“Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan, u nbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem.
Kuljum irrid inbierkek, u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem.
Kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru bil-bosta, bla tarf il-kobor tiegħu” (Salm 145:1-3)
(10 sek pawsa)
O Mulej, Int kbir bil-bosta. Int tgħarbilni u tagħrafni. Int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti. U għalhekk, o Ġesù Ewkaristija, bil-qawwa tiegħek, nitolbok, għinni nrażżan il-passjonijiet tiegħi. Bil-qawwa tal-Ispirtu qaddis, għinni norbot lili nnifsi, s-sensi tiegħi, u dak kollu li jista’ jwaqqani fid-dnub mas-Salib Imqaddes tiegħek, li permezz tiegħu, Inti salvajtni. Eħlisni milli nintrabat ma’ din id-dinja li tgħaddi, u għinni nħaddan is-salib għall-imħabba tiegħek, u li dan, Inti għamiltu qabli għall-imħabba tiegħek għalija.
Silenzju 3min
Innu: ____________
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew Mt 5:13-16
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-milja tagħhom. Tassew ngħidilkom li sa ma jkunu għaddew is-sema u l-art anqas l-iżgħar ittra jew tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox. Jekk mela xi ħadd iġib fix-xejn wieħed mill-iżgħar minn dawn il-kmandamenti u jgħallem lin-nies biex jagħmlu l-istess, dan jissejjaħ l-iżgħar fis-Saltna tas-Smewwiet. Imma min iħarishom u jgħallimhom, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet. Ngħidilkom li jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.
Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari: ‘La toqtolx. Jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna’. Imma jiena ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh. Jekk imbagħad xi ħadd lil ħuh jgħidlu: ‘Ġifa’, ikun ħaqqu l-kundanna tas-Sinedriju; u jekk jgħidlu: ‘Iblah’, ikun ħaqqu n-nar tal-infern.
Mela jekk tkun qiegħed ittalla’ l-offerta tiegħek fuq l-altar u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-altar u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja talla’ l-offerta tiegħek.
Lil min ikun se jtellgħek il-qorti ħudu bil-kelma t-tajba mill-aktar fis waqt li tkun għadek miegħu fit-triq, li ma jmurx jagħtik f’idejn l-imħallef, u l-imħallef f’idejn l-għassies, u hekk issib ruħek fil-ħabs. Tassew ngħidlek, minn hemm ġew ma toħroġx qabel ma tkun ħallast l-aħħar tliet ħabbiet.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
F’din is-silta, meħudha mid-diskors tal-muntanja, San Mattew jippreżenta lil Ġesù, l-Imgħallem, Mosè l-ġdid, illi qed jagħti l-liġi l-ġdida. (3 sek pawsa)
Int, o Ġesù, tippreżenta lilek nnifsek bħala l-milja tal-liġi li ngħatat lil Mosè: “Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-milja tagħhom”; biex inwassal il-liġi għall-perfezzjoni. (5 sek pawsa)
Hawnhekk, o Sinjur, Int toħloq kuntrast bejn it-tagħlim dwar il-liġi li taw ir-Rabbini ta’ żmienek, u l-vera interpretazzjni tal-liġi: “smajtu xi ntqal, jew xi nkiteb lin-nies ta’ dari; imma jien ngħidilkom”…. Inti, hawn tieħu l-kmandamenti li nsibu fil-liġi ta’ Mosè, u tipproponi lid-dixxipli tiegħek, u lilna llum, kif għandna ngħixuhom: mhux b’mod litterali, għax ta’ bilfors; imma mdawwlin mill-ispirtu, li jrawwem fina l-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu.
Silenzju 2 min
Meta tkellimt fuq il-ħames kmandament: La toqtolx! Int, o Ġesù, ma tieqafx biss fuq dak li hu qtil fiżiku; imma tkompli billi tgħid: “Imma jien ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh”.
Hawnhekk, Ġesù, mhux qed jitkellem minn xi mument spontanju ta’ rabja, fejn forsi nużaw kelma iebsa fid-diskors tagħna mal-proxxmu; imma Ġesù, qiegħed jistedinna nagħmlu eżami tal-kuxjenza, u naraw kif inqisu l-proxxmu tagħna. Biex naraw li dak li qed ngħixu hux mottivat mill-imħabba jew le. (3 sek pawsa)
Jien, kif inġib ruħi mal-oħrajn: b’mod superjuri u arroganti, jew bl-imħabba?
(10 sek pawsa)
Jalla l-imħabba tixprunana biex ngħixu l-Kelma ta’ Ġesù.
Silenzju 3 min
Innu: ____________
Talbiet tal-Komunitá
F’dan il-mument, ejjew inressqu t-talbiet tagħna lil Alla, b’fiduċja kbira fl-imħabba tiegħu għalina:
Nitolbuk Ġesù, għall-Knisja: biex dejjem tkun ta’ gwida għall-poplu, fil-ħarsien tal-liġi ta’ Alla, kif urejtilna Int. Nitolbu.
Nitolbu għall-mexxejja tad-dinja: biex ifittxu jimxu skont il-liġi ta’ Alla, ħalli jġibu l-hena u l-paċi fid-dinja kollha. Nitolbu
Nitolbu għal dawk kollha li qegħdin jieħdu l-kura: agħtihom l-kuraġġ u s-saħħa li tant għandhom bżonn. Nitolbu.
Nitolbu għar-riċerkaturi, biex tagħtihom l-għerf: ħalli fil-missjoni tagħhom isibu l-kura għall-marda tal-kanċer. Nitolbu.
Nitolbu għal dawk il-bnedmin li għadhom f’injoranza spiritwali: biex jitħeġġu u jiksbu l-għerf tiegħek, li jwassalhom biex jagħrfuk u jħobbuk. Nitolbu.
Nitolbu għall-komunità tagħna: biex tkun dejjem lesta biex tisma’, tilqa’, u tissaħħaħ bil-Kelma tiegħek. Nitolbu
Ejjew issa nagħmlu t-talba personali tagħna.
Tingħata l-Barka Sagramentali: