It-Tlieta, 30 ta’ Lulju 2024: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fl-20 anniversarju mill-mewt tal-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard. Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Għarb.
Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Waħda mill-karatteristiċi importanti tal-bniedem ta’ Alla – kif kien Dun Mikiel Attard – hi l-kapaċità illi jara t-tajjeb fejn ħaddieħor jara biss ħażin. F’persuna, f’esperjenza, fi ġrajja fejn kulħadd jara biss in-negattiv, il-bniedem ta’ Alla kapaċi jara s-sabiħ u l-pożittiv. Dan nistgħu ngħiduh mingħajr ebda dubju dwar Dun Mikiel.
Ġesù fil-Vanġelu tal-lum (Mt 13:36-43) ifisser il-parabbola tas-sikrana. Kif isemmi fil-Vanġelu ta’ San Mattew, l-għadu qalb il-qamħ mar jiżra’ s-sikrana. U Ġesù qalilhom: “Ara ma jfettilkomx taqilgħu issa s-sikrana, imma ħalluhom jikbru flimkien”. Dan hu l-istil ta’ Alla: li jħalli jikbru flimkien qamħ u sikrana, għax sid il-għalqa, li hu Ġesù, għandu fiduċja u tama kbira illi mhux il-qamħ jeħżien u jittieħed mis-sikrana, imma bil-maqlub, is-sikrana titjieb, il-qamħ ikollu l-kapaċità li jbiddel is-sikrana.
Din id-dinamika nsibuha f’diversi parabboli tal-Vanġelu, bħal taż-żerriegħa mitfugħa fuq il-mogħdija, iż-żerriegħa mitfugħa fuq il-blat, iż-żerriegħa mitfugħa fuq art kollha xewk (Mt 13:1-23). Alla qatt ma jieqaf jittama fil-bniedem: it-tama ta’ Alla fil-bniedem hi infinita u sħiħa. Dan għax lil min tħobb tarah dejjem sabiħ. Lil min tħobb, anki jekk qiegħed fl-agħar abbissi, anki jekk qiegħed fl-aktar widien mudlama, dejjem tarah sabiħ u tipprova toħroġ minnu s-sabiħ, anki jekk dan hu ftit u anki jekk ħaddieħor ma jarahx.
Dan kien Dun Mikiel: dawn l-għajnejn ta’ Alla f’persuna umana, fi bniedem, fil-persuna tas-saċerdot. X’ma kienx jagħmel Dun Mikiel ma’ kull tip u kull kategorija tas-soċjetà! U allura billi Dun Mikiel kellu dawn l-għajnejn tat-tama – resqin lejn il-Ġublew tat-Tama –, billi Dun Mikiel kellu din il-pożittività bil-mod ta’ kif kien iħares lejn kulħadd, allura diffiċli, biex ma ngħidx impossibbli, li Dun Mikiel kien jaqta’ qalbu minn xi ħadd. Kien ikun diffiċli, biex ma ngħidx impossibbli, li Dun Mikiel kien jikkundanna lil xi ħadd. Kien ikun diffiċli, biex ma ngħidx impossibbli, li Dun Mikiel kien iwarrab lil xi ħadd għax m’hemmx tama għalih.
U hawn joħroġ it-talb u toħroġ il-karba li jagħmel il-profeta Ġeremija fl-Ewwel Qari li smajna llum (Ġer 14:17-22). Flok li jiġġudika u jikkundanna lin-nies ta’ żmienu, ta’ kull kategorija u kull tip, li kienu mexjin għan-niżla, ibda mis-saċerdoti u kompli fl-awtoritajiet ċivili u l-bqija tal-popolazzjoni, – kulħadd għan-niżla fejn tidħol moralità –, il-profeta Ġeremija jibki f’qalbu, għaliex hi qalb li tħobb u ma tiflaħx tara lil min qiegħed jitħassar, lil min sejjer lura, lil min qiegħed jitbiegħed minn Alla. Flok li jaqta’ sentenzi, flok li jiġġudika, flok li jikkundanna, il-profeta Ġeremija jokrob f’qalbu u jitlob. Imma mhux biss… hu jipprova jagħmel xi ħaġa biex iwassal il-kelma lil kulħadd, lil kull kategorija, lill-awtoritajiet ċivili, lis-saċerdoti, u lill-poplu.
Ma nkunux imbegħdin jekk ngħidu b’wiċċna minn quddiem illi din il-missjoni ta’ karba jew ta’ talba tal-profeta Ġeremija ħaddanha b’mod sħiħ il-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard. Kien jitlob għall-poplu u għal kulħadd kontinwament. Aħna li konna qrib tiegħu fis-Seminarju, ħafna minna s-saċerdoti li għexna l-formazzjoni tagħna kollha kemm hi qrib tiegħu, nafu li din il-karba tal-profeta Ġeremija kienet ukoll it-talba ta’ Dun Mikiel. Imma kienet karba mimlija mhux bil-qtugħ ta’ qalb; anzi bil-maqlub, kienet talba mimlija fiduċja fil-Missier, f’Alla li jħobb lill-bnedmin, imma wkoll imbagħad mimlija fiduċja fil-bnedmin.
Ma’ min ma ppruvax u wassal il-Kelma ta’ Alla Dun Mikiel? Mal-politikanti? Mal- isportivi? Mas-saċerdoti? Mas-seminaristi? Mal-ħabsin? Ma’ dawk fil-bogħod fil-missjoni? Ma’ dawk li ma jafux b’Ġesù? Ma’ min ma ppruvax Dun Mikiel iwassal b’mod konkret l-imħabba u l-Kelma ta’ Alla? U allura dan is-saċerdot għandu jkun ta’ mudell għalina kollha kemm aħna, b’mod speċjali għalina s-saċerdoti, f’dan il-kuntatt li kellu ma’ Alla, kuntatt fil-qrib, f’din l-identifikazzjoni u f’dan ix-xebh tiegħu mal-qalb ta’ Alla; u f’li jħobb lil kulħadd, u flok jiġġudika u jikkundanna, jipprova jerfa’, jgħin, jagħmel kuraġġ lil kulħadd, hu min hu u f’liema sitwazzjoni jinsab.
Jiena nitolbu lil Dun Mikiel illejla biex lilna s-saċerdoti jagħtina ftit minn din il-qalb kbira, jagħtina ftit minn din il-qalb infinita, li tant kienet kbira li kienet tħobb u tinkwieta għal kulħadd. Tant kienet tinkwieta u tant l-imħabba tiegħu kienet kbira li l-moħħ ċkejken tiegħu bħal ta’ kull bniedem ieħor, ma kienx jiflaħ għall-qalb tħeġġeġ, taqbad, mimlija mħabba u preokkupazzjoni għal kull bniedem. Nitolbu lil Dun Mikiel illejla biex lilna s-saċerdoti jagħtina ftit mill-qalb ta’ Alla li tixbah lill-Qalb ta’ Ġesù!
Imma nitolbu wkoll għalina lkoll li qegħdin hawn biex, bl-interċessjoni tiegħu, iħeġġeġ fina ħeġġa ħalli aħna wkoll, minflok ma neqirdu s-sikrana, minflok ma nwarrbuha fil-ġenb billi nikkundannawha jew nitbiegħdu minnha fiżikament, ikollna l-istess ħeġġa ta’ Ġesù kif kellu hu: “Ħalluhom jikbru flimkien, imbagħad wieħed jara ’l quddiem”, għax it-tama tal-konverżjoni, it-tama li nittieħdu mill-imħabba ta’ Alla, it-tama li l-paċi tal-qalb u l-ferħ ta’ Alla jiġu fina, f’kulħadd, qatt ma ġiet nieqsa u qatt ma għandha tiġi nieqsa.