Ġwanni Pawlu II fil-Solennità tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu

Print Friendly, PDF & Email

ĊELEBRAZZJONI TAS-SS. ĠISEM U DEMM TA’ KRISTU
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika ta’ San Ġwan Lateran
Il-Ħamis, 2 ta’ Ġunju 1983

1. “Jiena rċivejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom” (1 Kor 11, 23). Ix-xhieda ta’ Pawlu, mismugħa ftit ilu, hija x-xhieda tal-Appostli l-oħra: dawn għaddew dak li rċivew. U bħalhom, is-suċċessuri tagħhom komplew jittrażmettu fedelment dak li rċivew. Minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni, minn seklu għal ieħor, mingħajr qtugħ ta’ kontinwità sal ġurnata tallum.

U hu hekk li llejla, fl-atmosfera vibranti ta’ din iċ-ċelebrazzjoni li tara miġbura fit-talb il-membri differenti tal-Knisja ta’ Ruma, is-suċċessur ta’ Pietru li qiegħed ikellimkon jidwi fedelment dik l-istess xhieda: “Jiena rċivejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom”.

U dak li l-Appostli għaddewlna huwa Kristu stess u l-kmandament tiegħu biex jirrepetu u jgħaddu lill-ġnus kollha dak li hu, l-Imgħallem Divin, qal u għamel fl-Aħħar Ċena: “Dan huwa Ġismi, li jingħata għalikom” (1 Kor 11, 24).

2. Waqt li ninserixxu ruħna fi tradizzjoni li ilha għaddejja għal kważi elfejn sena, aħna wkoll intennu llum il-ġest tal-“qsim tal-ħobż”. Intennuh fl-1950° anniversarju ta’ dak il-waqt inesprissibbli, li fih Alla sab ruħu tassew viċin il-bniedem, billi xehed fir-rigal totali tiegħu nnifsu d-dimensjoni “inkredibbli” ta’ mħabba bla tarf.

“Dan huwa ġismi li, jingħata għalikom”. Kif nistgħu ma nħossux vibrazzjoni profonda f’ruħna għall-ħsieb li, waqt li ippronunzja dik l-“għalikom”, Kristu kellu f’moħħu jirreferiha wkoll għal kull wieħed u waħda minna u għal kull wieħed u waħda minna offra lilu nnifsu għall-mewt?

U kif ma nħossuniex imqanqla bil-ħsieb li dik l-“offerta tal-propju ġismu” għalina mhuwiex fatt imbiegħed, mogħti lill-paġni kiesħa tal-kronaka storika ta’ ġrajja li terġà tingħix ukoll issa, għalkemm mhux bit-tixrid ta’ demm, fis-Sagrament tal-Ġisem u tad-Demm, imqiegħda fuq il-mejda tal-altar. Kristu jerġà joffri, issa, Ġismu u Demmu, għalina, sabiex fuq il-miżerja tar-realtà tagħna ta’ midimbin titferra mill-ġdid għal darb’oħra l-mewġa purifikatriċi tal-ħniena divina, u fid-dgħufija tal-ġisem mortali tagħna jitqiegħed l-embrijun tal-ħajja mmortali.

3. “Jien il-ħobż ħaj li niżel mis-sema – jgħid il-Mulej –; min jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem” (Versus ad Evangelium). Min ma jixtieqx jgħix għal dejjem? Mhijiex jewwilla din l-aspirazzjoni l-iktar profonda li tħabbat fil-qalb ta’ kull esseri uman? Imma hija aspirazzjoni li l-esperjenza ta’ kuljum tgiddeb b’mod btrutali u inappellabbli.

Għaliex? It-tweġiba hija mogħtija fil-kelma tal-Iskrittura: “Id-dnub daħal fid-dinja u flimkien mad-dnub il-mewt” (Rm 5, 12). Mela, mhemmx tama iktar għalina? Mhemmx tama sakemm jiddomina d-dnub; imma t-tama tistà terġà titwieled ladarba d-dnub ikun mirbuħ. U huwa propju dan li seħħ bil-fidwa ta’ Kristu. Huma nfatti miktub: “Jekk minħabba l-waqgħa ta’ bniedem wieħed l-mewt saltnet minħabba dak il-bniedem wieħed, ferm iktar dawk li jirċievu l-abbundanza tal-grazzja u tad-don tal-ġustizzja jsaltnu fil-ħajja permezz tal-uniku Ġesù Kristu” (Rm 5, 17).

Hawn hu għaliex Ġesù jgħid: “Min jiekol danil-ħobż jgħix għal dejjem”. Taħt id-dehra ta’ dak il-ħobż huwa preżenti hu nnifsu, ir-rebbieħ tad-dnub u tal-mewt, l-Irxoxt! Min jitrejjaq b’dak l-ikel divin, barra li ssib il-qawwa biex tegħleb fik innifsek il-faxxiniżmi tal-ħażin tul il-mixja tal-ħajja, tirċievi flimkien miegħu ukoll bħala kapparra r-rebħa definittiva fuq il-mewt – “l-aħħar għadu li jinqered”, kif jgħid l-Appostlu Pawlu (1 Kor 15, 26) – hekk Alla jistà jkun “kollox f’kollox  (1 Kor 15, 28).

4. Kemm naslu li nifhmu, billi nirriflettu dwar il-misteru, l-imħabba għajjura li biha l-Knisja tgħasses dan it-teżor ta’ valur inestimabbli! U kemm tidher ħaġa loġika u naturali li l-insara, tul il-korsa tal-istorja tagħhom, ħassew il-bżonn li jesprimu wkoll minn barra l-ferħ u l-gratitudni għar-realtà ta’ don hekk kbir. Huma għarfu l-fatt li ċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-misteru divin ma setgħetx tkun  ridotta ġol-ħitan ta’ tempju, ikun kemm ikun wiesà u artistiku, imma li kien hemm bżonn li jittieħed għal għonq it-toroq tad-dinja, għaliex Dak li l-ispeċi tal-Ostja jaħbu kien ġie fid-dinja propju biex ikun “il-ħajja tad-dinja” (Ġw 6, 51).

Hekk twieldet il-purċissjoni tal-Corpus Domini, li l-Knisja ilha tiċċelebra għal bosta sekli b’sollennità u ferħ għal kollox speċjali. Aħna wkoll minn hawn u ftit ieħor nerħulha proċessjonalment għal għonq it-toroq ta’ beltna. Noħorġu bil-kant u bit-talb, waqt li nġorru magħna s-Sagrament tal-Ġisem u tad-Demm tal-Mulej. Nerħulha qalb id-djar, l-iskejjel, l-uffiċini, il-ħwienet; inmorru fejn tbaqbaq il-ħajja tal-bnedmin, fejn jitqanqlu l-passjonijiet tagħhom, fejn jisplodu l-kunflitti tagħhom, fejn jikkunsmaw ruħhom t-tbatijiet tagħhom u jiffjorixxu t-tamiet tagħhom. Inmorru biex nixhdu b’ferħ umli li f’dik l-Ostja bajda ċkejkna hemm it-tweġiba għall-iktar mistoqsijiet  assillanti tagħhom, hemm is-sabar għall-iktar niket iebes , hemm, is-sikurezza, tal-qtugħ tal-għatx l-iktar jaħraq ta’ feliċità u ta’ mħabba li kull wieħed u waħda minna nġorru ġewwa fina, fis-sigriet ta’ qalbna.

Noħoġu għal għonq il-belt, ngħaddu f’nofs in-nies mħabbta mill-elf problema ta’ kuljum, inmorru niltaqgħu ma’ ħutna u lilhom kollha nuru s-sagrament tal-preżenza ta’ Kristu: “Hawn hu l-ħobż tal-Anġli, / ħobż tal-pellegrini, / veru ħobż tal-ulied”.

Hawn hu: huwa l-ħobż li l-bniedem jaqlà b’xogħlu, ħobż li mingħajru l-bniedem ma jistax jgħix linqas iżomm b’saħħtu, hawn hu, dan il-ħobż sar ix-xhieda ħajja u reali tasl-preżenza amoruża ta’ Alla li jsalvana. F’dan il-Ħobż l-Omnipotenti, l-Etern, il-tliet darbiet Qaddis għamel lilu nnifsu qribna, huwa sar l-“Alla magħna”. L-Emmanuel. Billi nieklu minn dan il-ħobż kull wieħed u waħda minna nistgħu jkollna l-kapparra tal-ħajja mmortali.

L-awgurju tagħna, anzi t-talba mqanqla, hija li fil-qlub ta’ dawk kollha li tiltaqgħu magħhom jistà jiffjorixxi s-sentiment espress b’mod tant meraviljuż fis-Sekwenza tal-Liturġija tallum: “Ragħaj Tajjeb, ħobż veru, / o Ġesù, ħenn għalina: / rejjaqna u ddefendina, /wassalna għall-ġid etern / fl-art tal-ħajjin. / int li kollox taf u tistà, / li trejjaqna fuq l-art, /mexxi lil ħutek / għall-mejda tas-sema / fil-ferħ tal-qaddisin”.

Amen!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading