Nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Lulju 2024 saret il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Istitut għall-Ministeru Pastorali (IPM) tad-Djoċesi ta’ Għawdex. Fl-istess okkażjoni saret iċ-Ċerimonja tal- Gradwazzjoni għas-Sena Akkademika 2023-2024, bl-għoti taċ-ċertifikati lil 30 student/a li attendew għall-korsijiet tul din is-sena. Il-korsijiet offruti kienu: Award in Safeguarding of Minors u Award in Biblical Formation.

Fost id-diskorsi li saru, sar indirizz ta’ merħba miċ-Chairman tal-IPM Dr Joe Azzopardi, fejn fakkar kif twieled dan l-Istitut u x’inhuma l-għanijiet li għalihom twaqqaf. Fost l-oħrajn tkellem dwar l-importanza tal-formazzjoni kontinwa biex l-operaturi pastorali f’Għawdex ikunu mħejjija tajjeb biex iwettqu l-ministeri fdati f’idejhom, u kif l-IPM qiegħed jipprova joffri din il-formazzjoni. Huwa rringrazzja wkoll lil dawk kollha li offrew servizz fi ħdan l- Istitut.
Mons. Noel Saliba, Direttur tal-IPM, beda billi ta ħjiel dwar l-External Audit li sar lill-IPM mill-MFHEA fl-aħħar sena akkademika. Dan kien l-ewwel audit tax-xorta tiegħu li qatt sar f’dan l-Istitut, u serva biex tiġġedded il-liċenzja tal-IPM. F’dan l-audit ġew iċċekkjati u vverifikati l-policies tal-IPM, l-aspett finanzjarju, kif jiġu mfassla u approvati l-korsijiet offruti, kemm it-tagħlim u l-assessjar huma ffukati fuq l-istudenti, kif jiġu aċċettati l-istudenti għall-korsijiet offruti, kif jistgħu jipprogressaw u jirċievu ċertifikati li jkunu rikonoxxuti, il- kompetenza u l-professjonalità tal-letturi li joffru l-korsijiet, ir-riżorsi li jinkludu l-librerija u s-sapport offrut lill-istudenti, kif tinżamm l-informazzjoni tal-IPM f’konformità tal-Liġijiet ta’ Malta, l-informazzjoni li tingħata lill-pubbliku, kif isir monitoraġġ intern regolari, u kif isir l-audit minn entitajiet esterni biex tkun żgurata l-kwalità u l-istandard tal-korsijiet. Imbagħad id-Direttur semma ż-żewġ korsijiet li matul din is-sena akkademika ġew offruti mill-Istitut u li għalihom attendew 30 student kumplessivament; intalbet reviżjoni tal-Kors Award in Safeguarding of Minors li kien akkreditat f’Livell 3 biex issa sar Award in Safeguarding of Minors and Vulnerable People li se jkun f’Livell 4; u ġie approvat kors ieħor Award in Psycho-dynamics of Family Relationships – Theory and Skills, li ser jibda jingħata mill-Isqof Anton Teuma.
F’ħarsa ’l quddiem, Mons. Saliba semma li l-IPM qed jaħdem biex fis-sena akkademika li jmiss jibda joffri dawn il-korsijiet imsemmija flimkien ma’ oħrajn: Award in Biblical Themes, Award in Archiving / Paper Conservation and Paper Restoration, Award in Liturgical Formation, Award in Current Moral Issues, u Award in Leadership Skills.
Fi tmiem id-diskors tiegħu d-Direttur irringrazzja lil dawk kollha li kienu ta’ għajnuna għall- IPM.
L-Amministratur, is-Sur Tony Bezzina, ta rendikont finanzjarju għas-sena 2023.
Il-programm kompla billi s-Sinjura Marija Grima, li matul is-sena li għaddiet segwiet il-kors Award in Biblical Formation, għamlet diskors f’isem l-istudenti li attendew għall-korsijiet offruti mill-IPM matul is-sena li għaddiet. Fost l-oħrajn hija semmiet kemm sabet il-kors
interessanti u utli fil-ħidma pastorali li hija stess twettaq, u ħeġġet biex aktar studenti jattendu għall-korsijiet offruti minn dan l-Istitut.
Imbagħad sar it-tqassim taċ-Ċertifikati lill-istudenti li attendew għall-korsijiet matul is-Sena Akkademika 2023-2024, u ngħata rikonoxximent lil Dun Noel Debono li għal kważi sentejn serva bħala Direttur tal-IPM.
F’messaġġ qasir li għamel l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma hu wera x-xewqa tiegħu li l- korsijiet tal-IPM ikomplu jiżviluppaw biex jilħqu lill-artisti, lill-persuni involuti fl-armar u fin-nar tal-festi, u lill-membri tal-Kunsilli Lokali u lill-politiċi. Fost l-oħrajn l-Isqof ħabbar li għandu f’moħħu li joffri post minn fejn l-IPM ikun jista’ jopera, u li fil-jiem li ġejjin ser jiddiskuti din il-possibbiltà mal-Bord ta’ Gvernaturi tal-IPM. Fi tmiem id-diskors tiegħu rringrazzja lil dawk kollha li qegħdin jaħdmu biex l-IPM jilħaq l-iskop li għalih twaqqaf.
Din l-okkażjoni nżammet fis-Sala tan-Nadur Teen & Youth Centre, u ntemmet b’festin żgħir għal dawk preżenti.