljan li waqqaf l-assoċjazzjoni fl-1995.

L-organizzazzjoni tippromwovi l-użu ta’ art u assi maqbuda minn attività kriminali biex jitwaqqfu kooperattivi lokali, proġetti kontra d-droga u ċentri komunitarji, kif ukoll tfittex li tipprovdi impjieg għal dawk imwarrba mill-kriminalità organizzata. Tinkludu assoċjazzjonijiet, kooperattivi, organizzazzjonijiet soċjali, skejjel, unjins u knejjes li ngħaqdu fi sforz biex jisfidaw il-qawwa tal-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, filwaqt li jippromwovu l-ġustizzja soċjali u d-drittijiet tal-bniedem.

Fl-indirizz tiegħu, l-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-grupp ta’ nisa biex jipperseveraw fl-għażla tagħhom mingħajr biża’, u jkunu jafu li l-Mulej Ġesù qed jimxi magħkom. “M’intomx weħidkom”, qal. Huwa fakkar li fost id-dixxipli ta’ Ġesù kien hemm ukoll xi nisa, li bħall-irġiel, ma kinux perfetti. “Kienu nisa ppruvati mill-ħajja, kultant ‘imniġġsa’ mill-ħażen”, qal. Ġesù laqa’ lil dawk in-nisa “b’mogħdrija u tenerezza u fejjaqhom”, żied jgħid il-Papa. “Miegħu, mxew it-triq tal-ħelsien”.

“Li tinħeles mhux bil-maġija, imma billi timxi mal-Mulej, taqsam il-passi Tiegħu, t-triq Tiegħu, li bilfors tgħaddi mis-Salib u twassal għall-Qawmien”.

Il-Papa Franġisku, għalhekk, ta parir lill-grupp biex dejjem iżommu fuqhom Evanġelju żgħir. “Kuljum aqraw silta, bil-kalma, u mmaġinaw li tkunu miegħu, fost id-dixxipli”.  Tabilħaqq, qal il-Papa, dan huwa eżattament dak li jiġri. “Hu jimxi magħna kuljum fit-triq tal-ħajja. Is-Salib Tiegħu jagħti tifsira lis-slaleb tagħna, u l-Qawmien Tiegħu huwa sors ta’ tama”.

Fl-aħħarnett, il-Papa Franġisku rringrazzja lill-grupp ta’ nisa għaż-żjara tagħhom, u qal li jakkumpanjhom bit-talb tiegħu u għall-maħbubin tagħhom, speċjalment uliedhom. “Jalla l-Mulej iberikkom u l-Madonna tħariskom”, huwa talab.

“Libera” bħalissa topera madwar l-Italja b’netwerk ta’ aktar minn 270 assoċjazzjoni lokali. Il-fergħa internazzjoni tagħha tinkludi madwar 80 assoċjazzjoni f’35 pajjiż fl-Ewropa, l-Afrika u l-Amerika t’Isfel.             

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-10/pope-praises-courage-of-women-who-have-moved-away-from-the-mafia.html

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading