Kitba ta’ Angelo Xuereb
Jekk naqraw in-nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta mill-Atti tal-Appostli naraw kemm hija storja li tnissel it-tama f’Alla.
1•Bħal San Pawl niltaqgħu ma’ tempesti fil-ħajja
Il-vjaġġ ta’ San Pawl kien minn Ċesarija Marittima għall-Italja u l-miġja f’Malta ma kinitx ippjanata. Iżda sabu ruħhom f’tempesta mill-akbar. Aħna f’ħajjitna ngħaddu wkoll minn tempesti. Dawn jistgħu jkunu xi marda anki terminali, xi diffikultà fil-ħajja, xi diżappunt, xi krizi personali, xi fallimenti fil-pjanijiet tagħna, xi ħaġa li tinkwetana, xi inkwiet fil-familja u elf ħaġa oħra.
Dawn it-tempesti f’ħajjitna jistgħu jkunu żgħar kif ukoll kbar. Aħna fuq l-eżempju ta’ San Pawl għandna dejjem nittamaw anki jekk dak li ġie fuqna kien tort tagħna. Fil-fatt l-Appostlu tal-ġnus ta’ l-parir ta’ il-parir biex ma dan il-vjaġġ ma jsirx għax dan iż-żmien kien wieħed perikoluż. Iżda ċ-ċenturjun qagħad aktar għal dak li qallu l-kaptan u kompla bil-vjaġġ.
Dan il-fatt jgħallimna li meta niltaqgħu ma’ xi tempesta fil-ħajja li nkunu ġibnieha b’idejna ma għandniex lanqas naqtgħu qalbna. Tiġi mnejn tiġi t-tempesta għandna neħduha minn idejn Alla u jekk nittamaw fih ser niksbu ġid spirtwali.
It-tama f’Alla tħallilna bosta ġid spiritwali: ngħarfu d-dgħufijiet tagħna filwaqt li nammettu li għandna l-bżonnu. It-tama f’Alla ma tqarraqx għax fiha ma hemmx dak l-ottimiżmu żejjed li forsi lanqas ikun realistiku. Permezz tat-tama f’Alla nemmu li huwa qiegħed imexxi kollox għall-ġid tagħna. San Ġorġ Preca jikteb: “Xejn ma jiġri addoċċ iżda kollox taħt il-ġudizzji providenzjali ta’ Alla.”
It-tama tħallilna paċi kbira f’qalbna u filwaqt li nitolbu lil Alla dak li nixtiequ nħallu f’idejh kif nitolbu fil-Missierna: “Ikun li trid int kif fis-sema hekkda fl-art”. It-tama tan-nisrani għandha tkun dejjiema anki f’dawk il-mumenti li ma jidher ebda xaqq ta’ dawl u naqtgħu qalbna. Fil-fatt naqraw fl-Atti tal-Appostli: “Għal ħafna jiem la dehret xemx u lanqas kwiekeb; it-tempesta li qabditna ma kinitx ħafifa, hekk li fl-aħħar tlifna kull tama li nsalvaw” (Atti 27, 20).
2 • It-tama f’Alla tirrikjedi li aħna l-parti tagħna wkoll
Ikun xieraq li napprofondixxu xi tfisser it-tama f’Alla f’din il-festa. Dan ma jfissirx li nsiru passivi u fid-diffikultajiet li għandna ma nagħmlux il-mezzi li nkunu nistgħu nagħmlu u li fihom infushom ma jkunux ħżiena. Fil-fatt matul il-vjaġġ sakemm ħabtu fuq sikka f’Malta l-baħrin għamlu l-almu kollu tagħhom: Inġib xi eżempji: rabtu l-ġifen kollu biċ-ċimi, niżżlu l-qlugħ għax beżgħu li jinkaljaw fuq is-Sirti, waddbu t-tagħbija fil-baħar u irnew it-tagħmir tal-ġifen b’idejhom stess kif ukoll meta kienu kienu fil-baħar ta’ Adrija jiġifieri bejn Sqallija u l-Ġreċja il-baħrin ħassew qrib lejn xi art u għalhekk bdew ikejlu l-fond tal-baħar u meta sabu li l-fond tal-baħar kien ħmistax il-qama niżżlu erba’ ankri mill-poppa.
Għalhekk inkunu nittamaw f’Alla meta nużaw il-mezzi li mhumiex dnub anzi din it-tama tobbligna li nagħmlu l-mezzi. Proverbju Malti jgħidilna: “Għin ruħek u Alla jgħinek.” Waqt it-tempesti tal-ħajja niftakru li Alla qatt ma ser jabbandunana avolja umanament ma tidher l-ebda tama. Dan narawh fir-rakkont tal-Atti tal-Appostli li qegħdin nitkellmu fuqu. San Pawl deherlu anġlu u qallu li kullhadd ser isalva. Il-ġifen biss kien ser jitfarrak.
Meta San Pawl kellem lil sħabu qalilhom: “Jieħtieġ iżda li naħbtu fuq gżira” (Atti 27, 26). Dan kollu jurina li t-tama nisranija tikkonisti li nħallu lil Alla jmexxina huwa u mhux nippruvaw nagħmlu kollox skont il-pjanijiet tagħna. Il-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard kien iħobb jgħid: “Our disappointments are his appointments.” Alla tant huwa kbirt li għandu qawwa li joħroġ it-tajjeb mill-ħażin saħansitra mid-dnub tagħna.
3 • Waqt it-tempesti tal-ħajja nżommu l-paċi tal-qalb.
It-tama nisranija tikkonsisti li nafdaw totalment f’Alla u avolja s-sitwazzjoni tista’ tkun diffiċli biex nżommu l-paċi tal-qalb. San Pawl għamel dan waqt it-tempesta meta ħeġġeġ lil kulħadd biex jitrejjaq għax kien ilhom erbatax-il jum ma jieklu. “Kif qal dan, qabad il-ħobż, radd il-ħajr lil Alla quddiem kulħadd, qasam u beda jiekol” (Atti 27, 35) ġest li jixbaħ lil dak ta’ Kristu li għamel mad-dixxippli ta’ Emmaus.
Kif kien ħabbar San Pawl il-ġifen biss tkisser iżda kulħadd salva. U proprju waslu Malta. L-Atti tal-Appostli jgħidilna li l-miġja ta’ l-Appostlu tal-ġnus kienet waħda ta’ tama. Fejjaq lil missier Publiju l-ħakem tal-ġżira li kien marid bid-deni u bid-disinterija. Naqraw ukoll: “Wara dan imbagħad bdew ukoll jersqu għandu l-morda l-oħra tal-gżira, u hu fejjaqhom” (Atti 28,9).
Dan kollu jurina kemm l-Evanġelju huwa messaġġ ta’ tama. Jiġrilna x’jiġrilna fil-ħajja għadna dejjem nibqgħu nittamaw f’Alla skont kif jgħidna l-istess Appostlu: “Min ser jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? It-taħbit, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni, il-ġuħ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla?” (Rum 8,35).