QUDDIESA GĦALL-AMMINISTRAZZJONI TAS-SAGRAMENT
TAL-GRIŻMA FIL-BAŻILIKA VATIKANA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 29 ta’ Mejju 1983
“O Mulej Alla tagħna, kemm hu kbir ismek fuq l-art kollha” (Sal 8, 2).
1. Għeżież ħuti, u intom subien u bniet li sejrin tirċievu s-sagrament tal-Griżma tal-Isqof, dan il-kliem tas-Salm responsorjali tal-Liturġija tallum iqiegħdna anzjużi u adoranti quddiem il-misteru kbir tat-Trinità Qaddisa, li tagħha llum qegħdin niċċelebraw il-festa. “Kemm hu kbir ismek fuq l-art kollha”! Madankollu il-firxa tad-dinja u tal-univers, għalkemm bla tarf, ma humiex daqs ir-realtà bla qies tal-ħajja ta’ Alla. Quddiemu jeħtieg aktar minn qatt qabel nilqgħu b’umiltà l-istedina tal-Għaref bibbliku, meta jwissi: “Qalbek ma tħaffifx biex tippronunzja kelma quddiem Alla, għaliex Alla jinsab fis-sema u int qiegħed fl-art” (Qo 5, 1).
Alla, fil-fatt, huwa l-unika realtà li taħrab mil-ħiliet tagħna ta’ kejl, ta’ kontroll, ta’ dominju, ta’ fehim komprensiv. Għalhekk huwa Alla: għaliex huwa hu li jkejjilna, li jmexxina, li jiggwidana, u li jifhimna, ukoll meta ma jkollniex għarfien. Imma jekk dan huwa minnu għad-Divinità b’mod ġenerali, ferm iktar jgħodd għall-misteru trinitarju, u jiġifieri tipikament Kristjan, ta’ Alla nnifsu. Huwa hu fl-istess ħin Missier, Iben u Spirtu Santu. Dawn iżda mhumiex tliet allat separati – din tkun dawgħa – u linqas dawn mhuma sempliċi modi differenti u impersonali ta’ preżentazzjoni min-naħa ta’ persuna divina weħedha: dan kien ikun ifisser li jfaqqar radikalment il-ġid tiegħu ta’ komunjoni interpersonali.
Dwar Alla Wieħed u Tlieta aħna nistgħu iktar ngħidu dak li mhux milli dak li hu. Mill-bqija, li kieku nistgħu nispjegaw b’mod adegwat bir-raġuni tagħna, ikun ifisser li nkunu qbadnieh u rriduċejnieh għal kejl ta’ moħħna. Inkunu kważi kkalzrajnieh fix-xibka ta’ ħsiebna; imma hekk inkunu ċekkinnieh għad-dimensjonijiet imsejkna ta’ idolu!
2. U minflok: “Kemm huwa kbir ismek fuq l-art kollha”! Jiġifieri: Kemm inti kbir għal għajnejna, kemm int ħieles, kemm inti differenti!
Bdana kollu, hawn hi n-novità nisranija: il-Missier tant ħabbna li tana lil Ibnu uniku; l-Iben għall-imħabba xerred demmu favur tagħna; u l-Ispirtu Santu saħansitra kif jesprimi t-tieni qari bibbliku tallum, “ingħatalna” b’tali mod li jintroduċi fina l-imħabba stess li biha Alla jħobbna (cf. Rm 5, 5).
Alla Wieħed u Tlieta, mela, mhuwiex biss xi ħaġa differenti, superjuri, irraġġjunġibli. Għall-kuntrarju, l-Iben ta’ Alla “ma jistħix isejħilna ħutu” (Lh 2, 11), billi jaqsam “id-demm u l-ġisem” (Lh 2, 14) ta’ kull wieħed u waħda minna: u, wara l-Qawmien mill-Imwiet tal-Għid titwettaq għal kull nisrani l-wegħda tal-Mulej innifsu, meta qal waqt l-Aħħar Ċena: “Niġu għandu u ngħammru għandu” (Ġw 14, 23). Mela, huwa evidenti li t-Trinità mhix tant misteru għal moħħna, din hija kważi tejorema kkomplikata biss. Iktar minn hekk, hija misteru għal qalbna (cf. 1 Ġw 3, 20), ladarba hija misteru ta’ mħabba. U aħna ma se nifhmu qatt, ma ngħidx tant in-natura ontoloġika ta’ Alla, daqskemm pjuttost ilgħaliex ħabbna għal tali punt li jidentifika ruħu għal għajnejna bl-istess Imħabba (cf. Ġw 4, 16).
3. Għeżież kreżimandi, is-Sagrament li intom issa se tirċievu jwettaq u jissiġilla dak li diġa fikom kien operat b’mod misterjuż bil-Magħmudija, meta sirtu għal kollox ulied addottivi ta’ Alla, jiġifieri ġejtu nseriti b’mod benefiku fil-medda ta’ mħabbtu: mhux biss tal-imħabba li huwa għandu għal kull esseri bħala ħallieq, imma fuq kollox tal-imħabba speċjalissma li huwa wera għall-bniedem f’Ġesù Kristu bħala redentur.
Bil-Griżma intom takkwistaw rapport għal kollox partikolari propju mal-Mulej Ġesù. Lilu tiġu kkonsagrati uffiċjalment bħala xhieda quddiem il-Knisja u quddiem id-dinja. Hu għandu bżonnkom, u minkom irid ikollu tfal qawwija, ferrieħa u ġenerużi. B’xi mod intom tisilfuh wiċċkom, qalbkom, persuntkom kollha, hekk li hu jġib ruħu quddiem l-oħrajn kif iġġibu ruħkom intom: jekk tkunu tajbin, konvinti, iddedikati għall-ġid tal-oħrajn, qaddejja fidili tal-Vanġelu, allura jkun Kristu stess li jaqtà figura sabiħa; imma jekk tkunu dgħajfa u kodardi, allura ddellu l-identità vera tiegħu, u ma tagħmlulux ġieħ.
Qegħdin taraw, mela, li intom imsejħa għal dmir tassew għoli, li jagħmel minnkom insara tassew, sħaħ. Il-Griżma, infatti, tintroduċikom fl-età adulta tan-nisrani; jiġifieri, tafdalkom u tgħarrafkom tali sens ta’ responsabiltà li mhuwiex tat-tfal. It-tifel għadu mhux sid tiegħu nnifsu, tal-atti tiegħu, ta’ ħajtu. L-adult, iżda għandu l-kuraġġ tal-għażliet tiegħu, jaf iġorr il-konsegwenzi, huwa kapaċi li jħallas ta’ persuna, ladarba akkwista tali milja interna li jistà jiddeciedi waħdu, li jimpenja kif l-aħjar jaħseb l-eżistenza tiegħu, u fuq kollox li joffri l-imħabba minflok li jirċeviha biss.
4. Għeżież subien u bniet, dak kollu tkunu tistgħu tagħmluh mhux weħedkom. Gwaj, jekk tafdaw ruħkom biss fuq il-forzi tagħkom. Ħadd ma jirnexxilu jkun dixxiplu awtentiku ta’ Kristu, jekk ikun irid ikun hekk waħdu, b’inizjattiva tiegħu u bl-enerġiji tiegħu. Dan hu mpossibbli. Jirnexxilu biss joħloq karikatura tan-nisrani veru. Bħalma ma nistgħux insiru umanament adulti, jekk ma jkunx hemm kontribut tan-natura ġdid u deċiżiv, hekk huwa wkoll għan-nisrani biex jitlà għal livell ieħor. Imma bil-Griżma intom se tirċievu tiswib u dota partikolari tal-Ispirtu Santu, li, propju bħar-riħ, li minnu l-kelma tiġi, tgħajjex, timbotta, tassikura.
Huwa hu l-qawwa tagħna sigrieta, ikolli ngħid kważi r-riserva bla tarf u l-enerġija li tmexxi ‘l quddiem l-ħsieb u l-operat kollu tagħna ta’ nsara. Huwa jtina l-kuraġġ, bħal lill-Appostli fiċ-ċenaklu tal-Pentekoste. Huwa jġegħlna nifhmu l-verità u s-sbuħija tal-kliem ta’ Ġesù, kif qrajna fil-Vanġelu tallum meħud minn San Ġwann.
Huwa jtikom il-ħajja, kif jesprimi ruħu sewwa l-appostlu Pawlu (cf. 2 Kor 3, 6). Huwa, infatti, huwa l-Ispirtu ta’ Alla u l-Ispirtu ta’ Kristu. U dan ifisser li, billi jiġi għandkom, ma jiġix waħdu, imma jġib miegħu s-siġill tal-Missier u tal-Iben Ġesù. Fl-istess ħin, huwa jintroduċikom f’dak il-misteru trinitarju, li, jekk inhu diffiċli nitkellmu dwaru, madankollu ma jfissirx li ma jibqax is-sies u t-timbru inkonfondibbli tal-identità nisranija tagħna.
Jekk dawn huma ħwejjeġ kbar, aħsbu li minn issa ‘l quddiem, propju minħabba li intom adulti fil-fidi, intom ma tistgħux u m’għandkomx tgħaddu iktar mingħajrhom.
5. Għeżież, nawguralkom b’qalbi kollha li l-pulmuni tagħkom ikunu dejjem mimlijin b’dan ir-riħ tal-Ispirtu, li llum se tirċievu b’abbundanza, u li jippermetti lilkom u lill-Knisja kollha li tieħdu n-nifs skont ir-ritmu ta’ Kristu nnifsu.
Jiena se nitlob b’mod speċjali għalikom ilkoll u jien kuntent li nagħti lilkom u lill-għeżież tagħkom, fi tmiem il-Quddiesa, il-barka apostolika tiegħi. Il-Mulej ikun dejjem magħkom u jgħinkom biex tkunu xhieda kuraġġużi fil-fidi.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb