IL-PREŻENTAZZJONI TAL-MULEJ
IT-XXX JUM DINJI TAL-ĦAJJA KKONSAGRATA
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Pietru
It-Tnejn 2 ta’ Frar 2026
Għeżież ħuti, illum, Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej, il-Vanġelu jkellimna dwar Ġesù li, fit-Tempju, hu mgħarraf u mħabbar bħala l-Messija minn Xmun u Anna (ara Lq 2:22-40). Huma jippreżentawlna l-laqgħa bejn żewġ movimenti ta’ mħabba: dak ta’ Alla li jiġi jsalva lill-bniedem u dak tal-bniedem li jistenna bil-fidi li tishar il-miġja tiegħu.
Min-naħa ta’ Alla, Ġesù ppreżentat bħala iben ta’ familja ta’ foqra fix-xenarju kbir ta’ Ġerusalemm, jurina kif hu joffri lilu nnifsu lilna fir-rispett sħiħ tal-libertà tagħna u fil-qsim sħiħ tal-faqar tagħna. Fil-fatt fl-azzjoni tiegħu ma hemm xejn kostrinġenti, imma biss il-qawwa diżarmanti tal-gratwità żarmata tiegħu. Min-naħa tal-bniedem, mill-banda l-oħra, fiż-żewġ persuni li jishru, Xmun u Anna, l-istennija tal-poplu ta’ Iżrael hi rrappreżentata fil-quċċata tagħha, bħala l-qofol ta’ storja twila ta’ salvazzjoni, li mill-ġnien tal-Għeden tibqa’ sejra sal-btieħi tat-Tempju; storja mmarkata minn dwal u dellijiet, waqgħat u qawmien, imma dejjem b’mixja ta’ xewqa vitali waħda: li tiġi stabbilita mill-ġdid il-komunjoni sħiħa tal-ħlejqa mal-Ħallieq tagħha. Hekk, ftit passi mill-“Qaddis tal-Qaddisin”, l-Għajn tad-dawl toffri ruħha bħala musbieħ għad-dinja u l-Infinit jingħata lill-finit, b’mod hekk umli li kważi mank hu osservat.
Aħna qed niċċelebraw it-XXX Jum Dinji tal-Ħajja Kkonsagrata fix-xefaq ta’ din ix-xena, u nagħrfu fiha ikona tal-missjoni tar-reliġjużi fil-Knisja u fid-dinja, kif ħeġġeġ il-Papa Franġisku: “‘Qajmu lid-dinja’, għax in-nota li tikkaratterizza l-ħajja kkonsagrata hi l-profezija” (Ittra appostolika Lill-Ikkonsagrati kollha fl-okkażjoni tas-Sena tal-Ħajja Kkonsagrata, 21 ta’ Novembru 2014, II, 2). Għeżież, il-Knisja qed titlobkom tkunu profeti: messaġġiera li jħabbru l-preżenza tal-Mulej u jħejjulu t-triq. Biex ninqeda bl-espressjonijiet ta’ Malakija, li għadna kemm smajna fl-Ewwel Qari, hu qed jistedinkom biex issiru, fit-“tbattil” ġeneruż tagħkom għall-Mulej, kaldaruni għan-nar tal-Fonditur u ġarar għat-tisfija tal-Ħassiel (ara Mal 3:1-3), sabiex Kristu, l-Anġlu waħdieni u etern tal-Patt, preżenti llum ukoll fost il-bnedmin, jista’ jħoll u jsaffi l-qlub tagħhom bl-imħabba tiegħu, bil-grazzja tiegħu u bil-ħniena tiegħu. U dan hu li intom imsejħin tagħmlu qabelxejn bis-sagrifiċċju tal-ħajja tagħkom, b’għeruqkom fit-talb u lesti biex tikkonsmaw ruħkom fl-imħabba (ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 44).
Il-fundaturi tagħkom, doċli għall-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, ħallewlkom mudelli mill-isbaħ kif tgħixu b’mod konkret dan il-mandat. F’tensjoni kontinwa bejn art u Sema, huma bil-fidi u l-kuraġġ ħallew xi jmexxihom, ibda mill-Mejda Ewkaristika, min fil-ħemda tal-kjostri, min qalb l-isfidi tal-appostolat, min bit-tagħlim fl-iskejjel, min fil-miżerja tat-toroq, minn ġot-taħbit tal-missjoni. U bl-istess fidi huma reġgħu lura, kull darba, umilment u b’mod għaref, f’riġlejn is-Salib u quddiem it-Tabernaklu, biex joffru kollox u jsibu f’Alla l-għajn u d-destinazzjoni ta’ kull azzjoni tagħhom. Bil-qawwa tal-grazzja huma bdew ukoll proġetti riskjużi, u saru preżenza ta’ talb f’ambjenti ostili u indifferenti, id ġeneruża u spalla ħabiba f’kuntesti ta’ qerda u ta’ abbandun, xhieda ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni qalb xenarji ta’ gwerra u ta’ mibegħda, lesti wkoll li jbatu l-konsegwenzi ta’ għemil kontra l-kurrent li għamilhom fi Kristu “sinjal li jmeruh” (Lq 2:34), xi drabi sal-punt tal-martirju.
Il-Papa Benedittu XVI kiteb li l-“l-interpretazzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa ma tkunx sħiħa jekk ma tagħtix widen ukoll għal min għex tassew il-Kelma ta’ Alla” (Eżortazzjoni appostolika postsinodali Verbum Domini, 48); u aħna rridu nfakkru lill-aħwa li ġew qabilna bħala protagonisti ta’ din it-“tradizzjoni profetika, fejn il-Kelma ta’ Alla tagħżel għas-servizz tagħha l-istess ħajja tal-profeta” (ibid., 49). Dan nagħmluh fuq kollox billi nkomplu x-xhieda tagħhom.
Illum ukoll, fil-fatt, bil-professjoni tal-kunsilli evanġeliċi u bl-għadd ta’ servizzi ta’ karità li toffru, intom imsejħin tagħtu xhieda, f’soċjetà fejn fidi u ħajja jidhru dejjem iżjed qed jitbiegħdu minn xulxin, f’isem idea falza u riduttiva tal-persuna, li Alla hu preżenti fl-istorja bħala salvazzjoni għall-popli kollha (ara Lq 2:30-31). Biex tagħtu xhieda li ż-żagħżugħ, l-anzjan, il-fqir, il-marid, il-ħabsi, għandhom qabelxejn il-post sagru tagħhom fuq l-Altar tiegħu u fil-Qalb tiegħu, u li fl-istess waqt kull wieħed minnhom hu santwarju invjolabbli tal-preżenza tiegħu, li quddiemu ninżlu għarkupptejna biex niltaqgħu miegħu, nadurawh u nigglorifikawh.
Huma sinjal ta’ dan l-għadd ta’ “bażijiet tal-Vanġelu” li ħafna komunitajiet tagħkom iżommu fil-kuntesti l-aktar varjati u impenjattivi, imqar qalb il-kunflitti. Ma jitilqux; ma jaħarbux; jibqgħu, imneżżgħin minn kollox, biex ifakkru, b’mod elokwenti iktar minn elf kelma, fis-sagralità invjolabbli tal-ħajja fl-aktar essenzjalità sempliċi tagħha, u jsiru eku, bil-preżenza tagħhom – imqar hemm fejn jinstemgħu l-armi u fejn donnhom jipprevalu l-prepotenza, l-interess u l-vjolenza – tal-kelmiet ta’ Ġesù: “Araw li ma tonqsux mill-istima lejn xi wieħed minn dawn iż-żgħar; għax, […] l-anġli tagħhom fis-smewwiet dejjem jaraw wiċċ Missieri li hu fis-smewwiet” (Mt 18:10).
U f’dan id-dawl, nixtieq nieqaf fuq it-talba tax-xwejjaħ Xmuni, li lkoll ngħidu ta’ kuljum: “Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skont kelmtek, għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek” (Lq 2:29-30). Fil-fatt, il-ħajja reliġjuża, bid-distakk seren tagħha minn dak kollu li jgħaddi, tgħallimna li ma jistgħux jinfirdu minn xulxin il-kura l-aktar awtentika għar-realtajiet ta’ din l-art u t-tama kollha mħabba f’dawk eterni, magħżula diġà sa minn din il-ħajja bħala għan aħħari u esklussiv, li kapaċi jdawwal il-bqija kollu. Xmun ra f’Ġesù s-salvazzjoni u jħossu liberu quddiem il-ħajja u l-mewt. “Raġel ġust u tajjeb” (Lq 2:25), flimkien ma’ Anna, li “ma kienet titwarrab qatt mit-Tempju” (v. 37), iżomm ħarstu msammra fuq il-ġid futur.
Il-Konċilju Vatikan II ifakkarna li “l-Knisja [] ma tasalx fil-milja tagħha jekk mhux fil-glorja tas-sema meta jasal iż-żmien […] li fih, flimkien mal-ġens uman, id-dinja kollha […] tiġġedded hi wkoll għalkollox fi Kristu” (Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 48). Anki din il-profezija hi fdata lilkom, irġiel u nisa b’riġlejkom wieqfa sew fuq l-art, imma fl-istess waqt bil-ħsieb tagħkom“dejjem fil-ħwejjeġ tas-sema” (Missal Ruman, Kolletta tas-Solennità tal-Assunzjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija). Kristu miet u qam biex “jeħles ’il dawk kollha li, minħabba fil-biża’ tal-mewt, kienu mjassrin għal għomorhom kollu” (Lhud 2:15), u intom, li tħabirku biex timxu warajh aktar mill-qrib, u tieħdu sehem fit-“tixjin” tiegħu biex tgħixu fl-Ispirtu tiegħu (ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digrit Perfectæ caritatis, 28 ta’ Ottubru 1965, 5), tistgħu turu lid-dinja, fil-libertà ta’ min iħobb u jaħfer bla qies, it-triq biex tegħleb il-kunflitti u tiżra’ l-fraternità.
Għeżież ikkonsagrati, il-Knisja llum trodd ħajr lill-Mulej u lilkom għall-preżenza tagħkom, u tħeġġiġkom biex tkunu, hemm fejn il-Providenza tibgħatkom, ferment ta’ paċi u sinjal ta’ tama. Aħna nafdaw l-opra tagħkom lill-interċessjoni ta’ Marija Santissma u tal-Fundaturi kollha tagħkom, waqt li fuq l-Altar inġeddu flimkien l-offerta tal-ħajja tagħna lil Alla.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard