Messaġġ tal-Papa Ljun XIV għar-Randan 2026

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
GĦAR-RANDAN 2026
Nisimgħu u nsumu.

Ir-Randan bħala żmien ta’ konverżjoni

Għeżież ħuti!

Ir-Randan hu ż-żmien li fih il-Knisja, b’għożża ta’ omm, tistedinna nerġgħu nqiegħdu l-misteru ta’ Alla fiċ-ċentru tal-ħajja tagħna, biex il-fidi tagħna terġa’ ssib il-ħeġġa u l-qalb ma tintilifx qalb it-tħassib u d-distrazzjonijiet ta’ kuljum.

Kull mixja ta’ konverżjoni tibda meta nħallu l-Kelma ta’ Alla tilħaqna u nilqgħuha bi ħlewwa tal-ispirtu. Allura hemm rabta bejn id-don tal-Kelma ta’ Alla, l-ispazju ta’ ospitalità li noffrulha u l-bidla li hija twettaq. Għalhekk, il-mixja tar-Randan issir okkażjoni tajba biex niftħu widnejna għal-leħen tal-Mulej u nġeddu d-deċiżjoni li nimxu wara Kristu, u miegħu nterrqu t-triq li titla’ lejn Ġerusalemm, fejn iseħħ il-misteru tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu.

Nisimgħu

Din is-sena nixtieq niġbed l-attenzjoni, qabelxejn, fuq l-importanza li nagħmlu wisa’ lill-Kelma permezz tas-smigħ, għax id-disponibbiltà li nagħtu widen hija l-ewwel sinjal li bih nuru x-xewqa tagħna li nidħlu f’relazzjoni mal-oħrajn.

Alla nnifsu, meta jirrivela lilu nnifsu lil Mosè mis-siġra tal-għollieq taqbad, jurih li s-smigħ hu karatteristika distintiva tal-essri tiegħu: “Jien ħarist u rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu. U jien smajt il-karba tagħhom” (Eż 3:7). Is-smigħ tal-karba tal-magħkus huwa l-bidu ta’ storja ta’ ħelsien, li fiha l-Mulej idaħħal ukoll lil Mosè, u jibagħtu jiftaħ triq ta’ salvazzjoni għal uliedu li spiċċaw fil-jasar.

Huwa Alla li jinvolvi, li llum jilħaq lilna wkoll bil-ħsibijiet li bihom tħabbat qalbu. Għalhekk, is-smigħ tal-Kelma fil-liturġija jedukana għal smigħ iktar veru tar-realtà: fost il-ħafna ilħna li nisimgħu fil-ħajja personali u soċjali tagħna, l-Iskrittura Mqaddsa tagħtina l-ħila nagħrfu dik li tielgħa minn qalb it-tbatija u l-inġustizzja, biex ma tibqax mingħajr tweġiba. Li nidħlu f’din id-dispożizzjoni interjuri ta’ reċettività jfisser inħallu llum lil Alla jgħallimna nisimgħu bħalu, biex nagħrfu “l-qagħda tal-foqra rrappreżentata minn karba li, fl-istorja tal-umanità, tisfida kontinwament lill-ħajja tagħna, is-soċjetajiet tagħna, is-sistemi politiċi u ekonomiċi u, fl-aħħar imma mhux l-inqas, lill-Knisja wkoll”.[1]

Insumu

Jekk ir-Randan hu żmien ta’ smigħ, is-sawm huwa prattika konkreta li tiftħilna qalbna biex nilqgħu l-Kelma ta’ Alla. Fil-fatt, is-sawm mill-ikel hu taħriġ axxetiku antik ħafna u insostitwibbli fil-mixja tal-konverżjoni. Proprju għaliex imiss lill-ġisem, jagħmel iżjed evidenti dak li aħna “mġewħa” għalih u dak li nqisuh essenzjali għall-għajxien tagħna. Għalhekk iservi biex niddixxernu u npoġġu f’ordni l-“aptiti” tagħna, biex inżommu dejjem ħaj il-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, u nevitaw ir-rassenjazzjoni, waqt li nħarrġuhom biex isiru talba u responsabbiltà lejn il-proxxmu.

Santu Wistin, b’finezza spiritwali, jurina t-tensjoni bejn iż-żmien preżenti u t-twettiq futur li tikkaratterizza dan il-ħarsien tal-qalb, meta josserva li: “Matul il-ħajja fuq din l-art huma l-bnedmin li għandu jkollhom il-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja, imma hu fil-ħajja l-oħra li mbagħad naqtgħuhom. L-anġli jixbgħu b’dan il-ħobż, b’dan l-ikel. Imma l-bnedmin huma mġewħa għalih, huma kollha xewqana għalih. Din ix-xewqa twessa’ l-qalb, tkabbar il-ħila tagħha”.[2] Is-sawm, mifhum b’dan il-mod, jagħtina mhux biss li niddixxiplinaw ix-xewqa, li nsaffuha u nagħmluha iktar ħielsa, imma anki li nwessgħuha, b’mod li hi ddur lejn Alla u torjenta ruħha għall-għemil it-tajjeb.

Madankollu, biex is-sawm iżomm sħiħa l-verità evanġelika tiegħu u jaħrab mit-tentazzjoni li l-qalb tħossha mkabbra, għandu dejjem jgħix fil-fidi u fl-umiltà. Hemm bżonn li hu jibqa’ b’għeruqu mniżżla fil-komunjoni mal-Mulej, għax “ma jkunx isum tassew minn ma jafx jitrejjaq bil-Kelma ta’ Alla”.[3] Bħala sinjal viżibbli tal-impenn interjuri tagħna li, bl-għajnuna tal-grazzja, naħarbu mid-dnub u l-ħażen, is-sawm għandu jinkludi wkoll għamliet oħra ta’ ċaħda li jgħinuna niksbu stil ta’ ħajja iżjed sobrju, għax “l-awsterità biss li ssaħħaħ il-ħajja Nisranija u tagħmilha iktar awtentika”.[4]

Għalhekk nixtieq nistedinkom għal għamla ta’ ċaħda konkreta ħafna u spiss ftit li xejn apprezzata, jiġifieri dik mill-kliem li bih nidorbu u nweġġgħu lill-proxxmu tagħna. Ejjew nibdew inżarmaw il-lingwaġġ, nagħtu daharna lil kliem li jaqta’ fil-laħam il-ħaj, lill-ġudizzju immedjat, lill-paroli fuq min mhux preżenti u ma jistax jiddefendi ruħu, lill-kalunnji. Minflok, ħa nagħmlu sforz biex nitgħallmu nqisu kliemna u nrawmu fina l-ġentilezza: fil-familja, bejn il-ħbieb, fuq il-postijiet tax-xogħol, fuq il-midja soċjali, fid-dibattiti politiċi, fil-mezzi ta’ komunikazzjoni, fil-komunitajiet Insara. U hekk flok il-ħafna kliem ta’ mibegħda jkollna kliem ta’ tama u ta’ paċi.

Flimkien

Fl-aħħar nett, ir-Randan jikxef id-dimensjoni komunitarja tas-smigħ tal-Kelma u tal-prattika tas-sawm. Anki l-Iskrittura tisħaq fuq dan l-aspett b’ħafna modi. Ngħidu aħna, meta tirrakkonta, fil-ktieb ta’ Neħemija, li l-poplu nġabar biex jisma’ l-qari pubbliku tal-ktieb tal-Liġi u, huwa u jipprattika s-sawm, kien dispost għall-istqarrija tal-fidi u għall-qima, biex hekk kien lest iġedded il-patt tiegħu ma’ Alla (ara Neħ 9:1-3).

Bl-istess mod, il-parroċċi tagħna, il-familji, il-gruppi ekkleżjali u l-komunitajiet reliġjużi huma msejħa biex fir-Randan jagħmlu flimkien mixja, li fiha s-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, kif ukoll tal-karba tal-foqra u tal-art, issir għamla ta’ ħajja komuni, u s-sawm jgħin biex ikun hemm indiema vera. F’dan ix-xefaq, il-konverżjoni, barra l-kuxjenza ta’ kull wieħed u waħda, tmiss ukoll l-istil tar-relazzjonijiet, il-kwalità tad-djalogu, il-ħila li nħallu r-realtà tinterrogana u nagħrfu dak li jorjenta tassew ix-xewqa, kemm fil-komunitajiet ekkleżjali tagħna, u kemm fl-umanità għatxana għall-ġustizzja u r-rikonċiljazzjoni.

Għeżież, ejjew nitolbu l-grazzja ta’ Randan li jiftħilna aktar widnejna għal Alla u għall-foqra. Nitolbu l-qawwa ta’ sawm li jgħaddi wkoll mill-ilsien, biex jonqos il-kliem li jweġġa’ u jikber l-ispazju għal-leħen tal-ieħor. U nħabirku biex il-komunitajiet tagħna jsiru mkejjen li fihom il-karba ta’ min qed ibati ssib akkoljenza u s-smigħ inissel mixjiet ta’ ħelsien, u jagħmilna iktar pronti u attenti biex ngħinu ħalli tinbena ċ-ċiviltà tal-imħabba.

Minn qalbi nbierek lilkom ilkoll u l-mixja tagħkom f’dan ir-Randan.

Mill-Vatikan, 5 ta’ Frar 2026, Tifkira ta’ Sant’Agata, Verġni u Martri.

LJUN PP. XIV

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard


[1] Eżortazzjoni appostolika Dilexi te (4 ta’ Ottubru 2025), 9.

[2] Santu Wistin, Is-siwi tas-sawm, 1, 1.

[3] Benedittu XVI, Katekeżi (9 ta’ Marzu 2011).

[4] San Pawlu VI, Katekeżi (8 ta’ Frar 1978).

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading