Minn minn D. Edward Vella
Fid-diskussjoni bejn ix-xjenza u l-fidi, waħda mit-temi l-aktar komuni u li joħolqu nuqqas ta’ qbil hija dik tal-ħolqien u l-evoluzzjoni. L-ewwel qari tal-lum mill-ktieb tal-Ġenesi hija waħda mill-aktar partijiet importanti tal-Bibbja u nistgħu ngħidu li hija l-pedament ta’ dak kollu li nemmnu u għalhekk huwa importanti ħafna li nifhmuhom sew. Għalhekk fil-bidu ta’ dan ir-randan ser niddedika dan il-ħsieb lil dak li huwa l-bażi tal-fidi tagħna.
‘Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab tal-art u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sar ħlejqa ħajja.’ Fil-Bibbja ma nsibux la affermazzjoni u lanqas negazzjoni tal-evoluzzjoni, iżda nsibu li l-bniedem, anzi l-ħolqien kollu, ġej minn Alla; Alla ħalaq, u hu l-bidu ta’ kollox; dwar jekk kienx hemm evoluzzjoni jew le, jew kif ġiet, dak ix-xjenza trid tgħidulna mhux il-Bibbja; ikun jiżbalja l-bniedem li jfittex tagħrif xjentifiku fil-Bibbja. Barra minn hekk il-fatt li Alla ħalaq il-bniedem mit-trab tal-art ifisser li fil-bniedem hemm aspett li jagħmlu jixbaħ lil kreaturi l-oħra, u allura huwa suġġett għal-liġijiet tal-fiżika u l-bijoloġija: nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja – u hemm aspett ieħor li hija r-ruħ li jagħmlu jixbaħ lil Alla, u għalhekk huwa immortali.
‘U l-Mulej Alla ħawwel ġnien fl-Għeden, u qiegħed hemm il-bniedem li kien sawwar.’ Dan ma huwiex xi ġnien kif nimmaġinaw aħna, iżda l-awtur sagru, ispirat minn Alla, irid jgħidilna li l-bniedem fil-bidu kien maħluq biex jgħix qrib ta’ Alla u fi ħbiberija speċjali miegħu; għalhekk l-Għeden ifisser stat ta’ ħajja li fih il-bniedem, minħabba l-ħbiberija speċjali li kellu ma’ Alla, kien meħlus mid-dgħufijiet tiegħu ta’ kreatura li kien; min ikun fid-dawl, id-dlam ma jistax jersaq lejħ. Minħabba f’hekk fl-Għeden ma kienx hemm tbatija u mewt.
‘…u s-siġra tal-ħajja f’nofs il-ġnien u s-siġra ta’ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin.’ Interessanti dawn is-siġriet jinsabu f’nofs il-ġnien, jiġifieri hekk kif fuq il-fus tiddependi rota ta’ karettun biex ma tiżżarmax, fuq dak li jfissru dawn iż-żewġ siġriet jiddependi l-istat ta’ ħajja privileġġjat li Alla ta lill-bniedem li ma jbatix u ma jmutx għad li hu kreatura. Imma xi jfissru dawn is-siġriet? Is-siġra tal-ħajja tfisser li l-ħajja hija don ta’ Alla, u Alla biss jista’ jagħtiha u hu biss jista’ jeħodha; meta l-bniedem jagħmel lilu nnifsu sid il-ħajja jispiċċa jeqred lilu nnifsu. U s-siġra ta’ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin tfisser li l-bniedem jagħraf dak li hu verament tajjeb u ħażin għalih mhux minn żniedu iżda frott tar-relazzjoni personali ma’ Alla. Il bogħod minn Alla l-bniedem dak li hu tajjeb jibda jgħidlu ħażin u dak li hu ħażin jibda jgħidlu tajjeb, għax hekk jaqbillu. Kemm hu attwali dan il-kliem!
“Tassew li Alla qalilkom: ‘La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien’? Kull tentazzjoni fiha gidba, u fuq kollox biha x-xitan jipprova jnissel fina dubju dwar Alla u mħabbtu għalina. ‘Le, żgur ma tmutux...’ ix-xitan ikompli l-gidba tiegħu, infatti riżultat tad-dnub daħlet il-mewt fid-dinja. ‘l-mara rat li s-siġra kienet tajba għall-ikel…u ħadet mill-frott u kielet. Imbagħad tat ukoll lil żewġha…, u kiel.’ U xi żball għamlu, huma u aħna kull meta nħallu lix-xitan inessina fil-konsegwenzi ta’ għemilna biex taparsi ngawdu l-mument preżenti. ‘u ħietu weraq tat-tin, u għamlu iħżma’; hawn l-għera saret tfisser l-miżerja li waqa’ fiha l-bniedem li tbiegħed minn Alla u l-inkapaċità tiegħu li jsolvi l-problema li kien ħoloq, hekk jippruvaw jitgħattaw bil-weraq tat-tin.
Mulej Ġesù int fl-Evanġelju tal-lum, tagħmel bil-maqlub ta’ dak li għamlu Adam u Eva, u ma ċċedix għat-tentazzjonijiet li jagħmillek ix-xitan. Għinna nemmnu li fik biss aħna nistgħu nirbħu l-qawwa tal-ħażen li tant narawha taħkem madwarna u fina, biex hekk insibu dak is-sens f’ħajjitna li Alla biss jista’ jagħtihulna. Ammen.