Omelija tas-6 Ħadd matul is-Sena A. Minn D. Edward Vella

Għalina li mmorru l-knisja faċli naħsbu li li mmorru l-knisja, nitolbu, eċċ… qegħdin nagħmluh għal Alla, jew biex nagħmlu xi pjaċir lil Alla, u xi żball kbir inkunu nagħmlu. Alla ma għandu bżonn ħadd, Alla huwa perfett fih innifsu u ma jeħtieġ xejn; huwa aħna li neħtiġuh u dak li jagħmel għalina u jitlob minna jagħmlu sempliċement għaliex iħobbna.

Fl-ewwel qari tal-lum smajna, Hu qegħedlek quddiemek in-nar u l-ilma; liema trid minnhom, midd idek għalih. Quddiem il-bniedem hemm il-ħajja u l-mewt, u liema tixtieq qalbu lesta għalih. Għax għerf il-Mulej hu bla qjies,…’. Quddiem il-ħafna negattiv tad-dinja tal-lum ħafna jaħsbu li Alla qiegħed jikkastigana tal-ħażen li qegħdin nagħmlu, iżda le, Alla ma jikkastiga lil ħadd, għax Alla jaf biss iħobb. Minn naħa l-oħra jekk Alla daqsu ħadd ma jafna – lanqas aħna stess ma nafu x’inhu ta’ ġid u deni għalina daqs kemm jaf Hu li ħalaqna – u daqsu ħadd ma jħobbna, allura dak li jrid hu għalina huwa l-akbar ġid tagħna. Mela meta aħna nieħdu deċiżjonijiet kontra dak li jrid Alla minna, mhux lilu nkunu nagħmlu ħsara iżda lilna nfusna, għaliex dak li jrid hu huwa biss l-akbar ġid tagħna.

Minn naħa l-oħra hu jħalli lil kulħadd fil-libertà: Lil ħadd ma qabbad jgħix ħażin, u lil ħadd ma rħielu jidneb.Hu jixtieq minna, għax iħobbna, li nagħżlu t-tajjeb, iżda jekk nagħżlu l-ħażin mhux ser iżommna. Hu jirrispetta l-libertà tagħna, anke jekk aħna niddeċiedu li nużawha ħażin bi ħsara tagħna nfusna u tal-oħrajn.

Fl-Evanġelju tal-lum Ġesù jgħidilna: Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti;… iżda biex inwassalhom għall-milja tagħhom.Quddiem il-liġi ta’ Alla mogħtija permezz ta’ Mosè, Ġesù qed jgħidilna li għad li din il-liġi hija perfetta fiha nnifisha, iżda fiha xi ħaġa essenzjali nieqsa. X’inhi? It-testment il-qadim kollu u allura anke l-liġi ta’ Alla, ma tieħux inkonsiderazzjoni l-fatt li l-bniedem huwa dgħajjef u minkejja li jagħmel ħiltu, ħafna drabi xorta jaqa’ fid-dnub. It-testment il-qadim u l-liġi t’Alla, u anke ir-reliġjonijiet l-oħra kollha ma joffrux soluzzjoni għad-dnub tal-bniedem. Huwa biss Ġesù li setgħa u fil-fatt salvana mid-dnub tagħna billi ħelisna mill-ħakma tiegħu. Ta’ dan kollu ma jitlobna xejn lura ħlief li nħobbu lil xulxin. Fl-Evanġelju tal-lum jurina diversi modi prattiċi ta’ kif għandha tkun din l-imħabba tagħna lejn xulxin; dan jidher l-aktar fil-maħfra lejn xulxin u fil-fedeltà u l-imħabba fiż-żwieġ.

Mulej Ġesù għinna ħalli nifhmu li kulma titlob minna, anke jekk insibuh diffiċli, inti titolbu għax tħobbna u tridna nsibu t-triq il-waħda l-vera, it-triq tal-imħabba li hi biss tista’ tagħtina l-veru ferħ u l-paċi tal-qalb. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading