Adorazzjoni – 5 Ħadd ta’ Matul is-Sena A

O Sagrament Qaddis, o Sagrament Divin….. irrid infaħħrek u nroddlok ħajr ta’ dak kollu li Int, u tal-imħabba infinita li għandek għal kull wieħed u waħda minna.  (5 sek pawsa)

Illum, o Ġesù, nressaqlek lil kull membru tal-parroċċa tagħna, speċjalment lil dawk li l-aktar għandhom bżonn l-għajnuna tiegħek. Nitolbuk, bierek lil kull persuna, u sawwar fuqna l-imħabba, t-tjubija, l-ħniena u l-grazzja tiegħek.        (5 sek pawsa)

Kull glorja u mħabba lilek nagħti, o Maħbub; talli lejl u nhar, Int tibqa’ f’dan is-Sagrament Imqaddes, biex tkun is-sieħeb kostanti u l-aqwa ħabib tiegħi f’dan il-pellegrinaġġ fuq din l-art.

Demm Ewkaristiku ta’ Kristu, naddafni minn kull ma hu qaddis.

Ilma tal-kustat ta’ Kristu, aħsilni mill-idoli foloz li faċli nintrabat magħhom.

Passjoni ta’ Kristu, saħħaħni u sabbarni fil-mumenti diffiċli u ta’ niket.

O Ġesù twajjeb, ismagħni, u għinni nintrabat ħaġa waħda miegħek, biex qatt ma ninfired minn miegħek.

Silenzju       3min

Innu: ____________

F’din is-silta li se nisimgħu, Ġesù juża’ żewġ simboli komuni ħafna, mhux biss għalina llum, imma anke għal dawk li kienu jisimgħuh fiż-żmienu. L-melħ, huwa dak li jagħti t-togħma lil ikel, kif ukoll jippreserva l-ikel biex ma jitlifx it-tjubija tiegħu. Fl-Antik Testament, il-melħ jieħu s-simbolu tal-ħajja u tal-għerf. Ġesù juża’ wkoll is-simbolu tad-dawl, li hu essenzjali fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.   (30 sek pawsa)

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew                                             Mt 5:13-16

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom il-melħ tal-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma? Ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies.

Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt is-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar. Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej    

Tifħir lilek Kristu

Silenzju       1min

Mulej, illum qiegħed tfakkarna, li aħna, bħala dixxipli tiegħek irridu nkunu l-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja. U bħalma l-melħ kif naraw fil-Bibbja, joħroġ li hu simbolu tal-imħabba ta’ Alla lejn il-bnedmin; simbolu tal-imħabba li għandha tagħti togħma lir-relazzjonijiet ta’ bejnietna; hekk Int illum qiegħed issejħilna biex fis-sempliċità tagħna, nagħtu togħma, nagħtu sens lil ħajja tal-oħrajn; billi nixhdu għall-imħabba li Int għandek għalina, kif ukoll għall-imħabba li tixprunana biex inħobbu anke lil xulxin. (3 sek pawsa)

Mulej, Int l-ewwel qiegħed tistedinna biex inkunu miegħek, biex nikbru fi-imħabba u fir-relazzjoni tagħna miegħek; imma tridna wkoll, li nkun togħma ta’ ħlewwa, ta’ mħabba, ta’ sliem fil-ħajja ta’ dawk li ngħixu magħhom, u ta’ dawk l’Int tlaqqana magħhom, ta’ dawk li forsi tilfu s-sens tal-veru mħabba, u li ma għandhomx il-veru ferħ li tagħti Int biss.  (10 sek pawsa)

Jien qiegħed inkun togħma ta’ ħlewwa u ta’ mħabba, jew togħma ta’ qrusa u ta’ ġlied?

Silenzju                 2 min

O Sinjur, Int id-dawl tad-dinja; Inti d-dawl li kull min jimxi warajk, ma jimxix fid-dlam, imma jkollu d-dawl tal-ħajja. Inti d-dawl li ddawwal lil dawk li huma f’art u dell il-mewt.

Mulej, Inti mhux biss titlob minna, biex nagħtu sens lil ħajja u lil istorja tal-bnedmin li niltaqgħu magħhom, imma qiegħed tistedinna biex bil-qawwa tiegħek u tal-Kelma tiegħek, bl-għejxien tal-valuri tal-Evanġelju, aħna nixgħelu d-dawl f’dinja li spiss, u f’ħafna ċirkustanzi hija mdallma.             

Kif nista’ nkun dawl għall-oħrajn?   (10 sek pawsa)

Billi naqsam il-ħobża tiegħi ma’ dak li hu bil-ġuħ; billi nieqaf u nisma’ lil dak jew lil dik, li huma mtaqqlin, u jixtiequ li xi ħadd jismagħhom. Billi nżur lil min hu marid; u jekk missierek jew ommok huma anzjani u għadhom f’darhom, jew rikoverati f’xi dar tal-anzjani, tmur iżżurhom. (10 sek pawsa)

Jalla nilqgħu din il-vokazzjoni biex bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, verament inkunu melħ u dawl għalina nnfusna, imma anke għal oħrajn.     

Silenzju                 3 min

Talbiet tal-Komunitá

Ħuti għeżież, b’fiduċja sħiħa fil-Mulej li ħalaqna, nressqu quddiemu t-talb tagħna:

Nitolbuk O Alla, għall-membri tal-Knisja, biex twassal id-dawl tiegħek lil bnedmin kollha. Nitolbu.

Nitolbuk Mulej, għas-setgħanin tal-art, biex ifittxu li jagħmlu t-tajjeb, u li jkunu ġenerużi f’għemilhom, u li jħarsu l-ħajja tal-foqra. Nitolbu.

Nitolbuk Alla Missier, biex tqawwi l-qlub tax-xhieda tiegħek, imxerrdin mad-dinja kollha, sabiex bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, jkomplu jwasslu l-aħbar it-tajba. Nitolbu.

Nitolbuk Mulej, għall-komunità tagħna, biex tkun verament dawl nisrani bil-ħajja eżemplari li nagħtu lil xulxin. Nitolbu.

Agħtina l-grazzja, o Mulej, biex bħala dixxipli tiegħek nagħrfu nkunu melħ tal-art u dawl tad-dinja. Nitolbu

Nitolbuk Mulej, biex tagħti s-saħħa u l-kuraġġ lil ħutna l-morda li huma rikoverati fl-isptarijiet jew ġod-djar tagħhom. Nitolbu.

Ejjew issa nagħmlu t-talba personali tagħna.

Tingħata l-Barka Sagramentali:

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading