Ir-rikonċiljazzjoni tal-bniedem ma’Alla hi aspett ieħor tas-salvazzjoni jew hi effett tas-salvazzjoni li Ġesù Kristu kiseb għall-bnedmin. Il-kelma Griega katallagè (u l-verb tagħha katallásso)tfisser ir-restawrazzjoni tal-ħbiberija bejn żewġ partijiet li darba kienu ħbieb, imbaghad kisru r-relazzjonijiet tal-ħbiberija ta’ bejniethom, bħar-raġel u l-mara li jkollhom xi jgħidu u jinfirdu minn xulxin, imbagħad jirranġaw (1 Kor 7,11). Il-kunċett tar-rikonċiljazzjoni jissoponi stat ta’ għadu bejn iż-żewġ partijiet. Imma fil-każ tar-relazzjonijiet tal-bniedem ma’ Alla hu l-bniedem waħdu, u mhux Alla, li hu fl-istat ta’ għadu. Hu biss il-bniedem li bid-dnub qiegħed lilu nnifsu f’dan l-istat. Hu biss min-naħa tiegħu li l-bniedem kiser ir-relazzjonijiet ta’ ħbiberija ma’ Alla. Min-naħa tiegħu Alla jibqa’ dejjem ħabib tal-bniedem u jibqa’ dejjem iħobbu. “Meta konna għadna għedewwa ta’Alla, tħabbibna miegħu bis-saħħa tal-mewt ta’ Ibnu” (Rum 5,10). Madankollu l-bniedem, sakemm hu fid-dnub hu suġġett għall-“korla ta’ Alla” (Rum 1,18; 5,9). Minna nfusna aħna “wlied il-korla” (Ef 2,3), jiġifieri, ħaqqna biss il-kundanna u l-kastiġ. Imma Alla, “għani fil-ħniena”, jissaportina, iħenn għalina, jaħfrilna u jħabbibna miegħu (Ef 2,4-5).
Fil-kotba tat-Testment il-Qadim m’għandniex il-kelma “rikonċiljazzjoni”, imma għandna fi kliem ieħor dak li tfisser. Jaħwèh hu “Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà” (Eż 34,6). Għalhekk, minkejja l-ingratitudni tal-poplu tiegħu Iżrael, baqa’ dejjem juri mħabbtu lejhom u jaħfrilhom. L-istorja ta’ Iżrael hi storja ta’ “rikonċiljazzjoni” ta’ dan il-poplu ma’ Alla, li dejjem kien jaħfrilhom u jerġa’ jħabbibhom miegħu. Dan hu l-messaġġ tal-profeti, l-aktar ta’ Ħosegħa (2,16-22) u ta’ Eżekjel (18,31-32). Hekk ifissru wkoll is-sejħat qawwija għall-konverżjoni bil-fomm tal-profeti (Iż 1,16ss; Għam 5,14-15; eċċ.). Imma hu fit-Testment il-Ġdid li għandna r-rivelazzjoni tar-rikonċiljazzjoni sħiħa tal-bniedem ma’ Alla bl-opra tas-salvazzjoni ta’ Ibnu Ġesù Kristu. Din hi t-teżi ġenerali tal-awturi tal-kotba tat-Testment il-Ġdid. Ir-rikonċiljazzjoni hi aspett ieħor jew metafora li tgħinna nifhmu aħjar x’inhi s-salvazzjoni tagħna: hi r-restawrazzjoni tal-ħbiberija tagħna ma’ Alla; hi l-grazzja ta’ Alla li biha minn għedewwa nsiru ħbieb tiegħu.
Il-kelma “rikonċiljazzjoni” (katallagè)jew id-derivati tagħha f’dan is-sens teoloġiku nsibuha biss fl-ittri ta’ San Pawl, u f’dawn l-erba’ riferenzi biss: (Rum 5,10-11; 1 Kor 5,18-20; Ef 2,14-18; Kol 1,20-27). Minn dawn it-testi nagħrfu li l-kunċett tar-rikonċiljazzjoni jiġbor fih dawn l-elementi:
a) Alla hu l-awtur tar-rikonċiljazzjoni tagħna miegħu. Din hi biss don u grazzja tiegħu. Hu jħabbibna miegħu, għax irid hu (Rum 5,10; 2 Kor 5,18).
b) Ġesù Kristu hu l-kawza meritorja tar-rikonċiljazzjoni tagħna. Hu bih u minħabba fih li Alla jħabbibna miegħu. Ġesù kisbilna dan id-don bil-mewt tiegħu fuq is-salib (Rum 5,8ss; 2 Kor 5,18; Kol 1,20).
ċ) Il-bniedem, għadu ta’ Alla bid-dnub, hu l-oġġett tar-rikonċiljazzjoni. Imma hu biss passiv, għax l-inizjattiva tal-ħbiberija tiegħu ma’ Alla tiġi min-naħa ta’ Alla biss; ir-rikonċiljazzjoni hi opra ta’ Alla. Imma l-bniedem irid jikkopera mal-ġrazzja billi “jħalli ’l Alla jħabbu miegħu” (2 Kor 5,20). Irid iwieġeb tajjeb għall-inizjattiva ta’ Alla u ma jfixkilx il-ħidma tal-grazzja tiegħu.
d) Ir-rikonċiljazzjoni tal-bnedmin ma’ Alla fi Kristu ġġib magħha wkoll ir-rikonċiljazzjoni tal-bnedmin bejniethom. Bil-mewt tiegħu fuq is-salib Ġesù Kristu mhux biss ħabbibna ma’ Alla, iżda wkoll bejnietna bħala bnedmin. San Pawl isemmi l-fatt tal-firda bejn il-Lhud u l-pagani u tal-mibegħda ta’ bejniethom kif kienu fi żmienu. U jgħid li Kristu ġarraf il-ħajt tal-mibegħda li kien jifridhom, għamel minnhom poplu wieħed u ħabbibhom it-tnejn ma’ Alla. Għax “hu s-sliem tagħna” (Ef 2,14ss.). Din hi rrikonċiljazzjoni universali tal-umanità fi Kristu. Dan hu l-ideal tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Hi r-rikonċiljazzjoni kosmika, tal-bnedmin u tal-ħlejjaq kollha ma’ Alla u ma’ xulxin fi Kristu Ġesù (2 Kor 5,19; Kol 1,20; Rum 8,19-23). Il-ħbiberija ma’ Alla titlob il-ħbiberija mal-bnedmin, kif l-imħabba lejn il-Missier titlob l-imħabba lejn uliedu (1 Ġw 4,20-21). Ma nistgħux inkunu ħbieb ma’ Alla, jekk ma nkunux ukoll ħbieb ta’ ħutna l-bnedmin (Mt 5,23-24).