Kitba ta’ Patri Luċjan Borg O.S.A
Introduzzjoni.
Ġeneralment, meta wieħed jitkellem mill-Ġustizzja jkun qiegħed jitkellem mill-virtù tal-Ġustizzja. Bla dubbju ta’ xejn, il-Ġustizzja hija virtù. Għal Santu Wistin, l-ewwel u qabel xejn, il-Ġustizzja hija realtà bil-wisq aktar profonda, fis-sens li l-essri (being) tagħha għandu dimensjonijiet eseġetiċi, teoloġiċi u filosofiċi aktar wiesa.
Huwa għalhekk li f’din il-lezzjoni nixtieq nikkonċentra fuq il-fundament filosofiku tal-Ġustizzja, dejjem skont Santu Wistin, b’mod partikulari fuq id-dimensjonijiet ontoloġici y traxxendentali tagħha.
- Tifsira tal-kunċetti t’Ontoloġija u Metafiżika.
X’nifhmu b’fundament ontoloġiku ? Xi jfisser li l-essri (being) tal-Ġustizzja għandu dimensjonijiet ontoloġici li huma traxxendentali? Tajjeb, qabel ma nkomplu, nispjegaw ftit it-termini li qiegħdin nużaw. Ma hemm l-ebda problema dwar it-terminu ta’ fundament. Dan it-terminu jfisser li l-natura tal-Ġustizzja hija realtà (xi ħaġa) mibnija fuq sisien li għandhom x’jaqsmu mall-essri, mall-being. It-terminu ontoloġiku jindika x’tip huwa l-fundament, is-sisien, li qiegħed jitkellmu minnhom.
It-terminu ontoloġiku huwa aġġettiv ġej mis-sostantivi grieg ontoloġija. It–terminu ontoloġija huwa terminu filosofiku kompost minn żewġ kelmiet : ὄντος [ontos] u λόγος [il-kliem, Verbum]. ὄντος huwa l-plural ta’ ὄν u nittraduċu ὄν bil-frażi: dak li hu, dak li għandu l-being, l-essri, fi kliem ieħor, kull realtà li teżisti ; nittraduċu ὄντος bil-frażi: dawk li huma, dawk il-ħwejjeġ li jeżistu. It-terminu λόγος jfisser: xjenza, studju jew teorija. Mela meta nitkellmu mil-ontoloġija inkunu qiegħdin nitkellmu mix-xjenza li titratta l-essri ta’ dak li hu, ta’ dak li jeżisti; jew, mill-istudju li jsir fuq l-essri, fuq il-being ta´dak li hu. Din ix-xjenza u dan l-istudju ħafna drabi jiddependi mit-teorija ta’ dak li jkun jinvestiga l-essri, il-being ta’ dak li hu. It-terminu ontoloġija beda jintuża fil-filosofija fis-seklu XVII WK u bih il-filosofi riedu jindikaw x-xjenza, teorija u l-istudju tar-realtà fl-essri tagħha.
Ix-xjenza u l-istudju fil-kamp tal-ontoloġija jwasslu sabiex wieħed jiskopri l-elementi fundamentali, jew id-dimensjonijiet traxxendentali, li jikkostitwixxu w isawwru l-essri ta’ dak li hu. Eżempju: Luċjan huwa bniedem. X’irridu ngħidu b’din il-frażi? Bl-affermazzjoni Luċjan huwa bniedem inkunu qiegħdin inwieġbu għall-mistoqsija x’inhu Lucjan ? u mhux min hu Lucjan? Fi kliem ieħor : f’xiex jikkonsisti l-essri ta’ Luċjan? It-tweġiba tagħna hija tweġiba ontoloġika għax meta ngħidu li Luċjan huwa bniedem inkunu qiegħdin ngħidu li huwa annimal raġonevoli.
Huwa mportanti nkunu nafu kif wasalna għal din it-tweġiba ontoloġika. Fil-kultura tagħna oċċidentali x-xjenza, l-istudju u l-lingwaġġ fil-kamp tal-ontoloġija ġejjin mill-filosofija tal-antikità klassika griega li bdiet ġewwa Ionika mall-bidu tas-Seklu VI QK. Kien Aristotile (384-322 QK) li studja fid-dettalji l-problema tal-essri, tal-being. Warajh ħalla ħafna noti fuq dan is-suġġett li ma kienux destinati biex jiġu ppublikati. Fl-ewwel seklu QK filosofu tal-iskola aristotelika, jismu Andrónico de Rodas, akkwista kopja ta’ dawn in-noti u meta ġie biex jippubblikhom, tahom l-isem ta’ μετὰ [τὰ] φυσικά, ‘l fuq mill-Fiżika. Meta din l-opra ġiet maqluba għal-Latin ingħatat l-isem ta’ metaphysica, traskrizzjoni tal-frażi griega μετὰ φύσις, li tfisser «il fuq ‘min-natura, il fuq ‘mill-Fiżika». Kien mela fl-ewwel seklu QK li l-Metafiżika ta´Aristotile bdiet titqies bħala x-xjenza filosofika li tistudja l-essri, il-being, in-natura tiegħu u l-kategoriji [kwalitajiet] ontoloġici li għandu fih. Meta fis-seklu XVII WK l-filosofi bdew jitkellmu mill-Ontoloġija, din saret il-fergħa tal-Metafiżika ġenerali, filwaqt li x-xjenza u l-istudju ta’ temi aktar speċifiċi, bħal ngħidu aħna, l-oriġini, il-kawżi u l-għanijiet tal-essri, tal-being bdew jitqiesu bħala Metafiżika speċifika. Per eżempju: kif ġie l-univers? Il-Kosmos (κόσμος) minn fejn ġej? Eċċ. Fil-Fatt Ontoloġija u Metafiżika jmorru flimkien u prattikament jokkupaw ruħhom mill-istess suġġett: l-essri, il-Being fih innifsu u fil-kategoriji li jispjegawh
- Il-formazzjoni letterarja u fuq kollox filosofika bejn is-sena 373 u s-sena 384.
Lejn tmiem is-sena 370 jew bidu tas-sena 371 Santu Wistin wasal Kartaġni biex jibda l-istudji universitarji li kellhom jwasslu biex ikun avukat jew inkella mgħallem tar-Rettorika. F´xiex kien jemmen Santu Wistin meta wasal Kartaġni? Hu stess jgħidilna:
ma għaraftx dak li hu tabilħaqq il-veru … Ma għaraftx li Alla huwa spirtu, ma għandux ġisem imqassam f’membri fit-tul u l-wisa’, u anqas ma għandu daqs … Fuq kollox ma kelli ebda u ebda ħjiel dwar x’hemm ġewwa fina li jagħmilna neżistu u li minħabba fih inħlaqna fuq xbieha ta’ Alla , kif tgħid sewwa l-Iskrittura … Anqas ma għaraft xinhi l-vera ġustizzja interjuri, ». [L-Istqarrijiet, III, 7].
Il-Providenza divina diġà kellha pjan għalih biex jsib il-verità, biex jagħraf il-veru Alla u jħaddan il-fidi nisranija. Inzerta li fit-tielet sena tal-kors, fis-sena 373, fl-età ta’ 19-il sena, Santu Wistin kellu jistudja l-opra ta’ Ċiċerun, l-Ortensju. F’din l-opra Santu Wistin sab il-vokazzjoni filosofika tiegħu: «f’dan il-ktieb, li jismu ʺOrtensjuʺ, huwa [Ċiċerun] jħeġġiġna għall-istudju tal-filosofija. Il-ktieb ġieb bidla sħiħa fija. … Kif kont inxennaq, Alla tiegħi, kif kont inxennaq li nittajjar lura mill-ħwejjeġ ta’ din l-art għal għandek … Fil-fatt fik huwa l-għerf (Sapientia) [Ġob 12,13]. Issa l-imħabba tal-Għerf bil-Grieg tissejjaħ filosofija u dan il-qari kebbes fija din l-imħabba. … fit-tħeġġiġ ta’ dan il-ktieb sibt ħaġa waħda li kont ngħożż, għax id-diskors tiegħu kien iqanqalni u jixgħelni u jkebbisni biex inħobb, infittex, insib, inżomm u nħaddan qawwi miegħi mhux din jew dik l-iskola filosofika, iżda l-għerf innifsu …» [Istqarrijiet, III, 4].
Ta min jinnota li f’dan it-test, miktub bejn is-sena 397 u 400 WK, Santu Wistin jdaħħal sentenza mill-ktieb ta’ Ġob. Dan juri li dan it-test diġà huwa interpretazzjoni tal-fatt storiku. Kienu għaddew 24 sena mill-qari ta’ Ortensju meta Santu Wistin kiteb l-Istqarrijiet. F’dawn-il 24 sena Wistin kien sar nisrani u isqof ta’ Ippona; kienu snin fejn Santu Wistin kien sar jaf biżżejjed tajjeb l-bibbja, it-teoloġija u l-eseġesi. Minkejja dan, it-test ma jicħadx il-fatt storiku. X’inhu dan il-fatt storiku? Dan il-fatt huwa l-qari tal-Ortensju u fuq kollox t-tip ta’ għerf li Santu Wistin sab u ħaddan. Meta Santu Wistin qara Ortensju l-għerf li sab u ħaddan kien l-għerf li ġej mill-filosofija, kien l-għerf filosofiku li ġej mill-intelligenza u r-raġuni umani, u għalhekk kien qabel xejn l-għerf li ġej mill-ħidma tal-intelliġenza u tar-raġuni umani u mhux mill-fidi.
Jekk fl-Ortensju Wistin sab u ħaddan l-għerf filosofiku li ġej mill-intelligenza u r-raġuni umani u jekk fl-Istqarrijiet jidentifika l-għerf m’Alla tal-fidi, dan juri li sa mill-bidu tal-ħajja nisranija w episkopali tiegħu, għal Wistin l-għerf filosofiku ma kienx f’konflitt mal-għerf li ġej mill-fidi. Għall-kuntrarju, kien hu, id-Duttur tal-Knisja oċċidentali, li bena fis-sod u saħħaħ id-djalogu bejn il-fidi u r-raġuni, bejn il-filosofija u t-teoloġija. Kważi seklu u nofs qablu, Tertuljanu, l-aqwa kittieb nisrani tal-Afrika ta’ Fuq, stqarr: x’għandha x’taqsam Ateni ma’ Ruma? Bħal oħrajn ta’ żmienu u qablu, Tertuljanu ma’ kienx jammetti d-djalogu bejn il-filosofija u t-teoloġija.
Bla dubbju ta’ xejn l-iskoperta tal-filosofija fis-sens li għadna kemm fissirna kien mument mill-aktar importanti fil-ħajja u l-formazzjoni ta’ Santu Wistin. Huwa veru li Wistin baqa’ diżappuntat meta ma sabx l-isem ta’ Kristu fl-Ortensju. Imbuttat mit-tagħlim nisrani li kien irċieva fi tfulitu minn għand ommu Monnika, fetaħ il-Bibbja biex jipprofundixxi dak li kien qara fuq l-Għerf u l-Verità fl-opra ta’ Ċiċerun. Mall-ewwel reġa’ għalaqha għax il-Latin tagħha ma kienx nobbli bħal dak ta’ Ċiċerun. Kien f’din is-sitwazzjoni li ġie maħkum mis-setta tal-Manikej li f’fommhom ma kellhomx ħlief il-kelma Verità u dejjem kienu jsemmu lil Kristu [Istqarrijiet, III, 6]. Dam magħhom 9 snin u minn għandhom irċieva sistema filosofiku komplut fejn kienu jiddomina l-materjaliżmu, id-dwaliżmu metafiżiku u l-pantejiżmu. Santu Wistin, kif jgħid hu stess, qatt ma kien profondament konvint mit-tagħlim tal-Manikej.
Min-naħa tiegħu, kompla jsaħħaħ il-formazzjoni tiegħu letterarja u filosofika. Ta’ għoxrin sena qara u fehem waħdu il-ktieb t’Aristotile li jismu Il-għaxar kategoriji [Istqarrijiet, IV, 16]. Din l-opra titratta fuq il-kategoriji ontoloġici tal-essri, tal-being, opra li minn dejjem kienet titqies bħala opra diffiċli. F’dan l-istess perijodu qara il-kotba kollha tal-arti liberali li seta’ jiltaqa’ magħhom kif ukoll «kotba ta’ bosta filosofi u żammejt tagħlimhom f’moħħi»[Istqarrijiet, V, 3]. Kienet din il-formazzjoni letterarja u fuq kollox filosofika li għenitu jara sewwa kemm il-Manikejiżmu kien mimli ħrejjef u li l-verità ma setgħetx tkun fir-reliġjon li kien jipprofessa. Disgrazzjatamente, minflok li kompla jissaħħaħ fil-formazzjoni tiegħu filosofika, waqa’ fi kriżi li wildet fih attitudni xettika dwar il-verità u s-sewwa. Kif wieħed jfisser dan? Fis-sajf tas-sena 383, fl-età ta’ 30 sena, Santu Wistin salpa minn Kartaġni lejn Ruma fejn għallem matul sena r-Retorika. Hemm tqarreb lejn l-iskola filosofika tal-Akkademja l-Ġdida li kienet temmen li ma tistax tasal għall-verità, iżda biss għal dak li hu probabbli: jista’ jkun li dan huwa hekk, kif jista’ jkun li huwa mod ieħor. Din it-teorija filosofika ġegħlet lill-Akkademiċi ta’ żmien Santu Wistin jieħdu l-attitudni li jiddubitaw minn kollox. Kienet din l-istess attitudni li Santu Wistin ħaddan meta kien Ruma, fit-383, u meta wasal Milan fl-aħħar tas-sajf tas-sena 384: «… ġrali bħall-Akkademiċi, skont ma jgħidu fuqhom, jiġifieri, sirt dubbjuż minn kollox»[Istqarrijiet, V, 14].
- Il-miġja f’Milan, il-predikazzjoni ta’ San Ambroġju u l-laqgħa mal-kotba tal-Platoniċi.
«… bla tama li nsib l-verità» [Istqarrijiet, V1, 1], Santu Wistin ħalla Ruma u mar Milan qrib il-ħarifa tas-sena 384 biex jgħallem ir-Retorika. Meta kien hemm sab li kien inkarigat ukoll li jagħmel xi diskorsi uffiċċjali. F’dak iż-żmien l-isqof ta’ Milan kien San Ambroġju. Dan twieled fl-339 jew 340 u miet fl-4 ta’ April tal-397. Kien minn familja rumana senatorjali. Ta’ żagħżugħ studja l-grieg, id-dritt, il-letteratura u r-Retorika. Ġimgħa qabel ma sar isqof ta’ Milan, fis-7 ta’ Diċembru 374, kien gvernatur tal-provinċja rumana ta’ Aemilia u Liguria bis-sedja ġewwa Milan u kien għadu katekumenu. Meta Wistin wasal Milan fl-384, Ambroġju kien igawdi fama kbira bħala predikatur u wkoll bħala bniedem intiż tajjeb fil-politika. Wistin beda jmur jisma’ l-prietki tiegħu ta’ kull nhar ta’ Ħadd u mall-ewwel impressjona ruħu mhux biss bl-elokwenza tiegħu imma fuq kollox bl-interpretazzjoni allegorika u spiritwali li kien jagħmel ta’ ċerti passaġġi tat-Testment il-Qadim li l-Manikej kienu jinterpretaw f’sens materjalista u min-naħa tiegħu kien jikkonsidrahom bħala bluhat [Istqarrijiet, V1, 4].
Kienet il-predikazzjoni ta’ Ambroġju li bil-mod il-mod ħarġet lil Wistin mill-attitudni xettika tiegħu, ġegħlitu jħalli l-Manikejiżmu, ressqitu lejn il-knisja kattolika u ħajjietu għall-magħmudija. Permezz tat-tagħlim ta’ Ambroġju, Santu Wistin beda jifhem li hemm sustanza spiritwali u li Alla li ħalaq il-bniedem fuq ix-xbieha tiegħu, dan il-kliem ma kellux jiġi mifhum bħallikieku Alla kien jinsab «magħluq f’sura ta’ ġisem ta’ bniedem»[Istqarrijiet, V1, 3]. Fi kliem ieħor Santu Wistin beda jiskopri li Alla huwa sustanza spiritwali, bla ġisem u jinsab kullimkien, «l-aktar għoli iżda qribna, l-aktar moħbi iżda fostna tassew … int tinsab kollok kemm int kullimkien … Int ma għandekx is-sura tal-ġisem tagħna … » [Istqarrijiet, V1, 3].
Skoperta kbira kienet għal Santu Wistin l-eżistenza ta’ sustanza spiritwali u li Alla ma huwiex sustanza li għandha l-ġisem. Kien grazzi għal Ambroġju li Santu Wistin wasal għal dan. Jekk Ambroġju wassal lil Wistin ħalli joħroġ mill-materjaliżmu tiegħu u jibda il-mixja lejn it-tħaddin tal-fidi kattolika dan seta’ jagħmlu għax kien irċieva formazzjoni eseġetika, teoloġika soda u profonda mingħand is-saċerdot Simpliċjanu li b’għaqal kbir għaraf isawwar din il-formazzjoni ispirata mill-filosofija neoplatonika, ikkorreġuta mill-iżbalji tagħha u adattata biex il-moħħ u r-raġuni jkunu jistgħu jippenetraw il-misteri tal-fidi kattolika. Kien dan it-tip ta’ xjenza eseġetika, teoloġija u fuq kollox filosofika li Santu Wistin kien qed ifittex biex joħroġ mit-taħwid ta’ moħħu, jersaq lejn il-verità u s-sewwa u jasal biex isir dixxiplu ta’ Kristu u iben il-knisja kattolika.
Int ħennejt għalija, trab u rmied, u għoġbok iġġedded kull ma kien tħassar fija. Int kont tqanqalli ruħi biex inkun bla sabar sa ma nara ċ-ċertezza tiegħek bil-ħarsa tiegħi minn ġewwa. Idek moħbija fejqet u niżżlet il-nefħa tiegħi, u l-kollirju qawwi ta’ tbatijiet utieqa raddli kuljum iżjed id-dawl f’għajnejn ruħi mħawda u mdallma. [Istqarrijiet, V11, 8].
Fil-pjan li kellha għalih il-Providenza divina kien previst mhux biss li Wistin jmur jisma’ lill-Ambroġju imma wkoll li jiġuh f’idu xi kotba tal-Platoniċi: «Għalhekk inti nqdejt bi bniedem minfuħ iżżejjed bih innifsu u bih bgħattli xi kotba ta’ awturi platoniċi, maqlubin mill-Grieg għal-Latin» Istqarrijiet, V11, 9]. Ta´min kienu dawn il-kotba tal-Platoniċi u x’effett ħallew fuq Santu Wistin? Nistgħu ngħidu li prinċipalment Santu Wistin qara lil Plotinu (203/204 – ca 270) u lil Porfirju (232 – 304), dixxiplu ta’ Plotinu li Plotinu kien ħallielu il-kitbiet tiegħu qabel ma miet. Porfirju organizza l-materjal li ħallielu Plotinu u ppubbllikah taħt l-isem ta’ Enneadi, opra li kellha effett kbir fuq Santu Wistin, u mhux biss fuqu. Fl-Istqarrijiet VII, 9, Santu Wistin jgħidilna li «fihom, bi kliem mhux l-istess imma jfisser l-istess għal ħafna u ħafna raġunijiet, jiena qrajt li fil-bidu kien il-Verb, kien ma’ Alla u l-Verb kien Alla … li r-ruħ tal-bniedem, għad li tixhed għad-dawl, mhijiex hi d-dwal, imma l-Verb Alla hu d-dawl veru, … [Istqarrijiet, V11, 9]. Dak li jgħid Santu Wistin fil-parrafu 9 tal-Ktieb VII huwa interpretazzjoni filosofika tal-Prologu tal-Vanġelu ta’ San Ġwann, infassla fuq l-l-kategoriji filosofiċi tal-opra prinċipali ta’ Plotinu, l-Enneadi.
Prattikament hemm distanza ta’ 12-il sena bejn meta Wistin beda jaqra l-kotba tal-Platoniċi u meta beda jikteb l-Istqarrijiet (385-397). Mill-parrafu 9 sal-parrafu 20 tal-Ktieb VII Santu Wistin jinformana dwar dak kollu li f’din il-medda ta’ żmien, f’din il-mixja u f’dan il-proċess, esperimenta u wasal għalih, orjentat mil-qari tal-kotba tal-Platoniċi, bil-predikazzjoni ta’ San Ambroġju u l-pariri tas-saċerdot Simpliċjanu. Jgħidilna li meta beda jaqra dawn il-kotba ra «twissija biex nerġa’ nidħol fija nnifsi u taħt it-tmexxija tiegħek nibqa’ dieħel sal-qiegħ ta’ qalbi … Għalhekk dħalt, u bid-daqsxejn ta’ dawl f’għajnejn tiegħi, ilmaħt dawl li ma jidbidelx» Istqarrijiet, V11, 10]. Dan żgur kien effett immedjat tal-qari. Biss kif jkompli jgħidilna hu stess: «Meta bdejt nagħrfek (O Alla) inti erfajtni lejk biex nara li hemm xi ħaġa li kelli naraha, għad li kont għadni ma nistax naraha [Istqarrijiet, V11, 10]. Bil-mod il-mod, megħjun mill-qari ta’ dawn il-filosofi Platoniċi, Wistin wasal biex jagħraf li l-verità teżisti u «tista’ tingħaraf permezz tal-ħlejjaq» [Istqarrijiet, V11, 10], li diġà kien beda jħobb lill-Alla «li xi drabi ġmielu kien jisraqni u minnufih it-toqol tiegħi nnifsi kien jifridni minnek u jixħetni mal-art fost it-tnehid tiegħi» [Istqarrijiet, V11, 17]. Huwa mpressjonanti kif Santu Wistin irnexxielu jixrob u jassimilja l-filosofija huwa ta’ Plotinu! Kif ħa naraw aktar ‘l quddiem.
X’inhija dik il-ħaġa li Santu Wistin ma setax jara meta beda qari il-kitba tal-Platoniċi? It-tweġiba tinstab fil-parrafu 20 tal-istess ktieb VII:
Il-qari tal-kotba tal-filosofi Platoniċi fetaħli għajnejja biex infittex verità bla ġisem u permezz tal-ħlejjaq għaraft dak li fik ma jidhirx. Dan kollu żammni lura, għax ħassejt li kien hemm ħwejjeġ li d-dlamijiet ta’ ruħi ma kinux qed iħalluni nilmaħhom. Kont ċert li inti teżisti u int bla tmiem bla ma tinfirex fi spazju magħluq jew fi spazju bla tarf … Kont ċert minn dan kollu, iżda kont għadni dgħajjef wisq biex insib l-għaxqa tiegħi fik. … Fejn kienet dik l-imħabba li tibni fuq is-sisien ta’ l-umiltà li hu Kristu Ġesù? Meta qatt dawn i-kotba setgħu jgħallmuni din l-imħabba? Inti ridthom jiġu f’idejja qabel ma ndawwar ħsibijieti fuq l-Iskrittura tiegħek; naħseb li dan ridtu biex nibqa’ nżomm f’moħħi x’tgħallimt minnhom, ħalli mbagħad, wara li nkun sibt kwieti fil-kotba tiegħek, wara li b’subgħajk tkun dewwejt u fejjaqt il-ġrieħi tiegħi, inkun nista’ nifhem u nagħraf x’qabża hemm bejn il-moħħ li jiżżarġan u l-moħħ li jistqarr, bejn dawk li jafu fejn għandhom imorru bla ma jafu mnejn jgħaddu u t-triq li twassalhom fl-art il-hena, mhux biex iħarsu biss lejha, iżda wkoll biex jgħammru fiha. Li kieku dawk il-kotba ġewni f’idejja wara li kont qrajt l-Iskrittura mqaddsa tiegħek u doqt ħlewwietek fiha, għandhom mnejn kienu jġarrfuni minn fuq is-sies tal-tjieba, jew, jekk nibqa’ wieqaf fit-tagħlim tas-saħħa li xrobt mill-Iskrittura, kont nibda naħseb li wieħed forsi jista’ jikseb l-istess tagħlim anki jekk jistudja dawk il-kotba biss [Istqarrijiet, V11, 20].
Issa li sab it-triq li twasslu għall-Verità, Santu Wistin «b’ħerqa liema bħala» inxteħet «għall-qari tal-kotba ta’ l-Ispirtu tiegħek, l-aktar l-ittri ta’ Pawlu l-appostlu» [Istqarrijiet, V11, 21]. Huwa minn dan il-mument, jiġifieri mis-snin 385/386, li Santu Wistin beda jagħti l-importanza lill-Iskrittura mqaddsa, jagħraf fiha l-verità li tassew iddawwal l-moħħ, tqawwi r-rieda u tqanqal l-libertà biex tagħżel li timxi fit-triq li hu Kristu Ġesù li twassal għall-veru hena u feliċità.
- L’ontoloġija tal-Enneadi ta’ Plotinu u l-kategoriji traxxendentali tat-tjubija, tal-Sbuħija/tal-Ġmiel
Huwa mportanti nagħrfu, ukoll jekk fil-qosor u superfiċjalment, l-ontoloġija tal-Enneadi ta’ Plotinu biex naraw x’influwenza kbira kellha fuq il-ħsieb, id-duttrina u l-ħajja ta’ Santu Wistin. L-ontoloġija ta’ Plotinu hija mibnija fuq tlitt Prinċipji ontoloġici/metafisiċi, li Porfirju jsejjaħ Ipostasi. Dawn it-tlitt Prinċipji/Ipostasi huma: a) Il-Wieħed (Unum), b) Il-Logos, l-Intelligenza jew in-Nous u c) r-Ruħ Universali. F’dawn it-tlitt Prinċipji/Ipostasi Plotinu kien imnebbaħ mill-Wieħed it-Tajjeb ta’ Platun, mill-Intellett Pur ta’ Aristotele u mill-Ruħ universali tal-Kosmos tal-Istojċi.
L-ewwel Prinċipju huwa l-Wieħed, Prinċipju tal-Unità ta’ dak kollu li jeżisti. Il-Wieħed ma huwiex ħlief Wieħed, mela huwa il-Wieħed l-aktar sempliċi. Huwa «il-Wieħed assolut» (V 3, 15, 5; VI 2, 9, 6), «il-Wieħed primarju» (V 1, 8, 25; VI 2, 9, 9), «il-Wieħed ma huwa l-ebda ħaġa mill-ħwejjeġ li jeżistu» (111 8, 9, 53-54; V 1, 7, 19). «prinċipju tal-ħwejjeġ kollha» (V 3, 15, 27; V 4, 1, 23), «distint mill-ħwejjeġ kollha» (111 8, 9, 48-49; V 3, 11, 18), «qabel il-ħwejjeġ kollha» (111 8, 9, 54) u «’l hemm mil-ħwejjeġ kollha» (V 3, 13, 2; V 4, 2, 39-40). Dan ifisser li l-Wieħed huwa d-Divinità Suprema, il-πρῶτος θεός, [protos Theos = alla l-ewlieni], ’l fuq mill-essri. Dan l-essri ma huwiex dak l-essri li nitkellmu minnu meta nitkellmu minn dak li jeżisti, suġġett ta-sensi tagħna jew inkella mill-oġġetti tar-raġuni umana, sentimenti u emozzjonijiet. U għalhekk il-Wieħed huwa is-Solitarju il-kbir. (V 5, 13, 6; VI 7, 25, 15). Il-Wieħed huwa etern, immutabbli, iżda wkoll impersonali; ma huwiex ħallieq ukoll jekk minnu ġej, permezz tal-emanazzjoni, kull ma jeżisti. Huwa jinsab ġewwa l-bniedem, permezz tar-ruħ.
Ma ninsewx li għall-filosofija griega tal-antikità klassika, jiġifieri mill-Presokratiċi [seklu VII Q.K] sal-Neoplatoniżmu [Seklu III W.K] il-kunċett ta’ Ħolqien ma kienx jeżisti. L-idea fundamentali tal-ontoloġija tal-Antikità griega-romana klassika hija li dak li jeżisti, il-Kosmos u l-materja inklużi, huma eterni.
It-tieni Ipostasi hija l-Nous (bil-grieg: νοῦς). Huwa ferm diffiċli taqleb għall-ilsna moderna dan it-terminu tal-filosofija klassika griega. L-aħjar traduzzjoni hija: l-Intelligenza Pura. F’liema sens? Plotinu biex jfisser din l-Ipostasi juża l-metafora tad-dawl u x-xemx, metafora li tinsab fl-opra Ir-Repubblika ta’ Platun. It-tieni Ipostasi titnissel mill-ewwel Ipostasi li hija d-dawl u tippreżenta ruħha bħala xbieha (ikona) u espressjoni (logos) tal-ewwel Ipostasi. Infatti t-tieni Ipostasi tikkontempla l-ewwel Ipostasi u tara fiha ix-xbieha tal-Wieħed-it-Tajjeb. Hija fil-kontemplazzjoni tal-ewwel Ipostasi, ikkunsidrata bħala d-dawl, li t-tieni Ipostasi tagħraf lilha nfisha bħala logos, bħala l-espressjoni (logos= espressjoni intelliġibbli =Verbum= Kunċett ) tal-forom intelliġibbli [L-Ideat Platoniċi] tal-ħwejjeġ, jiġifieri, tal-essenzi tal-ħwejjeġ fil-multipliċità u diversità tagħhom. Din kontemplazzjoni hija fl-istess waqt it-tnissil ta’ dawn il-forom intelliġibbli, ta’ dawn l-essenzi. L-Intelliġenza Pura u il-forom multipliċi intelliġibbli jifformaw flimkien l-unità perfetta tat-tieni Ipostasi. Bħala tali, it-tieni Ipostasi hija xbieha tal-Wieħed it-Tajjeb u Logos/espressjoni immanenti.
It-tielet Ipostasi hija l-Ruħ Universali. Din hija «il-Logos u l-att tal-Intelligenza Pura» (Enn. V, 1 (10), 6, 44-45). Dan ifisser li l-Ruħ Universali hija l-espressjoni, il-logos, mhux aktar immanenti, jiġifieri li jibqa’ fih innifsu, iżda huwa logos, espressjoni, li jesprimi ruħu barra minnu nnifsu, jew kif jgħid Plotinu stess, huwa logos espansiv. Fis-sens li r-Ruħ Universali hija l-Prinċipju inferjuri għat-tieni Ipostasi li jittrasmetti u jirrealizza barra minnu nnifsu, jiġifieri, fil-Univers, il-Kosmos, b’mod ordnat l-forom intelliġibbli li jinsabu fit-tieni Ipostasi. Fi kliem sempliċi huwa dan l-logos ta’ din l-Ipostasi li jipproduċi id-dinja sensibbli skont ir-raġuni, bir-riżultat li ma humiex il-kaos u l-konfuzjoni l-elementi ewlenija li jsaltnu iżda l-armonija u l-unità li tirriżulta mill-armonizzazzjoni tal-kuntrarji li jeżistu fil-Kosmos. Ir-Ruħ Universali hija għalhekk il-prinċipju li permezz tiegħu l-Intelligenza Pura li hija għajn ta’ ħajja tagħmel possibbli li ir-Ruħ Universali tipproduċi erwieħ fil-Kosmos (Enn. V, 1 (10), 7, 42-47). F’din l-Ipostasi, il-metafora li Plotinu jutilizza hija dik tan-nar li jifrex madwaru s-sħana. Bħala l-aħħar attività ta’ din ir-Ruħ universali hija l-produzzjoni tal-materja li minnha ġej il-ġisem uman. Il-materja hija biex ngħidu hekk l-aħħar grad tal-emanazzjoni u għalhekk hija l-aktar-il bogħod mill-ewwel Ipostasi wkoll jekk ma hijiex kompletament dlam. Ma ninsewx ukoll li għal Plotinu l-erwieħ partikulari kienu jeżistu qabel ma niżlu jgħammru f’ċert ħlejjaq. Dan jgħodd b’mod partikulari għar-ruħ umana. Din kienet teżisti qabel ma niżlet fil-ġisem uman. Meta r-ruħ umana niżlet fil-ġisem sabet ruħha f’ħabs għax ma setgħetx tkompli tgħix tikkontempla l-Intelliġenza Pura, xbieha u espressjoni tal-Wieħed it-Tajjeb, dawl u ħajja ta’ kull ma jeżisti.
Plotinu, permezz tal-ontoloġija tat-tlitt Ipostasi, ried ifisser kif ġie u minn fejn ġie dak kollu li jeżisti. Ried juri l-oriġini divin tal-Kosmos u fuq kollox tal-bniedem. Iżda l-għan tiegħu ma kienx biss metafiżiku, jiġifieri li jiddeskrivi, ispirat mill-ontoloġija ta’ Platun prinċipalment, kif l-essri tal-Kosmos u speċjalment dak tal-bniedem huwa essri divinizzat għax ontoloġikament ġej mill-Wieħed it-Tajjeb li huwa l-ewwel Ipostasi. L-għan tal-antoloġija ta’ Plotinu kien wkoll etiku, bħalma kien għal Sokrate, Platun, Aristotele. Dan ifisser li l-essri uman biex jilħaq il-milja tiegħu jrid jirrealizza ruħu f’imġieba tajba; hija din l-imġieba tajba d-dekor (decus), l-unur (honos) u sbuħija (pulchritudo) tal-essri uman. Dan huwa dak li tifhem l-antikità griega-latina klassika meta titkellem mid-dimensjoni etika tal-essri huma. Mhux ta’ b’xejn li Plotinu jistieden lill-bniedem joħroġ mill-ħabs tal-ġisem u jerġa’ lura lejn «il-maħbuba patrija» : «għalina, il-Patrija hija l-post li minnu ġejna u f’dan il-post hemm Missierna» (Enn., 1, 6, 8. 33).
Fil-parrafu li għadna kemm spiċċajna għadna kemm għidna li l-ontoloġija ta’ Plotinu għandha dimensjoni etika, fis-sens li l-bniedem, minħabba l-istruttura ontoloġika tiegħu, jasal għall-milja tal-essri tiegħu permezz t’imġieba tajba. Skont it-tradizzjoni sokratika-platonika fil-forma tagħha latina, din id-dimensjoni etika, din l-imġieba tajba, hija għall-bniedem id-dekor (decus), l-unur (honos/honor) u l-Isbuħija/il-Ġmiel (pulchritudo) tal-essri tiegħu. Jekk wieħed kellu jara x’sinifikazzjoni għandhom dawn it-termini fil-filosofija sokratika-platonika, u a fortiori plotiniana, isib li t-tlitt termini huma prattikament sinonimi jew aħjar kull wieħed minnhom jinkludi t-tnejn l-oħra. Persuna li żżomm id-dekor tagħha hija persuni onorevoli, jiġifieri persuna mimlija ġieħ u għalhekk wieħed irid jirrispetta għax hija dinjituża. Dan id-dekor u din id-dinjità jikkostitwixxu l-isbuħija u l-ġmiel tal-essri ta’ din il-persuna.
Il-grieg antik juża t-terminu κάλλος (kállos) biex jesprimi l-isbuħija/il-ġmiel. It-terminu grieg imur ’l hemm mis-sempliċi kunċett tal-isbuħija fiżika/ tal-ġmiel fiżiku biex jinkludi wkoll il-kunċett ta’ eċċellenza. Fil-filosofija griega klassika κάλλος (kállos) ifisser il-manifestazzjoni viżibbli tal-perfezzjoni kemm fl-oġġetti kif ukoll fil-persuni, perfezzjoni li ġejja mill-armonija bejn il-forma u l-funzjoni. Għall-Platun l-isbuħija ma kienetx teżisti biss fil-fiżiku, imma l-ewwel u qabel xejn fil-Ideat u fil-konoxxenza-għerf. Il-grieg antik juża wkoll it-terminu ta’ kalόs (καλός) [kā̆lón (κᾱ̆λόν)] [tajjeb-tjubija] biex jindika li l-essri tal-oġġett jew il- persuni huwa sabiħ/għax l-oġġett jew il-persuna huwa/hija tajjeb/tajba. Tajjeb li ngħidu li bejn is-sabiħ u t-tajjeb hemm qbil djalettika neċessarju: dak li huwa sabiħ huwa tajjeb u dak li hu tajjeb huwa sabiħ, fis-sens li biex tkun sabiħ trid tkun tajjeb u jekk int tajjeb inti sabiħ.
Għaliex qiegħed ngħid dan kollu? Sempliċiment biex nifhmu sewwa l-importanza tal-kunċett ta’ Plotinu ta’ sbuħija/ġmiel u l-influwenza li dan il-kunċett kellu fuq il-il-filosofija ta’ Santu Wistin u fuq l-istess ħajja tal-isqof t’Ippona. Nibda biex ngħid li għal Plotinu s-sbuħija/ġmiel hija kategorija traxxendentali tal-ontoloġija tiegħu. Dan ifisser li l-essri (the being) huwa neċessarjament sabiħ għax l-essri (the being) huwa neċessarjament tajjeb u dak kollu li huwa tajjeb huwa neċessarjament sabiħ. Kif rajna, l-ontoloġija ta’ Plotinu hija ifformata minn tlitt Ipostasi, l-ewwel waħda hija Il-Wieħed it-Tajjeb, it-tieni, l-Intelliġenza Pura li fiha hemm l-forom immaterjali tal-essenzi tal-ħwejjeġ (oġġetti) li jeżistu u t-tielet, ir-Ruħ Universali li tinkludi, f’livell inferjuri, l-erwieħ ta’dawk l-oġġetti, bħalma huma il-pjanti, l-annimali u l-bniedem, li jeħtieġu ruħ biex ikunu jistgħu jeżistu konkretament barra mill-Ruħ Universali. Inżid xi ħaġa importanti: dawn it-tlitt Ipostasi huwa subsistenti fihom infushom. Ma humiex sempliċiment Constructa Mentis: puri kunċetti, elaborazzjoni intellettwali u xejn aktar.
Niġbor fil-qosor, mingħajr ma nidħlu fid-dettalji, xi ideat prinċipali fuq l-isbuħija/ġmiel fl-Enneadi ta’ Plotinu. Plotinu jittratta b’mod espliċitu l-isbuħija/il-Ġmiel fl-ewwel Enneadi: Enn. I 6 1 u fil-ħames Enneadi: Enn. V, 8 31. Fl-Enn. I 6 1 Plotinu jitkellem l-ewwel mis-sbuħija/mill-ġmiel sensibbli (kemm li ġejja/ġej mill-għajnejn kif ukoll mill-widnejn jew inkella mill-arti); fit-tieni post jitkellem mis-sbuħija/mill-ġmiel li tirriżulta/jirriżulta mill-attivitajiet jew mill-karattri; fit-tielet post jitkellem mis-sbuħija/mill-ġmiel intellettwali u fir-raba post mis-sbuħija/mill-ġmiel etika-morali/etiku-morali, jiġifieri mill-virtujiet. Fit-tielet Enneadi: Enn. III 5 50 Plotinu jitkellem mill-imħabba bħala dik il-forza interjuri li timbotta lir-ruħ lejn l-vera Sbuħija u l-veru Ġmiel, lejn il-Wieħed it-Tajjeb, lejn l-ewwel Ipostasi.
Plotinu jgħidilna li l-vera sbuħija u l-veru ġmiel ma humiex fil-proporzjoni, jew fis-simetrija u lanqas fil-kulur bħalma kienu jsostnu l-Istojċi. Minn dan jikkonkludi li l-vera sbuħija u l-veru ġmiel qiegħdin fil-Forom (L-Idejat Platoniċi) li jinsabu fit-tieni Ipostasi u mhux fis-sensi. U għalhekk l-vera sbuħija u l-veru ġmiel jinsabu fir-ruħ li aktar ma titla’ ’l fuq u tersaq lejn l-Intelliġibbli li jinsab fl-Intelliġenza Pura, aktar tagħraf u tifhem it-tixbiħ li hemm bejnha u bejn din l-Intelliġenza. F’dan it-tielet livell ir-ruħ tikkontempla s-sbuħija u l-ġmiel tal-attività intellettwali, jiġifieri l-ħidma tal-intelliġenza umana, b’mod partikulari fil-kamp tal-matematika u tax-xjenzi. L-aħħar livell, u dan huwa l-ikbar u l-aqwa livell, ir-ruħ tikkontempla l-vera sbuħija u l-veru ġmiel fil-kamp morali, jiġifieri s-sbuħija u l-ġmiel tal-virtujiet (ġustizzja, moderazzjoni, kuraġġ, ġenerożità, prudenza, għerf…)
Plotinu jgħidilna li meta r-ruħ tasal f’dan il-livell fejn tikkontempla l-virtujiet, hemm tħoss aġitazzjoni interjuri, ferħ, ammirazzjoni u xewqa li tibqa’ qrib ta’ dak li huwa sabiħ. Meta r-ruħ tiskopri fiha nnifisha jew waqt li tikkontempla f’xi ħadd ieħor il-kobor tar-ruħ, il-karattru ġust, moderat, l-irġulija ta’ bixra enerġetika, id-dinjità, is-sentiment ta’ modestja li jikkaparra ruħu minn ruħ serena u mingħajr eċċitazzjoni u, ’l fuq minn dawn il-ħwejjeġ kollha, l-intelliġenza li tleqq li tant tixbaħ lill-allat, f’dan il-mument il-kontemplazzjoni tittrasforma ruħha f’estasi eżistenzjali u mistika għax ir-ruħ tħoss fiha bħala speċi ta’ ġenn t’imħabba (Enn. 1.6,).
f’Enn. III 5 50, Plotinu, jfissirna fit-tul x’jifhem b’imħabba (Ερος). Jinqeda mill-esperjenza, mill-psikoloġija u mill-lingwaġġ tan-namrati biex juri kif din l-imħabba hija forza enerġetika t’attrazzjoni, xewqa ħerqana u kilba. L-imħabba hija t-triq, l-anell tal-għaqda ma’ dak li aħna nsejħu perfett, divin u sabiħ. L-imħabba bħala forza enerġetika tiġbid lir-ruħ sabiex tkompli tintrefa’ ’l fuq lejn l-Isbuħija u l-Ġmiel fihom infushom, l-għajn ta’ kull sbuħija u kull ġmiel. Għal Plotinu, ir-ruħ, min-natura tagħha, hija sabiħa, ġejja mis-Sbuħija ewlenija /mill-Ġmiel ewlieni. Permezz ta’ din l-imħabba r-ruħ takkwista l-ġwienaħ li jippermettulha terġa’ ttir lura lejn il-Sbuħija Ewlenija u il-Ġmiel Ewlieni li ma jispiċċaw qatt u li huma eterni. Fl-istess ħin, ir-ruħ tinduna li ħija xbieha tagħhom u għalhekk tfittixhom.
Fl-ontoloġija tat-tielet Ipostasi li tnissel ir-ruħ individwali, Plotinu jgħidilna li din ir-ruħ individwali kienet diġà teżisti qabel ma niżlet titħallat mall-materjal u tidħol ġo ġisem. F’dan l-inżul ir-ruħ individwali bħallikieku ntefgħet fit-tajn u tħammġet. Għalhekk tilfet is-sbuħija oriġinali tagħha u fuq kollox insiet li hi ta’ oriġini divin. Il-ġisem jillimita u jtaqqal l-eżistenza u l-ħidma tar-ruħ individwali; għaliha, l-ġisem huwa ħabs. Fl-eżistenza tagħha f’din l-art ir-ruħ tinqabad fost ħafna problemi, preokkupazzjoni u nkwiet. Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar titbiegħed minnha nfisha u mill-ewwel Ipostasi. Imjassra mill-ġisem u bogħod mill-ewwel Ipostasi, mill-Wieħed it-Tajjeb, ir-ruħ individwali tibqa’ dejjem miġbuda mill-Wieħed it-Tajjeb, u għalhekk tibqa’ dejjem fiha x-xewqa ħerqana li terġa’ tittajjar lejh. Għar-ruħ, l-ewwel Ipostasi huwa l-patrija tagħha.
Plotinu jistaqsi: kif tista’ r-ruħ terġa’ lura lejn il-patrija tagħha? It-tweġiba hija waħda: permezz ta’ proċess interjuri li jerġa’ jagħmilha sabiħa u tajba, għax jekk ma tkunx sabiħa u tajjeb ma tistax tikkontempla u tgħannaq is-sabiħ u t-tajjeb fihom infushom li huma l-patrija tagħha. Biex tkun tista’ terġa’ isir sabiħa u tajba, ir-ruħ teħtieġ taħdem fuqha nnifisha bħalma skultur jaħdem fuq l-istatwa li jkun qiegħed jagħmel u li jridha sabiħa:
Idħol fik innifsek u ħares. U jekk tara li għadek ma intix sabiħ, agħmel bħal ma jagħmel il-ħallieq ta’ statwa li jridha sabiħa: jaqta’ hawn, jillixxa hemm, jagħmel din il-linja aktar ħafifa, l-oħra aktar pura. … Qaċċat kull ma hu eċċessiv, iddritta kull ma huwa mgħawweġ, dawwal dak kollu li huwa mdallam bis-sħab, aħdem biex kollox ikun ileqq jew sabiħ u tieqaf qatt milli tnaqqax l-istatwa tiegħek, sakemm jiddi fuqek l-isplendur divin tal-virtù. Enn. I 6 9
Dan il-proċess ta’ purifikazzjoni, ta’ Catharsis, huwa ferm importanti sabiex ir-ruħ individwali, imqajma mill-fakultà tal-intelliġenza li hemm fiha, tkun tista’ tikkonċentra l-attenzjoni tagħha fuq l-kontemplazzjoni li tippermettilha tirrifletti fuq dak li huwa «l-aktar sabiħ, l-aktar tajjeb, l-aktar ġust». Ippurifikata, ir-ruħ individwali, ħielsa minn dak kollu li kien jorbotha mall-ħwejjeġ tal-art u meħlusa interjorament mill-ħabs ta’ ġisimha, imbuttata mill-imħabba u msaħħa mid-dawl tal-Intelligenza Pura, sabiħa u tajba, tista’ issa tkompli togħla ‘l fuq u tersaq lejn il-Wieħed it-Tajjeb, lejn dak li huwa divin biex xħin tasal wiċċ imbwiċċ miegħu tkun tista’ tingħaqad miegħu f’għanqa t’imħabba. U hemm issib l-għaxqa, il-mistrieħ u l-hena (feliċità) tagħha.
- L-influwenza tal-ontoloġija ta’ Plotinu fuq it-tagħlim ta’ Santu Wistin.
Kif rajna, għal Plotinu, l-ewwel Ipostasi, il-Wieħed it-Tajjeb, hija ir-realtà divina li teżisti fiha nnifisha, l-għajn ta’ kull ma jeżisti, kawża tal-essri tal-ħwejjeġ u prinċipju assolut u mmutabbli tal-univers. Il-Wieħed it-Tajjeb, barra li huwa ’l fuq mill-essri, huwa prinċipalment il-vera Sbuħija u l-veru Ġmiel, it-Tjubija fih nnifsu u l-unika vera Ġustizzja. Ma ninsewx li fl-ontoloġija ta’ Plotinu, dawn it-tlitt karatteristiċi ontoloġici, il-vera Sbuħija u l-veru Ġmiel, it-Tjubija fih nnifsu u l-unika vera Ġustizzja jmorru flimkien u jiddefinixxu perfettament l-ewwel Ipostasi.
Bla dubbju ta’ xejn it-tagħlim ta’ Santu Wistin, sa mis-sena 386, huwa bbażat l-ewwel u qabel xejn fuq il-kontenut tal-Fidi nisranija. U frattant Santu Wistin ma sabx aħjar mill-filosofija platonika mfissra minn Plotinu biex jikkummenta u jfisser dan il-kontenut tal-fidi nisranija mibnija fuq ir-Rivelazzjoni divina u mfissra fl-Iskrittura Mqaddes u t-tagħlim tal-Knisja.
Il-Ktieb X tal-Istqarrijiet jiftaħ b’dan il-kliem:
Ħa nagħraf lilek li tagħrafni, ħa nagħarfek bħalma int tagħrafni. Int il-qawwa ta’ ruħi: idħol fiha u agħmel li tkun tixraqlek, u żommha biex tkun tiegħek bla tebgħa u bla tikmix. … Ara, inti ħabbejt is-sewwa, għax min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl… [L-Istqarrijiet, X, 1]
F’dan il-ktieb Santu Wistin jitkellem mill-memorja fejn inżommu t-tifkira ta’ dak kollu li rajna, li smajna, l-fatti tal-esperjenza tagħna. Fil-paragrafu 26 Wistin jistaqsi lil Alla: «fejn sibtek biex għaraftek? Mela fejn sibtek biex għaraftek jekk mhux fik innifsek ‘il fuq minni? … Int il-verità’, tinsab kullimkien fuq dawk kollha li jiġu jistaqsuk … [L-Istqarrijiet, X, 26]. Min ma jarax f’dan il-kliem tixbiħ qawwi ma’ dak li jgħid Plotinu fuq l-ewwel Ipostasi, fuq il-Wieħed it-Tajjeb? Tant il-lingwaġġ ta’ Plotinu sawwar il-lingwaġġ ta’ Wistin li bl-aktar manjiera natural fil-paragrafu ta’ wara, fil-paragrafu 27, insibu waħda mill-isbaħ definizzjonijiet li Wistin jagħti ta’ Alla:
Domt ma ħabbejtek, ġmiel hekk antik u hekk ġdid, domt ma ħabbejtek! U ara, inti kont ġewwa fija, u jien barra minni nnifsi. Fittixtek barra, meta fil-kruha tiegħi nxħett fuq il- ħlejjaq tiegħek. … Żammewni ‘l bogħod minnek il-ħwejjeġ li ma kienux jeżistu li kieku ma jeżistux fik. … Id-dawl tiegħek leħħ u idda fuqi, u keċċa l-għama tiegħi … doqt tjubitek, u issa jien ġewħan u għatxan għalik, missejtni, u sirt imħeġġeġ għas-sliem tiegħek. [L-Istqarrijiet, X, 27].
Kif rajna fl-ontoloġija ta’ Plotinu, il-vera Sbuħija u l-veru Ġmiel, it-Tjubija fih nnifsu u l-unika vera Ġustizzja huma t-tlitt karatteristiċi ontoloġici li flimkien jiddefinixxu lit-tlitt Ipostasi iżda wkoll dak li jitnissel minnhom. Santu Wistin jaqbel perfettament mal-orjentazzjoni tal-ontoloġija ta’ Plotinu ukoll jekk ma jasalx għall-istess konklużjonijiet.
- L-ontoloġija tal-ġustizzja skont it-tagħlim ta’ Santu Wistin.
Ma ninsewx li meta Wistin wasal Kartaġni fis-sena 370, hu stess jgħidilna, li «Anqas ma għaraft xinhi l-vera ġustizzja interjuri». ( Et non noveram iustitiam veram interiorem) [L-Istqarrijiet, III, 7].NB. Fit-traduzzjoni bil-Malti it-test jgħid: «Anqas ma għaraft xinhi l-ġustizzja tassew u tal-qalb». Din il-vera ġustizzja interjuri hija «dik li tiġġudika mhux skond id-drawwiet imma skond il-liġi l-iżjed sewwa (fit-test latin ex lege rectissima= l-iżjed retta) ta’ Alla li jista’ kollox. … Kien skond din il-liġi li ġew iġġustifikati Abraham, Iżakk, Mosè, David u dawk kollha li qalgħu t-tifħir minn fomm Alla; iżda dawk li ma jifhmux jiġġudikawhom, bi ħżiena … Bħal dak li ma jifhimx fl-armatura u ma jafx fejn kull biċċa għandha tintlibes, ikun irid ixidd f’rasu l-biċċa li tgħatti l-koxxa u jilbes l-elmu f’saqajh, imbagħad igerger u jgħid li ma joqogħdulux sewwa … » [L-Istqarrijiet, III, 7].
Din il-vera ġustizzja interjuri hija ix-xbieha u l-espressjoni tal-għerf ta’ Alla li fis-Sapienza infinita tiegħu jordna ħwejjeġ skont iż-żmien u ċ-ċirkustanzi li huma l-aktar konvenjenti u adattati għall-ġid tal-bniedem. Huwa għalhekk li Santu Wistin jqis lil Abraham, Iżakk, Mosè, David u dawk kollha li qalgħu t-tifħir minn fomm Alla bħala nies ġusti, għax dawn għamlu dak li Alla ordnalhom.
Santu Wistin jeħodha kontra dawk li jikkritikaw lil Alla li jaġixxi b’din il-manjiera, għax fih jaraw Alla inġust, instabbli u xejn raġonevoli.
Hekk huma dawk li jinkorlaw xħin jisimgħu li l-ġusti ta’ l-imgħoddi setgħu jagħmlu dak li l-ġusti ta’ llum ma jistgħux jagħmlu, jew li Alla lil dawk ordnalhom ħaġa u lil dawnż0oħra skond il-ħtiġijiet taż-żmien li jkun, waqt li, sew dawk u sew dawn, ilkoll qdew ġustizzja waħda u l-istess. U madankollu huma stess jaraw li f’dar waħda mhux kollox jixraq lil kulħadd, u dak li sa minn żmien twil kien jista’ jsir, wara siegħa ma jkunx jista’ jsir iżjed; … Jaqaw il-ġustizzja fiha l-varjetà’ u tista’ tinbidel? Huma ż-żminijiet, ikkontrollati minnha, li ma jimxux pass wieħed, għax żminijiet huma. Il-bnedmin, ta’ ħajja qasira fuq l-art ma għandhomx is-sens biex jistgħu jqabblu ċ-ċirkustanzi u ġnus oħra, … [L-Istqarrijiet, III, 7].
Fil-kummentarju li għamel Santu Wistin fuq is-Salm 61 [62], fuq il-vrus 12 u 13 (ta’ Alla hija l-qawwa [is-setgħa] u li Tiegħu hija t-tjieba għax hu jagħti lil kulħadd skont għemilu) jgħid hekk :
F’Alla hemm il-għajn tal-ġustizzja. Tfittex fih l-inġustizzja, għax fih kollox huwa dwal bla dell. Jista’ jkun li lilek ġie moħbi il-għaliex. Jekk ġie moħbi lilek il-għaliex, eżamina l-injoranza tiegħek, ħares lejn dak li int. Isma’ dawn iż-żewġ ħwejjeġ: ta’ Alla hija l-qawwa/setgħa, u fik, Mulej, hemm il-ħniena; u: tfittex ħwejjeġ aktar qawwija minnek u tagħrbelx ħwejjeġ aktar għolja minnek, jekk mhux dawk li l-Mulej ikkmandak. Aħseb dejjem fuqhom (Eccli. 3, 22). Għal dawk li Alla kmandak jappartjenu dawn it-tnejn: t’Alla hija il-qawwi/is-setgħa, u Fik, Mulej, hemm mil-ħniena. La tibżax mill-għadu; dan jista’ jwettaq biss dak li lilu jiġi permess. Ibża’ minn dak li għandu l-qawwa suprema/ l-akbar setgħa; ibża’ minn dak li jagħmel dak li jrid u li ma jagħmel xejn inġustament u kull ma jagħmel huwa ġust. Konna naħsbu li xi ħaġa kienet inġusta; billi kien Alla li għamilha, emmen li hija ġusta. [Tfissir tas-Salm 61 [62], 21]
F’din it-tifsira ta’ dawn il-vrus 12 u 13 tas-Salm 61[62] Santu Wistin jurina kif il-vera ġustizzja interjuri tirrifletti t-tjieba divina, u hu għalhekk li l-vera ġustizzja interjuri hija tajba, għax it-tjieba tal-Mulej li tintwera fiha ma hijiex ħaġa oħra ħlief il-ħniena divina, ħierġa mill-qalb ta’ Alla li jħoss għal uliedu [dan huwa l-veru sens tal-kelma latina misericordia].
Interessanti huwa l-kummentarju li jagħmel Santu Wistin fuq il-vers 5 tas-Salm 49 [50] . Fil-Bibbja li kellu f’idejh l-vers jgħid hekk: «iġimgħulu l-ġusti tiegħu» [fit-test modern: iġimgħu ‘l ħbiebi quddiemi]. Il-kuntest ta’ dan is-Salm huwa tribunal fejn Alla ħa jitlob rendikont mill-poplu t’Israel dwar kif għex l-patt li kellu miegħu, m’Alla. Ċert li Santu Wistin kien qiegħed jaħseb aktar fl-aħħar ġudizzju. Santu Wistin jistaqsi:
«Liema ġusti?». U jwieġeb: «dawk li għexu bil-fidi y għamlu l-opri tal-misericordia, tal-ħniena. Għax dawn huma opri tal-ġustizzja. Il-Vanġelu jgħidlek: qisu li ma tagħmlux il-ġustizzja tagħkom quddiem in-nies biex jarawkom [Cávete iustitiam vestram facere coram hominibus, ut videamini ab eis] [Mt 6, 1-2] U daqs li kieku staqsewh mil-liema ġustizzja kien qed jitkellem, żied: Meta tagħtu l-elemożina Mela iddikjara li dawn huma opri tal-ġustizzja. Iġimgħu lill-ġusti tiegħu, jiġifieri, iġmugħuhom li dawk li kellhom ħniena mill-fqir, għax xeħtu l-ħarsa tagħhom fuq il-meħtieġ u l-fqir: iġmugħuhom sabiex il-Mulej jindukrahom u jsalvahom. … Għax il-veru sagrifiċċju., bħalma jixhed Alla nnifsu huwa: Ħniena (Misericordia) irrid u mhux sagrifiċċju. [Tfissir tas-Salm 49 [50], 12]
Kif wieħed jista’ jara minn dan il-kummentarju, l-ewwel u qabel xejn il-ġustizzja li minnha qiegħed jitkellem Santu Wistin ma hijiex l-ewwel u qabel li tagħti l-elemożina. Li tagħti l-elemożina għandu jitqies bħala l-espressjoni viżibbli u konkreta tal-vera ġustizzja interjuri. Din, fil-kas tagħna, tikkonsisti filli min jagħmel l-elemożina jkun qiegħed twettaq it-tjieba ta’ Alla mall-meħtieġ u l-fqir. Dan ma huwiex possibbli jekk min jagħmel l-elemożina, qabel jagħmilha, ma jkunx xeħet ħarstu fuq il-meħtieġ u l-fqir, u dan ma jistax jagħmlu jekk ma jkunx imqanqal mill-qalb ħanina tal-Mulej. Permezz tal-opri tal-ħniena, wieħed isir l-ambaxxatur tal-tjieba t’Alla u tal-vera ġustizzja interjuri.
Dan huwa dak li jsebbaħ u jimla bil-ġmiel il-vera ġustizzja interjuri li tesprimi ruħha fl-opri tal-ħniena:
Ħafna hija s-sbuħija tal-ġustizzja, ħafna huwa s-seħer (faxxinu) tad-dawl etern, jiġifieri, tal-verità u l-għerf immutabbli li, ukoll jekk ma kienx permess li nithennew bihom jekk mhux f’jum wieħed, minħabba f’dan biss, inkunu qiegħdin nagħmlu sewwa li niddisprezzaw ħafna snin ta’ din il-ħajja mimlija pjaċiri u abbundanza ta’ kull kwalità ta’ ġid ta’ din l-art [Il-libru Arbitriju – Ir-Rieda ħielsa. L. III, 25. 77]
Santu Wistin beda jikteb dan il-ktieb ġewwa Ruma, wara li tgħammed f’387, madwar is-sena 388 jew xi ftit wara, komplih ġewwa Tagaste, meta reġa’ lura lejn art twelidu fil-389, u spiċċah ġewwa Ippona meta ġa kien isqof awżiljari ta’ Valerju, l-isqof tal-post, fit-395. Il-ktieb huwa djalogu bejnu u bejn Evodju u jittratta fuq l-oriġini tal-ħażen. Evodju staqsa lil Wistin: «għidli, nitolbok, jekk hux Alla l-awtur tal-ħażen?» [«Evodius.—Dicam, mihi, quaeso te, utrum Deus non sit auctor malí?» [Il-libru Arbitriju – Ir-Rieda ħielsa. L. I, 1. 1]. Wistin li qabel il-magħmudija tant kien itturmentat b’dan is-suġġett, hawn jiżviluppa diversi argumenti biex juri li Alla huwa l-essri essenzjalment tajjeb, totalment tajjeb u infinitament tajjeb. Jistqarr li dak kollu li hemm f’din l-art ġej neċessarjament minn Alla, u aktar ma dan, jiġifieri t-tajjeb f’din l-art, jipparteċipa mit-tjieba divina aktar ikun tajjeb. Il-ħażen tal-ħlejqa ġej min-nuqqas ta’ din it-tjieba, ta’ din it-tjubija. Fit-tielet ktieb ta’ din l-opra Santu Wistin jiddiskuti l-libertà tal-bniedem. Din hija don sabiħ u tajjeb li Alla rregala lill-bniedem. Il-mistoqsija hija: jekk id-dnub huwa għemil tar-Rieda ħielsa tal-bniedem li jmur kontra il-liġi l-aktar retta ta’ Alla, għalfejn Alla ta dan id-don lil-bniedem? Xi sħubija u tjubija fiha l-libertà jekk minħabba d-dnub tinbidel f’realtà li tkerrah li bniedem u toffendi lil Alla? Kif iwieġeb Santu Wistin għal dawn il-mistoqsijiet?
Fil-paragrafu 76, Wistin, japprofitta biex juri f’xiex tikkonsisti din l-isbuħija. Il-libertà qiegħda hemm sabiex il-bniedem, bir-rieda ħielsa tiegħu, jimpenja ruħu fil-vera ġustizzja interjuri, billi ikun ġust, jiġifieri billi jikkontempla l-Għerf li huwa immutabbli u jifhem
li hu mhux Alla, ukoll jekk hu xi ħaġa tajba, li fit-tjieba ta’ din ix-xi ħaġa jista’ jieħu pjaċir fiha wara li jkun ħa pjaċir fil-tjieba ta’ Alla. Bla dubbju ta’ xejn, it-tjieba/tjubija tiegħu [tal-bniedem] hija perfetta meta tasal sabiex wieħed jinsa lilu nnifsu minħabba l-imħabba li għandu lejn Alla, jew jiddisprezza lilu nnifsu meta jqabbel ruħu m’Alla. Għall-kuntrarju, jekk evidentement jieħu pjaċir bih innifsu biex jimita b’mod pervers lil Alla għax jixtieq igawdi l-qawwa/ is-setgħa tiegħu (ta’ Alla), tant jiċkien daqs kemm jixtieq jikber. [[Il-libru Arbitriju – Ir-Rieda ħielsa. L. III, 25. 76].
F’dan il-kummentarju, Wistin qed jgħid li l-bniedem ġenwin huwa dak li jagħraf li l-essri tiegħu huwa dak ta’ kreatura u għalhekk ma jistax jippretendi li jkollu l-qawwi u s-setgħa t’Alla. Il-bniedem qatt ma jista’ jitla’ fuq ras Alla. Min jippretendi dan huwa bniedem mimli kburija, suppervja u arroganza, persuna mimlija biha nnifisha għax taħseb li hija xi ħaġa. X’hemm isbaħ u itjeb milli l-bniedem ikun averament ġust billi jirrikonoxxi lilu nnifsu fil-post li għandu fil-Ħolqien u speċjalment fir-relazzjoni bejnu u bejn Alla. Huwa għalhekk li Santu Wistin jgħalaq ir-riflessjoni tiegħu billi jfakkarna dak li jgħid il-Ktieb tal-Ekkleżjastiku 10,13-12: «Initium omnis peccati superbia; et, Initium superbiae hominis apostatare a Deo ..» [«Il-bidu tal-kburija huwa d-dnub u l-bniedem jibda jitkabbar meta jwarrab mill-Mulej».
Fit-tifsira tas-Salm 64 [65] Santu Wistin jikkummenta l-vrus 5b u 6. It-test latin tal-bibbja li kellu Santu Wistin jgħid hekk: Replebimur in bonis domus tuae: sanctum templum tuum, mirabile in iustitia. Bil-ġid ta’ darek nixbgħu: qaddis huwa t-templu tiegħek, tal-għaġeb (meraviljuż)fil-ġustizzja. [test modern: 5b. Bil-ġid ta’ darek nixbgħu fit-templu mqaddes tiegħek; 6. Tal-għaġeb kif tweġibna bil-ġustizzja tiegħek]. Jgħidilna li dan it-tempju ma huwiex tal-għaġeb minħabba l-kolonni u d-deheb tiegħu, iżda minħabba l-ġustizzja. Il-kumment ta’ Santu Wistin:
B’għajnejk tal-ġisem jirnexxielek tara l-irħam u d-deheb [tat-templu]; ġewwa fik hemm għajn li tippermettilek tara s-sbuħija tal-ġustizzja. Nirrepeti: ġewwa fik hemm għajn li tippermettilek tara s-sbuħija tal-ġustizzja. Jekk il-ġustizzja ma għandha l-ebda sbuħija, għaliex wieħed jħobb anzjan ġust? Il-membri ta’ ġismu milwija tnejn, wiċċu kollu tikmix, rasu fartasa; irqiq, mimli uġiegħ u tbatija, jilmenta dejjem. … U frattant danakollu, huwa raġel ġust, jekk jagħti dak li għandu lill-fqar, jekk ma jixtieqx dak li hu ta’ ħaddieħor, jekk iħeġġiġna biex nagħmlu dak li hu tajjeb, jekk il-ġudizzju tiegħu huwa rett, integra il-fidi tiegħu, jekk minħabba l-vera fidi lest li jissagrifika l-membri tiegħu, lil dan l-anzjan inħobbuh. Xi preġju jew attrattiva narah fih bl-għajnejn tal-ġisem? L-ebda. Mela teżisti s-sbuħija tal-ġustizzja li nħobbu u li għaliha nintużżjażmaw ruħna [Tfissir tas-Salm 64 [65], 8].
Konklużjoni.
Nittama li nistgħu nerġgħu lura lejn darna msaħħa fil-fond ta’ qlubna biex bħall-iskultur ta’ Plotinu u l-ġust li minnu kellimna Santu Wistin inkomplu nikbru fid-dinamiżmu tal-vera ġustizzja interjuri li ssebbaħ il-persuna tagħna u tkompli ssawwar il-fidi tagħna bl-eżerċizzju tal-opri tal-ħniena.
GRAZZI.
P. Luċjan Borg O.S.A
13 ta’ Frar 2026