Il-persekuzzjonijiet il-kbar. Mill-istorja tal-Knisja Nisranija (8)

Kitba ta’ Joe Galea

Is-sitwazzjoni bdiet tinbidel lejn nofs it-tielet seklu meta kif rajna diġa s-sitwazjoni fl-imperu kienet imwiegħra u n-numru ta’ l-insara mhux biss kiber, imma jidher li dawn kienu bdew iħossu aktar ċerti minn qatt qabel li ma kellhomx inkwiet. Min-naħa l-oħra kienu bosta l-pagani li raw fl-insara element li seta’ jġib firda fis-soċjetà, fi żmien meta l-Imperu kellu bżonn l-għaqda.

Kien għalhekk li l-Imperatur Deċju fis-sena 249 wK ordna li kulħadd (barra l-Lhud li magħhom saret eċċezzjoni) kellu joffri sagrifiċċju lill-allat u jingħata ċertifikat, min kien jirrifjuta jingħata l-mewt.

Dan ġab firda bejn l-insara, għaliex kienu bosta dawk li waqgħu fl-apostasija. Deċju miet fis-sena 251 wK waqt taqbida mall-Goti u l-persekuzzjoni ntemmet, iżda l-firda bejn dawk li riedu li l-apostati jibqgħu barra mill-Knisja u min kien favur il-maħfra u r-rikonċiljazzjoni baqgħet. U f’din il-firda naraw iż-żerriegħa li biż-żmien nibtet fix-xiżma tad-Donatisti, xiżma li kellha tibqa’ fil-Knisja speċjalment fl-Afrika ta’ Fuq, għal aktar minn tliet mitt sena.

Sitt snin biss wara din il-burraxka (257 wK) l-Imperatur Valerjanu beda persekuzzjoni oħra, bl-iskop li jitfa’ l-ħtija fuq l-insara ta’ numru ta’ telfiet li r-Rumani kienu ġarrbu. Din id-darba l-mira ta’ l-imperatur kienu l-mexxejja tal-Knisja (din kienet il-persekuzzjoni li fiha miet San Lawrenz), insara ġejjin mill-klassijiet l-għolja u oħrajn li kienu jaħdmu fil-palazz imperjali.

Għal darb’oħra l-persekuzzjoni ntemmet meta Valerjanu, waqt taqbida mal-Persjani, inqabad priġunier u wara li ġie umiljat spiċċa maqtul. B’hekk reġgħet ġiet il-paċi, iżda din kienet biss il-kalma qabel it-tempesta l-kbira, il-persekuzzjoni ta’ Dioklezjanu.

Kif l-Insara kienu jħarsu lejn il-martirju.

Għan-nisrani l-martirju kien l-ogħla forma ta’ xiehda tat-twemmin tagħhom. Imħarrġin fuq l-Iskrittura, speċjalment il-Ktieb tal-Makkabin, bosta minnhom raw fil-martirju l-akbar mod kif ixandru twemminhom. Il-martri kellhom aktar merti mill-verġni u l-konfessuri għalhekk il-persuna tagħhom kienet qaddisa.

Dan jispjega d-drawwa li partijiet mill-ġisem tal-martri kif ukoll minn ħwejġu kienu jinżammu bħala relikwi. Fuq kollox bosta kienu jemmnu, bħall-għaref Tertuljanu, li d-demm tal-martri kien żerriegħa li tagħmel ħafna frott.

Aktar kitbiet minn Joe Galea dwar l-Istorja tal-Knisja … https://laikosblog.org/jb_storja_knisja_kristjanezmu/

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading