Niċċelebraw l-Evanġelju tal-ewwel Ħadd tar-Randan. Il-libertà fit-tentazzjonijiet.

Minn Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ħenn għalina, Mulej, għaliex dnibna.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-Xitan iġarrbu. U Ġesù baqa’ sajjem għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u fl-aħħar ħadu l-ġuħ. U resaq it-tentatur u qallu: “Jekk inti Bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż”. Iżda Ġesù wieġbu: “Hemm miktub: ‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla’”.

Imbagħad ix-Xitan ħadu miegħu fil-Belt imqaddsa, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet għal isfel; għax hemm miktub li: ‘Lill-anġli tiegħu jordnalhom jieħdu ħsiebek, u li fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla’”. Qallu Ġesù: “Hemm miktub ukoll: ‘Iġġarrabx lill-Mulej, Alla tiegħek’”.

Għal darb’oħra x-Xitan ħadu miegħu fuq muntanja għolja ħafna, urieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom, u qallu: “Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani”. Imbagħad qallu Ġesù: “Itlaq, Xitan! Għax hemm miktub: ‘Lill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi’”.

Imbagħad ix-Xitan ħallieh. U minnufih ġew xi anġli u kienu jaqduh. Mt 4:1-11

  1. Riflessjoni/talba:

i. L-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-Xitan iġarrbu. U Ġesù baqa’ sajjem għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u fl-aħħar ħadu l-ġuħ. U resaq it-tentatur u qallu: “Jekk inti Bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż”. Iżda Ġesù wieġbu: “Hemm miktub: ‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla’”.

Il-libertá ta’ min
ma’ jsirx skjav tal-ġuħ u l-aptiti tiegħu
ma jippruvax jimmanipula u jiġbed kollox lejh
imma jibqa’ jħares ‘l barra
u jintelaq b’fiduċja
biex jisma’ l-Kelma li tgħajjex.

Irrifletti:
• Fejn tinqabad fik innifsek? Aptiti, rabja, thewdin? Xi tfisser tafda?

ii. Imbagħad ix-Xitan ħadu miegħu fil-Belt imqaddsa, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet għal isfel; għax hemm miktub li: ‘Lill-anġli tiegħu jordnalhom jieħdu ħsiebek, u li fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla’”. Qallu Ġesù: “Hemm miktub ukoll: ‘Iġġarrabx lill-Mulej, Alla tiegħek’”.

Il-libertà ta’ min ma jfittixx is-suċċess ta’ malajr
ta’ min għandu l-paċenzja jgħix il-ħajja bir-ritmu tagħha
ta’ min ma jużax lin-nies bħala spettaturi biex jivvalidawh
ta’ min jibni fuq il-verità li tiżvela ruħha bil-mod
u jevita s-sensazzjonaliżmu tal-likes b’dannu għas-sewwa.

Irrifletti
• Fejn mistieden tidħol fl-imħabba paċenzjuża t’Alla?

iii. Għal darb’oħra x-Xitan ħadu miegħu fuq muntanja għolja ħafna, urieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom, u qallu: “Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani”. Imbagħad qallu Ġesù: “Itlaq, Xitan! Għax hemm miktub: ‘Lill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi’”.

Il-libertà ta’ min jagħżel li jgħix il-ħajja
Bil-fraġilità li ġġib magħha
Flok jagħżel li jieħu pussess u jikkontrolla:

il-fraġilità tar-relazzjonijiet
li jinbnew ftit ftit
mhux bil-kontroll li jifga;

il-fraġilità tal-futur
li jiżvela ruħu fil-pass magħmul b’fiduċja
u mhux fil-pussess ansjuż tal-ġid.

Il-libertà ta’ min jadura lil Alla, jħobbu
U jirċievi ħajtu mngħandu b’sorpriża
Kuljum imġedda.

Irrifletti

• X’hemm li marbut miegħu iżżejjed? Ieqaf f’mument ta’ adorazzjoni.

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading