KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA FIĊ-ĊIMITERJU RUMAN TAL-VERANO
OMELIJ TA’ ĠWANNI PAWLU II
Solennità tal-Qadisin Kollha
Il-Ħamis, 1 ta’ Novembru 1984
1. “Tal-Mulej hija l-art u kull ma fiha” (Sal 24, 1).
Tal-Mulej huwa l-univers. Huwa hu l-ħallieq tiegħu. F’nofs dan l-univers hemm d-dinja tagħna u fiha l-bniedem maħluq xbiha ta’ Alla. Maħluq bħala raġel u mara.
Il-Ħallieq qal lill-bniedem: “Imlew l-art; u aħkmuha” (Ġen 1, 28).
Tul l-istorja, il-bniedem mela l-art u ħakimha.
Madankollu l-bniedem, fl-istess ħin, ċeda għall-art. Ċedhiela permezz tal-mewt. Dan jixhduh iċ-ċimiteri kollha tad-dinja, Jixhdu wkoll dan iċ-ċimiterju Ruman, Il-Campo Verano.
Il-bniedem jerġà lura lejn l-art li minnha ttieħed(cf. Ġen 3, 19).
Illum u ferm iktar għada, il-Knisja timmedita l-misteru tal-mewt li hija x-xorti komuni tal-bniedem fuq l-art.
2. Bdanakollu: l-art hija tal-Mulej! “Tal-Mulej hija l-art u dak kollu li fiha”.
Jistà dak li nħoloq xbiha ta’ Alla stess, jappartieni b’mod definittiv lill-art?
Biss u b’mod esklussiv lill-art?
Tistà hija biss tibqà id-destin tiegħu? Kollox għandu jintemm bil-fatt li l-bniedem jerġà lura lejn l-art?
Dan iċ-ċimiterju li fih ninsabu – iċ-ċimiteri kollha tad-dinja – jaħbu fih din il-kbira, eterna domanda.
Jekk l-art hija ta’ Alla, jistà ma jkunx ta’ Alla, iktar u iktar, dak li nħoloq fuq l-art bħala xbiha ta’ Alla u x-xebħ tiegħu?
3. Fil-liturġija tallum, jitkellem l-appostlu Ġwanni, li fl-ewwel Ittra tiegħu jikteb: “Araw b’liema għożża ħabbna l-Missier; nistgħu nissejħu wlied Alla, u hekk aħna tassew! Għalhekk id-dinja ma tagħrafniex, għax ma għarfitx lilu” (1 Ġw 3, 1).
Il-bniedem: rejalment bin Alla. Addottat bħala iben fl-Iben uniġenitu etern, Verb inkarnat.
Dan il-bniedem, li lilu l-art donnha teħodlu b’mod definittiv, permezz tal-mewt, , l-umanità tiegħu, billi tirrendih “trab”, dan l-istess bniedem, jekk miet fil-grazzja ta’ Kristu, iġorr fih fl-istess ħin ir-realtà tal-ħajja ndistruttibli: tal-ħajja divina!
Iċ-ċimiteru Ruman tagħna – iċ-ċimiterji kollha tad-dinja – jaħbu fl-istess ħin dan il-misteru: hekk hu l-ulied ta’ Alla, l-ulied maskili u femminili fl-Iben uniġenitu etern, li fiż-żmien sar bniedem: wieħed minna. Bl-opra tal-Ispirtu Santu twieled mill-Verġni, miet fuq is-salib u qam mill-imwiet.
Dan iċ-ċimiteru – iċ-ċimiterji kollha tad-dinja – jipparteċipaw fis-salib u fil-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu. L-art inżaret mill-misteru tal-Iben ta’ Alla. L-art inżaret mill-misteru tar-redenzjoni. Il-mewt ma teħdilniex l-umanità biex tagħmilha “trab tal-art”. Il-mewt tagħtina lura lil Alla f’Ġesù Kristu.
4. “Issa aħna wlied Alla, imma x’se nkunu ‘l quddiem mhuwiex irrivelat lilna. Madankollu nafu li meta jidher hu, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu” (1 Ġw 3, 2).
Aħna ngħixu fl-ekonomija tar-rivelazzjoni divina. Alla kellimna f”Ibnu uniġenitu. Alla, permezz ta’ dan l-Iben, wettaq fina l-misteru tal-filjolanza li huwa ħajja ġdida. Il-ħajja eterna.
Il-mewt tagħlaq u ttemm b’mod irrevokabli l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Hawn jintemm l-għarfien kollu li niksbu mid-dinja.
Imma r-rivelazzjoni tkompli. “X’se nkunu ‘l quddiem mhuwiex rivelat lilna”.
Bil-mewt tinfetaħ għall-eżistenza umana d-dimensjoni tal-eternità. Dak li għandu mix-xbiha u x-xebħ ta’ Alla, jerġà jsib il-“prototip” tiegħu: “Narawh kif inhu”.
5. Mela aħna nħarsu lejn dan iċ-ċimiterju Ruman – iċ-ċimiterji tad-dinja – bħala l-post tal-mewt tal-bniedem: “huwa stabbilit li l-bnedmin imutu darba biss” (Lh 9, 27).
Fl-istess ħin, dan huwa post fejn il-bnedmin, ħutna rġiel u nisa, jitilgħu quddiem il-preżenza tal-Mulej. Il-post li fih titkellem il-ġustizzja u l-ħniena, il-post tal-ġudizzju.
“Min jistà jitlà fua l-għolja tal-Mulej / min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu? / Min għandu jdejh indaf u qalbu safja . . . / Edan ikollu l-barka mingħand il-Mulej, / u l-ħlas li ħaqqu minn Alla s-Salvatur tiegħu, (Sal 24, 4-5).
“U kif hu miktub għall-bnedmin li għandhom imutu darba biss, u wara dan isir il-ġudizzju” (Lh 9, 27).
6. U hekk hu – f’dan il-jum iddedikat fil-Knisja kollha b’mod partikolari għat-talb għall-mejtin – aħna li għadna Pellegrini f’din id-dinja, ningħaqdu ma’ dawk kollha li diġa marru, li qegħdin jistrieħu f’dan iċ-ċimiterju Ruman – u fiċ-ċimiterji kollha tad-dinj – “Hawn hi l-ġenerazzjoni li tfittex, / li tfittex lil wiċċek, Alla ta’ Ġakobb” (Sal 24, 6).
Jalla jingħatalhom li jaraw dan il-wiċċ.
Jalla jarawh “hekk kif inhu”!
Jalla titwettaq fihom, fil-milja kollha tagħha, ir-rivelazzjoni miktuba fix-xbiha u fix-xebħ ta’ Alla!
7. Tali huwa t-talb tagħna fil-jum tal-Qaddisin kollha, it-talb tagħna f’jum il-mejtin.
Talb ta’ nterċessjoni.
U, fl-istess ħin, talb ta’ tifħir.
Tkun imbierek, Mulej, għaliex tiegħek hija l-art u kull ma fiha.
Tkun imbieek, għaliex il-bniedem ma jippartinix, għal dejjem, lill-art,
– għaliex mhuwiex sottomess għaliha,
– għaliex fik għandu l-eternità!
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb