Il-ġustizzja soċjali fit-tagħlim ta’ Santu Wistin

Preżentazzjoni ta’ Patri Luċjan Borg O.S.A

  1. Ġabra fil-qosor ta’ ċerti elementi prinċipali tal-ontoloġija ta’ Plotinu.

Fl-ewwel lezzjoni tkellimna mill-fundament ontoloġiku tal-ġustizzja sabiex nuru li l-ġustizzja hija aktar minn virtù, għax l-ewwel u qabel xejn hija ir-realtà li tippreżenta li tesprimi l-essenza ta’ Alla l-ħaj. L-Enneadi ta’ Plotinu għenu lil Santu Wistin jiskopri li Alla huwa sustanza spiritwali, dak li jiddefinixxi ruħu bħala dak li huwa l-aktar sabiħ, l-aktar ġust u l-aktar tajjeb, għax fih ma hemm l-ebda inġustizzja u l-ebda ħażen; huwa dwal mingħajr dell, intelligenza l-aktar pura u imħabba l-aktar safja. Ċert Wistin meta sar nisrani ma setax jaċċetta dak kollu li qal Plotinu, Porfirju u oħrajn għax issa beda jħaddan ir-Rivelazzjoni divina inkarnata fi Kristu u manifestata fl-Iskrittura Mqaddsa u fit-tagħlim tal-Knisja. Biss, kif rajna, Wistin qatt ma ċaħad dak kollu li sab tajjeb fil-filosofija griega-latin klassika. Għal kuntrarju, fil-għerf tiegħu, għaraf jippurifika din il- filosofija griega-latin klassika mill-iżbalji tagħha u wasal, megħjun minn din il-filosofija mnaddfa, biex jsawwar il-ħsieb u d-duttrina nsara f’riflessjoni u diskors li jippermettulna nipprenetraw xi ftit il-misteri divini tal-fidi nisranija tagħna.

Kif rajna, għal Plotinu l-ewwel Prinċipju (Ipostasi għal Porfirju), il-Wieħed it-Tajjeb, huwa d-Divinità Suprema, il-πρῶτος θεός, [protos Theos = alla l-ewlieni], «il-Wieħed assolut» (V 3, 15, 5; VI 2, 9, 6), «il-Wieħed primarju» (V 1, 8, 25; VI 2, 9, 9). «prinċipju tal-ħwejjeġ kollha» (V 3, 15, 27; V 4, 1, 23), li permezz tal-emanazzjoni jeżisti dak kollu li hu u li jista’ jkun. Huwa d-Divinità impersonali u mhux ħallieq. Fl-ontoloġija ta’ Plotinu id-Divinità Suprema tirrifletti ruħha kemm fit-tieni Prinċipju/Ipostasi li huwa/hija l-Intelliġenza Pura bħala dawl u fit-tielet Prinċipju/Ipostasi li huwa/hija i-Ruħ Universali li minnha ġejjin l-erwieħ individwali, prinċipju ta’ ħajja u eżistenza.

F’din l-istruttura ontoloġika tal-Enneadi ta’ Plotinu, il-ġustizzja, għal-livell tal-ewwel Prinċipju/Ipostasi, tippreżenta ruħha bħala x-xbieha (ikona) u l-espressjoni (logos) ta’ Alla bħala dak li huwa l-aktar ġust; għal-livell tat-tieni Prinċipju/Ipostasi, bħala x-xbieha (ikona) u l-espressjoni (logos) t’Alla, dawl li jdawwal l-intelliġenza umana u jwassalha għal veru tagħrif, għall-vera konoxxenza ta’ dak li hu; għal-livell tat-tielet Prinċipju/Ipostasi, bħala x-xbieha (ikona) u l-espressjoni (logos) t’Alla, għajn ta’ ħajja; għal-livell tar-ruħ individwali, l-ġustizzja tippreżenta ruħha bħala x-xbieha viżibbli (ikona) u l-espressjoni viżibbli (logos) tal-ħidma perfetta t’Alla li minnu ġej dak kollu li jeżisti.

Hija din il-viżibilità li tippermetti li l-fundament ontoloġiku tal-ġustizzja jnissel lill-istess ġustizzja bħala virtù, jiġifieri bħala għemil jew azzjoni konkret/konkreta ta’ ʺfairnessʺ, u ta ʺrighteousnesʺ. ʺfairʺ, fis-sens ta’: ġust, onest, leali, imparzjali, tajjeb, sabiħ, b’mod ġust, kif jixraq … ; ʺrighteousnesʺ, fis-sens ta’: ġustizzja, onestà, għemil moralment tajjeb, ta’ bniedem tar-ruħ. [Mid-dizzjunarju tal-Prof Joseph Aquilina].

  • Il-kunċett ta’ ʺVirtùʺ fil-filosofija tal-Antikità griega

Fil-filosofija tal-Antikità griega t-terminu għall-kelma ʺvirtùʺ huwa ʺαρετήʺ. Il-griegi b’dan it-terminu kienu jfissru l-eċċellenza, in-nobbiltà tal-għemil. Bil-Latin, it-terminuʺαρετήʺ jinqabel bit-terminu ʺvirtusʺ. It-terminu latin jinkludi fih is-sillaba ʺvirʺ u din tfisser: qawwa, kwalità’, kuraġġ, valur, eċċ. Sintendi filosofikament it-terminu virtus jinkludi wkoll l-eċċellenza u n-nobbiltà.

  • Il-Virtù kardinali tal-Ġustizzja fil-filosofija ta’ Ċiċerun.

Importanti nagħtu daqqa t’għajn lejn dak li jgħid Ċiċerun [106 QK – 43 QK] dwar il-ġustizzja bħala virtù kardinali u dan minħabba l-influwenza kbira li l-filosofija ta’ Ċiċerun kellha fuq il-ħsieb ta’ Santu Wistin. Fl-opra De Officiis [Dwar id-dmirijiet] Ċiċerun isejjaħ il-ġustizzja: «Iustitia enim una virtus omnium est domina et regina virtutum» [De Officiis, L.III, 28]. «Il-virtù tal-ġustizzja hija s-sinjura u s-sultana tal-virtujiet kollha». Mingħajrha mhux possibbli s-soċjetà għax il-konvivenza soċjali biex tirnexxi teħtieġ struttura politika li torganizza l-ħajja ta’ flimkien fuq bażi soda, raġonevoli u mhux arbitrarja jew immexxija mill-ażżard, mhux fuq l-interess ta’ xi wħud jew personali ta’ dawk li jmexxu, iżda tal-ġid komun tal-membri tal-Istat, taċ-ċittadini. Din il-bażi trid tkun mibnija fuq fundament etiku u moral. Dan il-fundament huwa l-liġi naturali: «teżisti liġi vera, hija ir-retta raġuni, konformi għan-natura, universali, immutabbli, eterna, il-kmandamenti tagħha jħeġġuna biex naqdu d-dover u l-projbizzjonijiet tagħha jbegħduna mill-ħażen [De Re Publica, L. III, 17]. Id-Divinità hija l-awtur ta’ din il-liġi. Ż

  • Il-kunċett ta’ ʺvirtùʺ fil-Belt t’Alla ta’ Santu Wistin.

Fil-ktieb 15 tal-Belt ta’ Alla, Santu Wistin jispjega «meta l-ġens tal-bnedmin kompla jikber, kienet l-għażla ħielsa tar-rieda li ġiebet taħlita bejn iż-żewġ ibliet li tħalltu u ssieħbu fil-ħażen» [Il-Belt ta’ Alla, 15, 22]. Santu Wistin kien qiegħed jitkellem mill-umanità fi żmien Noè meta «ulied Alla nħatfu mill-imħabba għall-bniet tal-bniedem, u biex ikunu jistgħu jiżżewġuhom inxteħtu fid-drawwiet tal-għaqda tal-bnedmin li tnisslu mill-art u telqu t-tjieba li kellhom fl-għaqda l-qaddisa»[Il-Belt ta’ Alla, 15, 22]. Fejn hu -problema? Għal Santu Wistin «il-ħlejjaq huma tajbin, imma jistgħu jinħabbu sewwa u jistgħu jinħabbu ħażin; jinħabbu sewwa meta jinżamm l-ordni, u jinħabbu ħażin meta l-ordni jinqaleb» [Il-Belt ta’ Alla, 15, 22]. Mela l-ħażin ma huwiex la l-ħlejjaq u lanqas iż-żwieġ, iżda l-ksur tal-ordni ontoloġiku li fuqu tinbena l-imħabba.

Huwa f’dan il-kuntest li Santu Wistin jagħtina d-definizzjoni famuża tiegħu ta’x’inhi ʺil-virtùʺ. Wistin jargumenta li jekk «lill-Ħallieq inħobbuh sewwa», fit-test latin «Creator autem si veraciter ametur», jiġifieri fil-verità, kif suppost għandu jkun, skont il-ġerarkija ontoloġika tal-essri, skont l-ordni ontoloġiku tal-essri, fejn l-ewwel jiġi l-Essri Suprem li hu Alla «u mhux xi ħaġ’oħra minfloku li mhijiex hu, ma jistax li mħabbitna għalih tkun ħażina»[Il-Belt ta’ Alla, 15, 22]. Fl-ewwel parti ta’ dan il-paragrafu 22, Santu Wistin jikteb li «il-bniedem twarrab mill-akbar ġid li hu propju tat-tajbin (magno bono et bonorum proprio) u waqa’ għall-iċken ġid, li ma huwiex tiegħu biss, iżda komuni għat-tajbin u għall-ħżiena. (lapsus est factus ad bonum minimum, non bonis proprium, sed bonis malisque commune). U hawn Santu Wistin jasal għad-definizzjoni tiegħu ta’ x’inhi ʺil-virtùʺ:

Infatti jinħtieġ li nżommu l-ordni anki fl-għożża li nħossu għall-istess imħabba li biha nħobbu dak li għandu jinħabb, biex ikollna l-virtù li biha ngħixu ħajja tajba (ut sit in nobis virtus qua vivitur bene). Jidhirli li l-virtù nkun qed nagħtuha tifsira fil-qosor u vera meta ngħidu li hi l-imħabba miżmuma fl-ordni (quod definitio brevis et vera virtutis, Ordo est amoris [Il-Belt ta’ Alla, 15, 22].

  • Is-sitwazzjoni tal-Imperu Ruman fis-seklu IV.

Skont Peter Brown [Santo Augustine: uma biografia. 4th. ed., Rio de Janeiro, 2006, in ʺA Philosophical Look at Social Justice in Saint Augustine’s City of Godʺ, Maria Alejandra Madi, Cambridge Scholars Publishing, 2022, p.7] fis-seklu IV WK, l-Imperu Ruman kien qiegħed jiffaċċa tensjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali. Barra l-invazzjonijiet tal-Barbari fin-Nord tal-Ewropa, kien imhedded fil-Lvant mill-armata tar-Renju Persjan li kienet militarment organizzata ferm tajjeb. Ekonomikament, t-taxi kienu rdoppjaw jekk mhux ittriplaw. Il-foqra kienu sfaw vittmi tal-inflazzjoni filwaqt li s-sinjuri kienu qiegħdin jistagħnaw. Kull offiża kontra l-imperaturi jew l-uffiċċjali tiegħu kienet setgħet iġġib l-qerda totali tal-komunitajiet tal-irħula billi jimmankahom permezz tat-tortura jew inkella jirreduċuhom għall-istat ta’ faqar.

  • Il-ġustizzja soċjali f’Santu Wistin fil-Belt ta’ Alla.

Fil-paragrafu 2.1. rajna li għal Ċiċerun l-ġustizzja hija «… virtus omnium est domina et regina virtutum» [De Officiis, L.III, 28]. «… s-sinjura u s-sultana tal-virtujiet kollha». Fil-paragrafu 2.2. tajna d-definizzjoni ta’ Santu Wistin tal-virtù fiha nfisha : «quod definitio brevis et vera virtutis, Ordo est amoris», «(il-virtù) nagħtuha tifsira fil-qosor u vera meta ngħidu li hi l-imħabba miżmuma fl-ordni». Forsi nistgħu ntejjeb it-traduzzjoni Maltija billi ngħid li l-virtù hija l-ordni tal-imħabba. L-ordni tal-imħabba huwa l-element ontoloġiku tal-virtù u jikkostitwixxi il-fundament ontoloġiku tal-ġustizzja soċjali. Dan l-fundament ontoloġiku huwa magħmul minn żewġ realtajiet: l-ordni u l-imħabba.

Fil-ktieb 19, paragrafu 13,tal-Belt ta’ Alla, Santu Wistin jiddefinixxi l-ordni bħala «parium dispariumque rerum sua cuique loca tribuens dispositio», «id-dispożizzjoni li tattribwixxi lill-ħwejjeġ li jixxiebhu jew li huma differenti l-post li kull waħda minnhom imissha»[Il-Belt ta’ Alla, 19, 13]. It-traduzzjoni Maltija ġa hija tifsira tat-test latin: «l-ordni jinsab filli l-ħwejjeġ kollha, jixxiebhu jew le, ikunu mqassma sewwa, kollox f’postu». Tifsira li tispjega tajjeb dak li ried jgħid Santu Wistin b’din id-definizzjoni. L-ordni li qiegħed jitkellem minnu Santu Wistin huwa l-ordni tal-imħabba. Din l-imħabba ma hijiex romantiċiżmu sentimentali u emozzjonali tal-mument, li jmur u jiġi, li jħoss l-individwu jew il-massa, iżda realtà profonda tal-essri uman li bħala kalamita tiġbed il-wieħed u l-ieħor biex jingħaqdu flimkien f’ħajja soċjali li verament tikkontribwixxi għal soċjetà fejn kull ċittadin għandu postu missjoni x’jaqdi; fejn kull membru ta’ din is-soċjetà’ jiġi meqjus verament bħala persuna u mhux bħala numru, rispettat u fl-istess ħin ikkunsidrat bħala aġent responsabbli tal-istess ħajja soċjali.

Maria Alejandra Madi fl-istudju tagħha A Philosophical Look at Social Justice in Saint Augustine’s City of God tgħidilna li għal Santu Wistin:

“Social justice” refers to the earthly social dimension of justice that is founded on divine law; • Establishing a philosophy of “social justice” requires an understanding of the link between immanence and transcendence in man, as imago Dei; • The conversion of the will, according to ordered love, is necessary for the establishment of “social justice”; • Earthly “social justice”, which might be established over time through human responsibility, is grounded on a love for the Truth and the urgency of charity. [p. 3].

Furthermore, the ethics of charity is considered the foundation of Christian people’s actions. The relationship between the Absolute and the other is axial in the Augustinian conception of “social justice”. The conceptualization of “social justice” in Augustine’s City of God refers to the ethical responsibility of men in historical becoming and is founded on the love for Truth and the urgency of charity. In the context of the Saint’s social doctrine, charity and justice are two founding expressions of the Christian ethos when the perspective of promoting justice and peace is emphasized. [114/115]

F’dan il-kummentarju Maria Alejandra Madi rnexxielha tiġbor fil-qosor l-elementi fundamentali ta’ dak li hija l-ġustizzja soċjali għal Santu Wistin. Huwa minnu li l-isqof ta’ Ippona qatt ma kiteb trattat speċifiku fuq il-ġustizzja soċjali. Minkejja dan, fit-tagħlim tiegħu, b’manjiera jew oħra, il-ġustizzja soċjali kienet waħda mill-ikbar prijoritajiet mhux biss tal-riflessjoni biblika/teoloġija/filosofika u tal-predikazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-istess ħajja pastorali tiegħu. Ma ninsewx li fi żmienu kien hemm ħafna faqar ġewwa id-djoċesi tiegħu ta’ Ippona, speċjalment ġewwa dawk imsejħa Mappala [shanty-town, jiġifieri «belt il-gabubi, post barra minn belt b’bini fqir fejn jgħixu l-foqra» [Aquilina, English/Maltese Dictionary, Volume Four, S-Z], korruzzjoni fil-funzjonarji tal-amministrazzjoni pubblika u ħafna inġustizzji. Darba minnhom Santu Wistin saħansitra ordna li jiddewbu xi kalċijiet biex il-flus miġbura mil-biegħ tal-materjal prezzjuż jitqassam qalb il-foqra. Mhux l-ewwel darba li Santu Wistin ippreżenta ruħu fl-uffiċini tal-amministrazzjoni pubblika biex jiddefendi d-drittijiet tal-foqra u kienu jħalluh jistenna żmien twil qabel ma jirċievuh. Dan kien isir b’disprezz.

Il-ġustizzja soċjali mibnija fuq l-ordo amoris, fuq l-ordni tal-imħabba, li għaliha tant ħadem Santu Wistin kienet proġett grandjuż. Fil-fatt, biex din id-ġustizzja soċjali setgħet teżisti kien meħtieġ li din il-ġustizzja soċjali tiżviluppa ruħha ġewwa soċjetà ġusta. Fi żmien Santu Wistin, il-kunċett ta’ soċjetà’ ċivili kien jiġi mfisser permess tal-kunċett ta’ ʺpopulusʺ. Kien Ċiċerun li fid-dinja latina spjega dan il-kunċett fl-opra kbira tiegħu De Re Publica. Santu Wistin jitlaq mid-definizzjoni ta’ Ċiċerun, iwessagħha u jittrasforma f’perspettiva nisranija billi joħloq il-kuntest eżistenzjali fejn il-vera ġustizzja soċjali tkun tista’ tkun operattiva.

Fil-paragrafu 21 tal-ktieb 19 ta’ l-Belt ta’ Alla, Santu Wistin jgħidilna li skont id-definizzjoni ta’ Ċiċerun, il-populus «hu ġemgħa magħquda ħaġa waħda permezz tad-dritt komuni u t-tisħib f’dak li hu ta’ ġid għal kulħadd». Fl-istess paragrafu Wistin jesplora l-kontenut tad-definizzjoni ta’ Ċiċerun fejn joħroġ l-elementi pożittivi iżda wkoll il-limiti ta’ dawn l-istess elementi. U hekk jasal, fil-paragrafu 24 tal-istess ktieb 19 biex jagħtina l-definizzjoni famuża tiegħu ta’ dak li hu l-populus, ta’dik li għandha tkun ir-Res Publica, ta’dak li llum insejħulu is-soċjetà’ ċivili, l-Istat u l-gvern. Jgħidilna hekk:

Forsi tista’ tingħata definizzjoni oħra ta’ poplu, bħal meta wieħed jgħid li l-poplu hu ġemgħa ta’ kotra ta’ ħlejjaq li jirraġunaw, imseħbin fehma waħda bejniethom fl-użu tal-ħwejjeġ li jħobbu. Dan ifisser li, biex naraw xi kwalità ta’ poplu hu, għandna nżommu quddiem għajnejna xi ħwejjeġ ikun jgħożż. … U aħjar ma jkunu l-ħwejjeġ li jgħożż, aħjar ikun il-poplu, l-istess kif agħar ma jkunu dawn il-ħwejjeġ, agħar ikun il-poplu [Il-Belt ta’ Alla, 19, 24].

Misjub il-kuntest eżistenzjali nistgħu issa nifhmu aħjar x’inhi l-ġustizzja soċjali għal Santu Wistin. Fi kliem ieħor, iridu nikkunsidraw il-ġustizzja soċjali bħala il-virtù prinċipali li għandha treġġi l-populus mifhum bħala l-għaqda ta’ bniedem raġonevoli mseħbin fehma waħda bejniethom fl-użu tal-ħwejjeġ li jħobbu. Għidna li l-fundament tal-ġustizzja soċjali huwa l-ordo amoris, l-ordni tal-imħabba. Għidna wkoll li dan l-ordni tal-imħabba għandu jitwettaq ġewwa struttura soċjali, jiġifieri fil-populus fejn il-bnedmin jissieħbu fehma waħda bejniethom fl-użu tal-ħwejjeġ li jħobbu. Fi kliem aktar ċar, il-ġustizzja soċjali treġġi mhux biss is-soċjalita’ imma wkoll u fl-istess ħin il-prinċipji ontoloġici u etiċi/morali kemm tal-Istat kif ukoll tal-gvern. Stat inġust kif ukoll gvern inġust ma jħallix lok għat-twettieq tal-ġustizzja soċjali. U fejn ma hemmx il-ġustizzja soċjali, la hemm Stat u lanqas gvern li jista’ jiffunzjona skont in-natura ontoloġika tiegħu.

Konklużjoni.

Santu Wistin huwa ferm koerenti u loġiku f’dak li jgħidilna dwar il-ġustizzja soċjali li trid tirrealizza ruħha ġewwa s-Soċjetà’ ċivili, fl-Istat u mill-Gvern. Dawn id-diversi elementi konstitutivi tas-soċjalità, fi ħsieb Santu Wistin, biex iwettqu sew il-missjoni tagħhom u jnisslu il-veru ġid komuni u l-vera feliċità jridu jifhmu li Alla huwa dak li ħalaq kollox u li Hu huwa s-sid tal-ħajja. Huwa kiteb il-liġi tiegħu f’qalb il-bniedem u permezz ta’ din il-liġi, megħjun mill-grazzja divina, il-bniedem jista’ verament iħobb lill-Alla b’qalbu kollha fl-ewwel u lill-proxxmu tiegħu daqs li kieku dan il-proxxmu kien hu stess fit-tieni post. Minn dan l-ewwel l-ordni tal-imħabba jitnisslu l-ordnijiet l-oħra tal-imħabba għal-livell tas-soċjalità, bħal ngħidu aħna l-ugwaljanza bejn iċ-Ċittadini, għal-livell tal-Istat li minnu l-ġustizzja soċjali titlob li ma jipprivilleġġa lil ħadd jekk mhux skont il-merti u l-kompetenza tal-persuna u għal-livell tal-Gvern li ma jipproponiex proġetti u opri pubbliċi fejn konkretament jiġu l-ewwel l-interessi partikulari kemm tal-individwu kemm tal-gruppi. Pożittivament dan ifisser li kulħadd, fid-differenza tiegħu, għandu jgawdu l-istess diritti, li kulħadd huwa responsabbli tal-ġid komun u kulħadd – ċittadini, Stat u gvern–, għandu jevita l-inġustizzja, l-ingann u l-korruzzjoni.

IVA dan kollu jgħidu Santu Wistin fl-opra monumentali tiegħu l-Belt ta’ Alla u fid-diversi kitba u predikazzjoni tiegħu, ukoll jekk mhux daqshekk bi preċiżjoni daqs id-diskors tal-antropoloġija, tal-politoloġija u x-xjenzi umani ta’ żminijietna.

Mela kif ir-ruħ hija l-ħajja tal-ġisem, hekk Alla hu l-hena tal-ħajja tal-bniedem. Hieni l-poplu li l-Mulej hu Alla tiegħu (Salm 143, 15). … Għalhekk l-Appostlu jwissi l-Knisja biex titlob għas-slaten tagħha u għal dawk kollha li għandhom xi awtorità u jżid: Biex inkunu nistgħu ngħaddu ħajja fil-kwiet u fis-sliem fit-tjieba u kif jixraq (1 Tim 2.2). … F’din il-ħajja l-virtù’ tal-ġustizzja tkun f’kull wieħed minna meta Alla jaħkem fuq il-bniedem li jisma’ minnu, ir-ruħ taħkem fuq il-ġisem u r-raġuni fuq il-vizzji anki jekk iqumu kontra tagħha, billi jew iżżommhom taħtha jew tiqfilhom. Ikollna wkoll din il-virtù meta nitolbu ‘l Alla jgħinna nagħmlu t-tajjeb bil-grazzja tiegħu u jaħfrilna dnubietna, u meta nroddulu ħajr tal-ġid li tagħna. [Il-Belt ta’ Alla, 19, 26-27].


20 ta’ Frar 2026


Ara aktar dettalji dwar il-kumplament tal-kors …

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading