Il-persekuzzjoni ta’ Dioklezjanu (9)

Mill-istorja tal-Knisja Nisranija. Kitba ta’ Joe Galea.

L-akbar attakk li Ruma pagana għamlet fuq ir-reliġjon nisranija kien fi żmien l-Imperatur Dioklezjanu. Din il-persekuzzjoni kienet l-aħħar waħda fl-Imperu Ruman u l-aktar waħda organizzata. Għalhekk f’din il-lezzjoni ser naraw x’wassal għal dan l-attakk u għaliex fl-aħħar mill-aħħar falla.

Il-Kriżi Rumana tat-Tielet seklu

Kif semmejna f’lezzjonijiet oħrajn, it-tielet seklu ra l-bidu tad-dgħufija ta’ Ruma u t-tkabbir tal-Knisja sew fin-numru kif ukoll bħala istituzzjoni. Kif diġa rajna l-Imperu kien taħt attakk minn bosta għedewwa u fl-istess waqt kien hemm numru ta’ gwerer ċivili, bi provinċji sħaħ jinqatgħu minn Ruma u jiddikjaraw imperaturi għalihom. Mhux hekk biss iżda f’dan iż-żmien ftit kienu dawk l-imperaturi li damu jsaltnu minħabba li ħafna minnhom sfaw maqtula. Fuq il-fruntieri tal-Imperu l-għedewwa issa kienu aktar organizzati.

Mit-tramuntana niżlu l-Goti, poplu Ġermaniku li għamel bosta ħsara li, kif diġa rajna, l-Imperatur Deċju nqatel minnhom waqt taqbida f’Daċja (illum ir-Rumanija). Iżda l-akbar telfa u umiljazzjoni kienet fil-qbid ta’ l-Imperatur Valerjanu bħala priġunier mill-Persjani. Iżda Ruma kien għadu ma wasalx tmiemha, l-ispirtu qalbieni tar-Rumani kien għadu ħaj, u fit-tieni nofs tat-Tielet Seklu, numru ta’ Imperaturi ġejjin mill-Illirja (L-Albanija u dik li qabel kienet il-Yugoslavia), irnexxielhom iwaqqfu l-invażjonijiet u jerġgħu jġibu xi forma ta’ għaqda. Iżda kollox kien juri li l-Imperu kien kbir wisq u kellu wisq problemi biex jitmexxa minn bniedem waħdu minn ċentru wieħed, kien hemm bżonn ta’ mod ġdid kif jitmexxa l-istat. 

Dioklezjanu bħala salvatur ta’ l-Imperu

Kien f’din is-sitwazzjoni li deher Dioklezjanu iben Karu li għal xi żmien kien imperatur. Hu ħakem bejn is-sena 284-309, snin li fihom ġab stabbiltà u paċi li bħalha l-Imperu kien ilu ma jara. Minkejja l-oriġini Illirjana (mill-Albanija/Jugoslavja) tiegħu, Dioklezjanu kellu sens qawwi ta’ patrijottiżmu u qima lejn l-Imperu. Iżda huwa fehem illi s-sistema ta’ tmexxija kellha bżonn tibdila radikali. Kien għalhekk illi ħoloq sistema msejħa Tetrarkija, li kienet tikkonsisti fil-qsim ta’ l-Imperu f’żewġ sferi, dik tal-Lvant immexxija minnu u dik tal-Punent taħt is-setgħa ta’ Massiminu bħala imperatur.

Iżda anke hawn il-poter kellu jinqasam għaliex fil-Lvant kellu lil Galerju bħala ko-imperatur u fil-Punent lil Kostanzu Kloru. Għall-ewwel darba (iżda żgur mhux l-aħħar) Ruma ma baqgħetx il-kapitali iżda l-Imperu tmexxa minn Drachonium fil-Lvant (illum Split fil-Kroazja) u Mediolanum (illum Milan), fil-Punent. Iżda tajjeb li ngħidu li Dioklezjanu kellu l-ogħla awtorità f’reġim li fih l-Imperaturi kienu aktar dittatorjali minn qatt qabel.

B’din is-sistema l-għadqa fl-Imperu ġiet iggarantita, hekk kif kull membru tat-Tetrarkija seta’ jikkonċentra fuq il-parti tiegħu. Fl-istess waqt il-fruntieri ssaħħu hekk kif l-armata ġiet organizzata bl-użu ta’ eluf ta’ ġellieda Ġermaniċi (li r-Rumani kienu jsejħulhom Barbari) li biż-żmien bdew jieħdu post is-suldati Rumani propja, u l-użu ta’ tattiċi msejsa fuq dawk tal-Persjani, speċjalment fl-użu tal-Kavallerija bħala fattur prinċipali fl-armata (tradizzjonalment il-Leġjuni Rumani kienu jiġġieldu fuq is-saqajn, jiġifieri fanterija).

Kien hemm ukoll attentat biex tiġi riformata l-ekonomija, speċjalment b’tibdil fil-valur tal-muniti iżda ma jidhirx li kien hemm wisq suċċess. Iżda Dioklezjanu ra li jekk l-Imperu ried isalva kellu bżonn twemmin li jgħaqqad lill-popli wara l-Imperu, u kien għalhekk li ddeċieda li jsaħħaħ it-twemmin pagan kontra kull kompetizzjoni oħra.

Aktar kitbiet minn Joe Galea dwar l-Istorja tal-Knisja … https://laikosblog.org/jb_storja_knisja_kristjanezmu/

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading