QARI I
Jiena nħares din il-belt u nsalvaha minħabba fija nnifsi, u minħabba David, il-qaddej tiegħi.
2 Slaten 19, 9b-11.14-21.31-35a.36
Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten
F’dak iż-żmien, Sanħerib, is-sultan tal-Assirja, bagħat xi messaġġiera għand Ħeżekija u qalilhom: “Dan għidulu lil Ħeżekija, sultan ta’ Ġuda: “Lil Alla tiegħek, li fih int tqiegħed it-tama tiegħek, tħallihx iqarraq bik, billi jgħidlek li Ġerusalemm ma tistax tingħata f’idejn issultan tal-Assirja! Inti smajt x’għamlu s-slaten tal-Assirja lill-pajjiżi l-oħra kollha, kif qerduhom għalkollox. Int waħdek se teħles?”.
Ħeżekija ħa l-ittra minn id il-messaġġiera, u qraha. Imbagħad tala’ fit-tempju tal-Mulej, u firixha quddiem il-Mulej. U Ħeżekija talab quddiem il-Mulej b’dan il-kliem: “Mulej, Alla ta’ Iżrael, li qiegħed fuq il-kerubini, int waħdek Alla fuq is-saltniet kollha tal-art, int għamilt is-smewwiet u l-art. Agħti widen, Mulej, u isma’; iftaħ għajnejk, Mulej, u ara! Isma’ l-kliem ta’ Sanħerib, li bih bagħat iżeblaħ lil Alla l-ħaj. Kollu minnu, Mulej, li s-slaten tal-Assirja ħarbtu l-ġnus u artijiethom, u xeħtu l-allat tagħhom fin-nar; imma dawk ma kinux allat, għax mhumiex ħlief ħatab u ġebel, xogħol ta’ id il-bniedem u għalhekk setgħu jġibuhom fix-xejn. Issa, Mulej, Alla tagħna, salvana minn idu, u jkunu jafu s-saltniet kollha tal-art li inti waħdek Alla, il-Mulej”.
Imbagħad Iżaija bin Amos, bagħat jgħid lil Ħeżekija: “Dan jgħid il-Mulej, Alla ta’ Iżrael: “Kulma tlabtni dwar is-sultan Sanħerib, sultan tal-Assirja, jiena smajtu. Dan jgħid il-Mulej kontrih:
Tistmerrek, tiddieħak bik,
ix-xebba bint Sijon.
Minn warajk tħarrek rasha,
bint Ġerusalemm!”
Għax minn Ġerusalemm joħroġ il-fdal,
u mill-muntanja ta’ Sijon il-meħlusin.
Il-ħeġġa tal-Mulej tagħmel dan.
Għalhekk dan jgħid il-Mulej għas-sultan tal-Assirja:
“F’din il-belt ma jidħolx;
ebda vleġġa ma jwaddab fiha;
ebda tarka ma jressaq quddiemha;
ebda ħajt ma jtella’ madwarha.
Mit-triq li minnha ġie, minnha jerġa’ lura.
U f’din il-belt ma jidħolx.
Oraklu tal-Mulej.
Jiena nħares din il-belt u nsalvaha
minħabba fija nnifsi, u minħabba David, il-qaddej tiegħi”.“
Ġara li dak il-lejl stess, ħareġ l-anġlu tal-Mulej fil-kamp tal-Assiri u qered mija u ħamsa u tmenin elf ruħ. Imbagħad Sanħerib, sultan tal-Assirja, rafa’ l-kamp u telaq u raġa’ lura, u baqa’ f’Ninwè.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 47 (48), 2-3a.3b-4.10-11
R/. (ara 9d): Alla jżomm il-belt sħiħa għal dejjem!
Kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru ħafna
fil-belt ta’ Alla tagħna.
L-għolja qaddisa tiegħu, għolja mill-isbaħ,
l-għaxqa tal-art kollha. R/.
L-għolja ta’ Sijon fil-qalba tat-Tramuntana;
hi l-belt tas-sultan il-kbir.
Alla fil-fortizzi tagħha
wera ruħu bħal sur qawwi. R/.
Naħsbu, o Alla, fuq it-tieba tiegħek
f’nofs it-tempju tiegħek.
Bħal ismek, o Alla, hekk tifħirek,
sa truf l-art jasal.
Il-leminija tiegħek bis-sewwa mimlija. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 8, 12
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jiena d-dawl tad-dinja, jgħid il-Mulej;
min jiġi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom.
Mt 7, 6.12-14
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tagħtux lill-klieb dak li hu qaddis, u tixħtux il-ġawhar tagħkom quddiem il-ħnieżer li ma jmorrux jgħaffġuhom b’saqajhom u mbagħad iduru għalikom u jqattgħukom bi snienhom. Mela dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom; għax din hi l-Liġi u l-Profeti. Għaddu mill-bieb id-dejjaq. Għax wiesa’ l-bieb u spazjuża t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jgħaddu minnha. Imma kemm huwa dejjaq il-bieb u dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha!”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
24 ta’ Ġunju
Quddiesa tal-Vġili tat-Twelid ta’ San Ġwann Battista
Solennità
QARI I
Qabel ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek.
Ġer 1:4-10
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija
Fi żmien Ġosija, il-Mulej kellimni u qalli:
“Qabel ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek;
qabel ma ħriġt minn ħdan ommok, ikkonsagrajtek.
Jien qegħedtek profeta fuq il-ġnus.”
Jien weġibt: “Ah, Sidi Mulej,
ma nafx nitkellem, għadni żgħir.”
U l-Mulej weġibni:
“Tgħidx, ‘Għadni żgħir’.
Inti tmur kull fejn nibagħtek,
u tgħid kull ma nordnalek.
La tibżax minnhom,
għax jien miegħek biex neħilsek.”
oraklu tal-Mulej. –
U l-Mulej ħareġ idu u messli fommi,
u qalli l-Mulej:
“Ara, qegħedtlek kliemi fuq fommok.
Ara, jiena llum qegħedtek
fuq il-ġnus u s-saltniet, biex taqla’ u ġġarraf,
biex teqred u tħott, biex tibni u tħawwel.”
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 70: 1-6. 15ab.17
R/. Minn ħdan ommi inti ħadtni.
Fik, Mulej, jien nistkenn;
ma jkolli qatt għax ninfixel.
Għall-ġustizzja tiegħek salvani u ħarisni;
agħtini widen u fittex eħlisni. R/.
Kun sur ta’ kenn għalija;
int wegħedt li tiġi dejjem issalvani,
għax blata u fortizza int għalija.
Alla tiegħi, ħarisni minn id il-ħażin. R/.
Għax inti, Sidi, it-tama tiegħi;
Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.
Fuqek serraħt sa minn twelidi,
sa minn ġuf ommi inti ħadtni. R/.
Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek,
il-jum kollu l-għemejjel tal-għajnuna tiegħek.
O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni;
u jien s’issa għadni nxandar għeġubijietek. R/.
QARI II
Il-Profeti stħarrġu u tkixxfu fuq din is-salvazzjoni.
1 Piet 1:8-12
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu.
Għeżież,
għalkemm lil Ġesù Kristu
għadkom ma rajtuhx, intom tħobbuh;
fih, għad li issa m’intomx tarawh,
intom temmnu;
fih intom tifirħu b’ferħ glorjuż,
li ma jistax jitfisser,
waqt li tiksbu l-għan tal-fidi tagħkom,
li hu s-salvazzjoni tagħkom.
Il-profeti,
li ħabbru l-grazzja li kellha tingħata lilkom,
stħarrġu u tkixxfu fuq din is-salvazzjoni;
huma kienu jitkixxfu l-mod u f’liema żmien
kien qiegħed jaħseb l-Ispirtu ta’ Kristu,
li kien fihom,
meta kien jixhdilhom minn qabel
it-tbatijiet ta’ Kristu u l-glorji tiegħu
li kellhom jiġu warajhom.
Lilhom kien mgħarraf
li mhux għalihom infushom,
imma għalikom,
kien jiswa dak li huma kienu jħabbru,
u li issa kien imxandar lilkom minn dawk li,
bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu
mibgħut mis-sema,
qegħdin jagħtukom l-Evanġelju.
Dawn huma ħwejjeġ li l-anġli stess
jixtiequ jifhmuhom sewwa.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI GĦALL-EVANĠELJU
Ġw 1:7; Lq 1:17
Hallelujah. Hallelujah.
Dan ġie bħala xhieda, biex jixhed għad-dawl;
biex ilesti lill-Mulej poplu mħejji sewwa.
Hallelujah.
EVANĠELJU
Martek se tagħtik iben, u inti ssemmih Ġwanni.
Lq 1:5-17
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Fi żmien Erodi, sultan tal-Lhudija,
kien hemm qassis jismu Żakkarija,
mit-taqsima ta’ Abija;
martu, li kien jisimha Eliżabetta,
kienet minn ulied Aron.
It-tnejn kienu nies ġusti quddiem Alla
u jimxu bla nuqqas ta’ xejn
skont il-preċetti
u l-kmandamenti kollha tal-Mulej.
Ulied ma kellhomx,
għax Elizabetta ma setax ikollha,
u t-tnejn kienu mdaħħlin fiż-żmien.
Mela ġara li Żakkarija kien qiegħed jaqdi dmiru
ta’ qassis quddiem Alla,
għax kien imissha t-taqsima tiegħu,
u, skont id-drawwa tal-liturġija,
ntgħażel hu bix-xorti biex jidħol ġewwa
fis-santwarju tal-Mulej ħalli jaħraq l-inċens.
Waqt ir-rit tal-inċens,
il-kotra kollha tal-poplu
kienet qiegħda titlob barra.
U deherlu anġlu tal-Mulej,
wieqaf in-naħa tal-lemin tal-artal tal-inċens.
Żakkarija, malli rah, tħawwad
u waqa’ biża’ fuqu.
Imma l-anglu qallu:
“Tibżax, Żakkarija,
għax it-talba tiegħek instemgħet:
martek Elizabetta se tagħtik iben,
u inti ssemmih Ġwanni.
Din tkun għalik ħaġa li tqanqlek bil-ferħ
u thennik ħafna,
u jkun hemm bosta li jifirħu bit-twelid tat-tifel.
Għax hu jkun kbir quddiem il-Mulej;
ma jkun jixrob ebda inbid jew xorb qawwi,
u jimtela bi spirtu qaddis sa minn ġuf ommu.
Huwa jreġġa’ lil ħafna minn ulied Iżrael
lejn il-Mulej Alla tagħhom,
u hu ġej qabel il-Mulej,
mimli bl-ispirtu u l-qawwa ta’ Elija,
biex iraġġa’ l-qlub tal-missirijiet lejn uliedhom,
u lil dawk li ma jridux jobdu
jreġġagħhom għall-għaqal tal-ġusti,
ħalli jlesti poplu mħejji sewwa għall-Mulej.”
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu