Il-Kristjaneżmu jikber fl-Imperu (5)

Mill-istorja tal-Knisja Nisranija

Kitba ta’ Joe Galea

Ir-reliġjon nisranija bdiet tinfirex mill-benniena Lhudija tagħha, għad-dinja pagana. Issa se naraw kif din il-firxa kompliet miż-żminijiet appostoliċi sal-perjodu ta’ Kostantinu. B’kollox se naraw perjodu ta’ kważi 300 sena, fejn il-Knisja kienet minoranza bi ftit li xejn poter. Li se nippruvaw nifhmu hu min kienu n-nies li kkonvertew, għaliex u kif l-ambjent ta’ madwarhom influwenza dan il-proċess.

Kemm Insara

Ewsebju ta’ Ċesarija jgħid li kien hemm tliet perjodi li fihom saru konverżjonijiet kbar qabel ma deher Kostantinu, l-ewwel fiż-żmien l-Appostli, imbagħad għal ħabta tas-sena 180 u fl-aħħar snin ta’ qabel Konstantinu laħaq Imperatur. (Ewsebju ta’ Ċesarija kien Isqof, storiku u teologu Grieg, li għex bejn is-snin 260 u 339 wK. Hu missier l-istorja Ekkleżjastika.) Studjużi moderni donnhom jaqblu ma’ din l-idea, tal-inqas fuq l-aħħar żewġ perjodi. Forsi l-akbar mistoqsija dejjem tibqa’: Kemm kien hemm insara f’dan il-perjodu?

Bosta mill-kittieba nsara ta’ l-ewwel żminijiet, kif ukoll mill-aġjografi (dawk li jiktbu l-ħajjiet tal-qaddisin) li ġew wara jagħtuk l-impressjoni li fl-ewwel sekli tal-Kristjaneżmu, in-numru tal-insara kien xi wieħed enormi. Illum din l-opinjoni nbidlet daqsxejn. Dan għaliex meta wieħed juża metodi xjentifiċi fl-istudju tal-Istorja, jara illi n-numru huwa aktarx limitat. Kif nistgħu nkunu nafuh dan?

a)   Minn fdalijiet arkeoloġiċi – katakombi, djar, postijiet oħrajn ta’ qima. Qabel it-tielet seklu il-fdalijiet arkejoloġiċi li għandhom x’jaqsmu mal-insara, huma ftit u rari, speċjalment fil-Punent (Franza, Spanja, Ingilterra).

b)   Ġrajjiet miktuba, polemiċi u kitbiet oħrajn li l-awturi tagħhom ma kinux insara. Għal darb’oħra kollox jindika li l-insara ftit li xejn kienu importanti qabel it-tielet seklu.

Il-Firxa tal-Fidi

Mat-tmiem taż-żminijiet Appostoliċi, l-element Lhudi fil-Knisja tista’ tgħid kien kważi ntemm għal kollox. Iżda fost il-pagani l-aħbar bdiet tinfirex. Is-sistema ta’ komunikazzjoni u kummerċ li kellu l-Imperu għenu biex din il-firxa sseħħ. Jidher illi anke fl-armata l-preżenza ta’ xi insara għenet biex dawn iwasslu l-fidi sal-fruntieri tal-Imperu. Xi drabi xi suldati kif ukoll  Rumani ċivili li kienu jinqabdu priġunieri mill-għedewwa servew bħala missjunarji. Dan seħħ partikolarment fil-Mesopotamja (illum l-Iraq) fuq il-fruntiera bejn l-Imperu Ruman u dak Persjan (illum l-Iran) kien hemm stat permanenti ta’ gwerra.

Fi bliet bħal Nisbis, it-Turkija u Dura Europos, belt antika Sirjana, jidhru sinjali ta’ twemmin Nisrani. Interessanti hu l-fatt li sa mit-tieni seklu naraw komunitajiet ta’ Nsara li kienu jinsabu fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera, fil-Mesopotamja maħkuma mill-Persjani, għalkemm dawn x’aktarx li kienu eretiċi imsejħin Elkasiti.

Saħansitra fl-Indja kellek komunitajiet insara li skond it-tradizzjoni kienu ġew ikkonvertiti min San Tumas, għalkemm x’aktarx li dawn kienu frott tal-ħidma ta’ xi negozjanti ġejjin mill-Imperu Ruman, x’aktarx mis-Sirja.

Fl-Imperu Ruman insibu li tal-inqas fil-Lvant, kont isib gruppi żgħar ta’ Nsara fl-ibliet prinċipali. Madanakollu anke f’xi bliet żgħar fil-provinċji speċjalment fl-Asja Minuri kien hemm preżenza. Dan jidher mill-korrispondenza bejn il-gvernatur Plinju tal-Bitinja u l-Imperatur Trajanu. X’aktax li dawn l-insara kienu ħallew l-ibliet minħabba l-persekuzzjonijiet li minn żmien għal żmien kienu jinqalgħu, iżda ma jidhirx li kellek attentat sistematiku biex jiġu konvertiti n-nies tal-kampanja.

 Fil-fatt nafu li dawn l-insara fil-parti l-kbira tagħhom kienu jitkellmu bil-Grieg (u f’Ruma u l-Punent kellek il-Latin) iżda ma jidhirx li f’dan iż-żmien kien hemm insara jitkellmu bil-lingwi tal-provinċji (e.g. Sirjaku jew Kopti).

Aktar kitbiet minn Joe Galea dwar l-Istorja tal-Knisja … https://laikosblog.org/jb_storja_knisja_kristjanezmu/

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading