Il-Papa Ljun XIV waqt l-Angelus tar-4 Ħadd matul is-Sena

IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 1 ta’ Frar, 2026

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Fil-liturġija tal-lum titħabbar solennement paġna merviljuża tal-Bxara t-Tajba li Ġesù jħabbar lill-umanità: l-Evanġelju tal-Beatitudnijiet (Mt 5,1-12).  Infatti, dawn huma d-dawl li l-Mulej jixgħel fil-penombra tal-istorja biex jiżvela l-proġett tas-salvazzjoni li jwettaq il-Missier permezz ta’ Ibnu u bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu.

Fuq il-muntanja, Kristu jagħti liġi ġdida lid-dixxipli, dik miktuba fil-qlub u mhux fil-ġebla; hi liġi li ġġedded il-ħajja tagħna u taħjiha anki meta għad-dinja tidher falluta u miżerabbli.  Alla biss jista’ jgħid li l-foqra u l-imnikkta huma verament hienja (cfr vv. 3-4), għaliex Hu t-tjubija perfetta li jingħata lil kulħadd b’imħabba infinita.  Alla biss jista’ jaqta’ l-għatx ta’ min ifittex il-paċi u l-ġustizzja (cfr vv. 6.9), għaliex Hu l-imħallef ġust tad-dinja, awtur tal-paċi eterna.  Huma biss dawk ta’ qalbhom ħelwa, dawk li jħennu u safja f’qalbhom li jiksbu l-ferħ (vv. 5.7-8), għaliex Hu l-milja tal-istennija tagħhom.  Fil-persekuzzjoni, Alla hu l-għajn tal-fidwa; fil-gidba, l-ankra tal-verità.  Għalhekk Ġesù jipproklama: “Ifirħu u thennew” (v. 12).

Dawn il-Beatitudnijiet huma paradoss biss għal min jidhirlu li Alla hu differenti minn dak irrivelat minn Kristu.  Min jistenna li l-prepotenti se jibqgħu dejjem sidien fuq l-art jibqa’ sorpriż bi kliem il-Mulej. Min jidra jaħseb li l-hena hi biss tas-sinjuri jista’ forsi jemmen li Ġesù hu illuż. Iżda l-illużjoni hi propju n-nuqqas ta’ fidi fi Kristu: Kristu hu l-fqajjar li jaqsam ħajtu ma’ kulħadd, il-qalb ħelwa li tippersevera minkejja t-tbatija, dak li jġib il-paċi u lli kien ippersegwitat sal-mewt fuq is-salib.

Dan hu l-mod li bih Ġesù jdawwal is-sens tal-istorja: mhux dik miktuba mir-rebbieħa, iżda dik li jwettaq Alla li jsalva lill-magħkusin.  L-Iben iħares lejn id-dinja bir-realiżmu tal-imħabba tal-Missier; fl-oppost ta’ dan, kif kien jgħid il-Papa Franġisku, hemm “il-professjonisti tal-illużjoni.  M’għandniex immoru warajhom għax huma m’għandhomx ħila jtuna t-tama” (Angelus, 17 ta’ Frar, 2019).  Minflok, Alla jagħti din it-tama, qabel kollox, lil min hu mistmerr mid-dinja.

Għalhekk, għeżież ħuti, il-Beatitudnijiet huma l-kejl tal-ferħ tagħna, u jwassluna biex nistaqsu lilna nfusna jekk inqisuhx bħala kisba li tista’ tinxtara jew bħala rigal li jista’ jinqasam mal-oħrajn; jekk hux ġej minn dak li jintemm jew mir-relazzjonijiet li jakkumpanjawna.  Infatti, hu “minħabba Kristu” (cfr Mt 5 v. 11)
u grazzi lilu, li l-imrar tat-tiġrib jinbidel f’ferħ tal-mifdija:  Ġesù ma jitkellimx dwar faraġ imbiegħed, imma dwar grazzja kostanti li tweżinna dejjem, speċjalment fis-siegħa tad-dulur.

Il-Beatitudnijiet jerfgħu l-umli u jxerrdu l-kburin fil-ħsibijiet l-aktar profondi ta’ qlubhom (cfr Lq 1,51-52.  Għalhekk nitolbu l-interċessjoni tal-Verġni Marija, qaddejja tal-Mulej, li l-ġenerazzjonijiet kollha jsejħulha hienja.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Bi preokkupazzjoni kbira rċevejt l-aħbar li qed iżżid it-tensjoni bejn Cuba u l-Istati Uniti tal-Amerika, żewġ pajjiżi ġirien.  Ningħaqad mal-messaġġ tal-Isqfijiet Kubani u nistieden lil min hu responsabbli biex jidħol fi djalogu sinċier u effikaċi sabiex jevitaw il-vjolenza u kull azzjoni li twassl għal żjieda fit-tbatija tal-għażiż poplu Kuban.  Jalla l-Virgen de la Caridad del Cobre, tassisti u tipproteġi lill-ulied dik l-art maħbuba!

Niżgura talbi għall-għadd kbir ta’ vittmi tal-valanga f’minjiera ta’ Kivu ta’ Fuq, fir-Repubblika Demoratika tal-Congo.  Il-Mulej jagħti s-sabar lil dak il-poplu tant sofferenti!

Nitolbu wkoll għall-mejtin u għal kull min jinsab f’diffikultajiet kbar minħabba t-tempesti li dawn l-aħħar jiem laqtu l-Portugall u n-nofsnihar tal-Italja.  U ma ninsewx il-popolazzjonijiet tal-Mozambique eżawriti minħabba l-għarar.

Illum l-Italja qed tfakkar “Il-jum nazzjonali tal-vittmi ċivili tal-gwerer u tal-kunflitti fid-dinja”.  Sfortunatament, din l-inizjattiva hi traġikament attwali: infatti, kuljum nisimgħu li azzjonijiet armati, bi vjolazzjoni ċara tal-morali u tad-dritt, qed iħallu bosta vittmi ċivili. Il-mejtin u l-feruti tal-bieraħ u tal-lum se jkunu onorati verament meta tintemm din l-inġustizzja intollerabbli.

Nhar il-Ġimgħa li ġej se jibda’ l-Logħob Olimpiku tax-Xitwa f’ Milan u Cortina u wara, il-Logħob Paralimpiku.  Nawgura lill-organizzaturi u lill-atleti kollha.  Dawn il-manifestazzjonijiet sportivi kbar huma messaġġ qawwi ta’ fratellanza u jerġgħu jagħtu ħajja lit-tama għal dinja fil-paċi.  Dan ukoll hu s-sena tat-tregwa olimpika, użanza mill-aktar antika li takkumpanja l-iżvolġiment tal-Logħob.  Nawgura li dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-paċi bejn il-popli, u li għandhom l-awtorità, jieħdu din l-okkażjoni biex jagħmlu ġesti konkreti ta’ distensjoni u djalogu.

Insellem lilkom ilkoll, għeżież Rumani u pellegrini ġejjin minn diversi pajjiżi!  B’mod partikolari nilqa’ bil-ferħ lill-membri tal-Moviment Luce-Vita mid-Djoċesi ta’ Siedlce, fil-Polonja, akkumpanjati mill-Isqof Awżiljarju.  Insellem lill-gruppi ta’ fidili minn Paraná fl-Argentina, minn Chojnice, Varsavia, Wrocław e Wagrowiec fil-Polonia, minn Pula u Sinj fil-Croazia, minn la Ciudad fil-Guatemala u San Salvador; kif ukoll lill-isudenti mill-iskola “Rodríguez Moñino” minn Badajoz u ‘l dawk minn Cuenca, fi Spagna.  Insellem ukoll lid-devoti tal-Madonna tal-Mirakli minn Corbetta, qrib Milan.

Irroddilkom ħajr minn qalbi għat-talb tagħkom u nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading