LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Awla Pawlu VI
L-Erbgħa 11 ta’ Frar 2026
Katekeżi. Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II. Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum. 5.Il-Kelma ta’ Alla fil-ħajja tal-Knisja
Għeżież ħuti,l-għodwa t-tajba u merħba!
Fil-katekeżi tal-lum nieqfu fuq ir-rabta profonda u vitali li teżisti bejn il-Kelma ta’ Alla u l-Knisja, rabta espressa mill-Kostituzzjoni konċiljari Dei Verbum, fil-kapitlu sitta. Il-Knisja hija l-post proprju tal-Iskrittura Mqaddsa. Taħt l-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, il-Bibbja twieldet mill-poplu ta’ Alla u hi ddestinata għall-poplu ta’ Alla. Fil-komunità Nisranija hi għandha, biex ngħidu hekk, il-ħabitat tagħha: fil-ħajja u fil-fidi tal-Knisja fil-fatt hija ssib l-ispazju li fih tikxef is-sinifikat tagħha u l-qawwa tagħha.
Il-Konċilju Vatikan II ifakkarna li “l-Knisja dejjem tat qima lill-Iskrittura Mqaddsa kif tat lill-istess Ġisem tal-Mulej billi qatt ma naqset, l-aktar fil-liturġija mqaddsa, li tieħu l-għajxien bil-ħobż tal-ħajja mill-mejda tal-kelma ta’ Alla u tal-Ġisem ta’ Kristu, u tagħtih lill-fidili. Flimkien mat-Tradizzjoni Mqaddsa l-Knisja dejjem żammet u żżomm il-Kotba Mqaddsa bħala r-regola ewlenija tal-fidi tagħha” (Dei Verbum, 21).
Il-Knisja ma tieqaf qatt tirrifletti fuq il-valur tal-Iskrittura Mqaddsa. Wara l-Konċilju, mument importanti ħafna dwar dan kien l-Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar it-tema “Il-Kelma ta’ Alla fil-ħajja u fil-missjoni tal-Knisja”, f’Ottubru 2008. Il-Papa Benedittu XVI ġabar il-frott tagħha fl-Eżortazzjoni postsinodali Verbum Domini (30 ta’ Settembru 2010), fejn jafferma: “Proprju r-rabta intrinsika bejn Kelma u fidi turi kif l-awtentiċità ermenewtika tal-Bibbja ma tistax teżisti jekk mhux fi ħdan il-fidi tal-Knisja, li għandha fl-iva ta’ Marija l-mudell tagħha. […] Il-post oriġinali tal-interpretazzjoni tal-Iskrittura hu l-ħajja tal-Knisja” (n. 29).
Għalhekk fil-komunità ekkleżjali l-Iskrittura ssib il-qasam li fih tiżvolġi l-ħidma partikulari tagħha u tilħaq l-għan tagħha: li tgħarraf lil Kristu u tiftaħ għad-djalogu ma’ Alla. Fil-fatt, “min ma jafx l-Iskrittura, ma jafx lil Kristu”.[1] Din l-espressjoni ċelebri ta’ San Ġirolmu tfakkarna fl-għan aħħari tal-qari u tal-meditazzjoni tal-Iskrittura: li nsiru nafu lil Kristu u, permezz tiegħu, nidħlu f’relazzjoni ma’ Alla, relazzjoni li nistgħu nifhmuha bħala konverżazzjoni, djalogu. U l-Kostituzzjoni Dei Verbum urietna r-Rivelazzjoni proprju bħala djalogu, li fih Alla jkellem lill-bnedmin bħal ħbieb (ara DV, 2). Dan iseħħ meta naqraw il-Bibbja f’atteġġjament interjuri ta’ talb: hemm Alla jiġi jiltaqa’ magħna u jidħol f’konverżazzjoni magħna.
L-Iskrittura Mqaddsa, fdata lill-Knisja u minnha mħarsa u mfissra, tiżvolġi rwol attiv: fil-fatt, bl-effikaċja u l-qawwa tagħha tagħti sostenn u ħeġġa lill-komunità Nisranija. Il-fidili kollha msejħin jixorbu minn din l-għajn, qabelxejn fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija u tas-Sagramenti l-oħra. L-imħabba għall-Iskrittura Mqaddsa u l-familjarità magħha għandhom jiggwidaw lil min jiżvolġi l-ministeru tal-Kelma: isqfijiet, presbiteri, djakni, katekisti. Hi prezzjuża l-ħidma tal-eseġeti u ta’ dawk li jipprattikaw ix-xjenzi bibliċi; u ċentrali huwa l-post tal-Iskrittura għat-teoloġija, li ssib fil-Kelma ta’ Alla l-fundament u r-ruħ tagħha.
Dak li l-Knisja bil-ħerqa kollha tixtieq hu li l-Kelma ta’ Alla tista’ tilħaq lil kull membru tagħha u sseddaq il-mixja tal-fidi tiegħu. Imma l-Kelma ta’ Alla timbotta lill-Knisja wkoll lil hemm minnha nfisha, tiftħilha qalbha l-ħin kollu għall-missjoni lejn kulħadd. Fil-fatt, aħna ngħixu mdawrin minn tant kliem, imma kemm minnhom huma vojta! Xi drabi nisimgħu anki kliem għaref, li imma ma jmissx id-destin aħħari. Imma l-Kelma ta’ Alla tiġi tiltaqa’ mal-għatx tagħna għas-sens, għall-verità fuq il-ħajja tagħna. Hija l-unika Kelma dejjem ġdida: turina li l-misteru ta’ Alla hu bla qies, ma tieqaf qatt toffrilna l-għana tiegħu.
Għeżież, fil-ħajja tal-Knisja nitgħallmu li l-Iskrittura Mqaddsa hi totalment relattiva għal Ġesù Kristu, u nduqu kif din hija r-raġuni profonda tal-valur tagħha u tal-qawwa tagħha. Kristu hu l-Kelma ħajja tal-Missier, il-Verb ta’ Alla magħmul bniedem. L-Iskrittura kollha tħabbar il-Persuna tiegħu u l-preżenza tiegħu li ssalva, għal kull wieħed u waħda minna u għall-umanità kollha. Ejjew mela niftħu qalbna u moħħna biex nilqgħu dan id-don, fl-iskola ta’ Marija, Omm il-Knisja.
[1] San Ġirolmu, Comm. in Is., Prol.: PL 24, 17 B.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard