Qalb kbira. Niċċelebraw l-Evanġelju tas-sitt Ħadd tas-sena.


Kitba ta’ Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Henjin dawk li jimxu fil-liġi tal-Mulej.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ngħidilkom li jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.

Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari: ‘La toqtolx. Jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna’. Imma jiena ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh.

Smajtu xi ntqal: ‘La tagħmilx adulterju’. Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.

Smajtu wkoll xi ntqal lin-nies ta’ dari: ‘Tonqosx mill-wegħda li ħlift imma rodd lill-Mulej il-wegħdiet li ħliftlu’. Imma jiena ngħidilkom biex ma taħilfu xejn. Mela ħa jkun id-diskors tagħkom: ‘iva, iva’; ‘le, le’; kulma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin”. Mt 5:20-22a,27-28,33-34a,37

  1. Riflessjoni/talba:

i. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ngħidilkom li jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.

Biex nidħlu fl-istil sabiħ ta’ Alla

mhux biżżejjed ma tagħmilx il-ħażin
mhux biżżejjed li tkun taf x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin
mhux biżżejjed titkaża bil-ħażen li tara madwarek

biex tidħol fl-istil sabiħ ta’ Alla
trid tkun lest li tħalli l-qalbek titwessa’ ftit ftit għall-qies tiegħU.

Irrifletti:
• Tikkuntenta bil-medjokrità? Fejn għandek stedina biex tikber?

ii. Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari: ‘La toqtolx. Jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna’. Imma jiena ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh. Smajtu xi ntqal: ‘La tagħmilx adulterju’. Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.

X’imexxini fid-deċiżjonijiet?

Sakemm ma’ ninqabadx …
sakemm ma noqtol lil ħadd …
sakemm ma mmurx ma’ mara/raġel li mhux tiegħi …
sakemm nidher sew …
sakemm nimxi mar-regoli …
sakemm ma jsibu xejn x’jgħidu fija …

Kif ma’ nħallix ir-rabja tinbidel f’korla, ħajt, stmerrija?
Kif nikkultiva ħarsa li tapprezza, tiggosta, tixtieq il-ġid
Fil-post li s-soltu nara kif ser nieħu vantaġġ?
Fejn mistieden inħobb aħjar fiċ-ċirkustanza kumplikata li qed fiha?

Irrifletti
• Fejn qed tikber il-ħajja fik?

iii. Smajtu wkoll xi ntqal lin-nies ta’ dari: ‘Tonqosx mill-wegħda li ħlift imma rodd lill-Mulej il-wegħdiet li ħliftlu’. Imma jiena ngħidilkom biex ma taħilfu xejn. Mela ħa jkun id-diskors tagħkom: ‘iva, iva’; ‘le, le’; kulma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin”.

Hemm kliem li jintuża biex
iqarraq, jiddevjaw, jaljena
ipenġi stampa biex jaħbi r-realtà
iwiegħed ħafna sabiex jogħġob u jieħu li jrid.

Ħallu l-kliem tagħkom
joħroġ mill-ġenwinità
jibni pontijiet ta’ fiduċja
jisfida l-ħażen li jiddevjaw u jkisser.

Irrifletti

• Innota ftit id-diskors tiegħek? X’tinnota? Xi stedina hemm?

  1. Missierna

One thought on “Qalb kbira. Niċċelebraw l-Evanġelju tas-sitt Ħadd tas-sena.”

  1. Suggett li wiehed ghandu jirriffletti hafna dwaru. Huwa test li jghinek tifhem il- Hniena ta’ Alla u kemm hu kbir! L-Izjed bicca li nhoss li hi importanti u difficli fl-istess hin hi Fejn jghid li Jekk tkun se tmur taghmel offerta u huk ghandu xi jghid mieghek, ghandek thalli l-offerta hemm u tmur tirranga ma huk, wara tkun Tista’ taghmel l-offerta! Kemm hija sabiha din imma fl-istess hin challenging u ta’ umilta liema bhalha. Nahseb li Jekk wiehed isegwi din is-silta, ghandu jkollu biljetti cert fis-Saltna ta’ Alla.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading