Lourdes: il-post tat-talb u t-tama (2)

Kitba ta’ Michael Caruana

L-ewwel artiklu tiegħi ta’ din ir-rubrika dwar Lourdes intlaqa’ tajjeb. Ħafna kienu dawk li għamlu kuntatt miegħi u kien hemm min saħansitra għaddieli donazzjoni biex ngħaddiha lis-Santwarju ta’ Lourdes fl-ewwel okkażjoni li nittama li tkun għall-Għid il-Kbir fejn se nkun qed immexxi grupp ta’ aġenzija ewlenija tal-ivvjaġġar u li pubblikament nirringrazzjha tal-fiduċja u wriet fiha. Dan ikun il-155 grupp li se nkun qed imexxi mill-1988 ’il hawn.

MUMENT TA’ KOMUNJONI STRAORDINARJA

Fil-11 ta’ Frar, il-Festa ta’ Ommna ta’ Lourdes, is-Santwarju ta’ Lourdes esperjenza mument ta’ komunjoni straordinarja. Id-dinja kollha kienet rappreżentata. Eluf ta’ nies, anki minn Malta, kienu hemm u mijiet ta’ eluf oħra ngħaqdu magħhom permezz tal-midja soċjali, it-televiżjoni u r-radju minn għadd ta’ pajjiżi minn  madwar id-dinja. Dan hu tip ieħor ta’ miraklu ta’ Lourdes.

Fil-festa tal-Madonna ta’ Lourdes, fis-Santwarju, kienet konċelebrata quddiesa fil-knisja Papa Piju X mill-Isqof ta’ Tarbes u Lourdes.

Ir-Rettur tas-Santwarju rringrazzja lil dawk kollha li kienu Lourdes għall-preżenza tagħhom u lil dawk li segwew iċ-ċelebrazzjonjiet li saru permezz tal-midja soċjali u li sejjaħ “katina ta’ talb li tmur lil hinn mill-fruntieri”.

“Li tilqa’ kull pellegrin b’attenzjoni, dinjità u rispett hi missjoni essenzjali għas-Santwarju. Tindika impenn uman, loġistiku u finanzjarju konkret: ċelebrazzjonijiet, ħinijiet ta’ talb, postijiet miftuħa għal kulħadd, servizz għal nies morda jew dgħajfa”.

Ir-Rettur stieden lil kulħadd biex ikompli jżomm is-Santwarju fit-talb tiegħu u, jekk jista’, jappoġġjah b’donazzjoni.

Id-donazzjoni tiegħek tippermetti lis-Santwarju biex
• jilqa’ lill-aktar nies vulnerabbli, speċjalment dawk morda;

• jiżgura l-preżenza ta’ kappillani, ospitalieri, voluntiera u impjegati biex jgħinu lill-pellegrini;

• iżomm postijiet ta’ qima u faċilitajiet oħra, jagħmilhom dinjużi u aċċessibbli għal kulħadd; u

• imiss il-qlub madwar id-dinja u jxerred il-messaġġ ta’ Lourdes.

Għad-donazzjoni tiegħek tista’ ċċempel +33 5 62 42 82 82 jew tikteb fl-indirizz elettroniku donateur@lourdes-france.com

Wara l-quddiesa, is-saċerdoti kollha mxew għall-għar fejn dehret il-Madonna għat-talba tal-Angelus

Dakinhar tal-11 ta’ Frar, bħalma għamilna għal dawn l-aħħar 168 sena, erġajna għexna d-dehriet tal-Madonna lil Bernadette.

Din id-data tfisser l-ewwel laqgħa fl-għar ta’ Lourdes bejn Bernadette u l-Madonna li matul l-1858 dehritilha 18-il darba.
Kull sena, din id-data tkun għalina opportunità biex niċċelebraw lill-Ommna ta’ Lourdes li għażlet żagħżugħa fqira biex tkun il-messaġġiera tagħha.

Fil-11 ta’ Frar, il-ħarsa tagħna ffokat fuq il-blat ta’ Massabielle, fejn 168 sena ilu s-sema ħares fuq l-art. Ingħaqdna biex iċċelebrajna l-ewwel dehra tal-Madonna lil Bernadette. Opportunità biex esperjenzajna jum ta’ talb madwar id-dinja lill-Ommna ta’ Lourdes.

Mill-1993, dan il-jum onora wkoll lill-aħwa tagħna morda u wera n-natura universali tal-messaġġ ta’ Lourdes.

Din is-sena t-tema magħżula mill-Papa Ljun XIV stiednet għall-kompassjoni: Il-kompassjoni tas-Samaritan it-tajjeb: tħobb billi ġġorr is-sofferenza ta’ ħaddieħor.

Kien il-Papa Ġwanni Pawlu II li fl-1993 ddeċieda li jistabbilixxi l-Jum Dinji tal-Morda fil-Festa ta’ Ommna ta’ Lourdes. Din l-għażla ma kenitx każwali għax
minn wara d-dehriet tal-Madonna lil Bernadette, Lourdes sar post ta’ tama għall-morda u l-maħbubin tagħhom. Miljuni ta’ pellegrini jmorru Lourdes kull sena biex jafdaw it-tbatija tagħhom lill-Madonna u jsibu s-saħħa biex ikomplu.

Il-Papa Ġwanni Pawlu II kien enfasiżża l-post speċjali li Lourdes għandu għall-morda u li l-Knisja għażlet l-11 ta’ Frar bħala jum ta’ talb u attenzjoni għal dawk kollha li jbatu madwar id-dinja.

X’ĠARA FIT-11 TA’ FRAR 1858?

F’dak il-jum, Bernadette Soubirous, tifla ta’ 14-il sena, marret fl-għar ta’ Massabielle biex tiġbor xi zkuk. Hemmhekk, rat għall-ewwel darba mara ‘tixgħel bid-dawl’. “Rajt mara liebsa bajda. Kellha libsa bajda, velu abjad ukoll, faxxa kaħla u ward isfar fuq kull riġel”.

Bernadette għamlet is-sinjal tas-salib u talbet ir-rużarju mal-mara. Meta ntemmet it-talba tar-rużarju, l-mara sparixxiet.

IL-FESTA TA’ OMMNA TA’ LOURDES

Is-Santwarju stedinna biex niċċelebraw il-festa ta’ Ommna ta’ Lourdes fit-11 ta’ Frar. Din id-data hi l-ġurnata tal-ewwel dehra. Tfakkarna fil-laqgħa ta’ Bernadette mal-Madonna, fil-grazzji li rċeviet u fl-imħabba materna li turi lil kull wieħed u waħda minna li jiltaqgħu mal-Madonna. Kemm kont Lourdes kif ukoll jekk ingħaqqadt mill-bogħod, dakinhar kont mas-Santwarju għal ġurnata kbira ta’ talb dinji indirizzat lill-Madonna f’komunjoni ma’ pellegrini minn kull wieħed mill-ħames kontinenti.

Biex akkumpanjajna spiritwalment għall-festa tal-Madonna ta’ Lourdes, is-Santwarju stedinna nitolbu lill-Ommna ta’ Lourdes għal disat ijiem f’Novena li segwiet, pass pass, il-passi ta’ Bernadette. Novena li matulha stajna noffru ħin biex ippreżentajna l-intenzjonijiet tagħna, biex fdajna lil dawk li nħobbu lill-Madonna u biex ersaqna aktar qrib lejn il-Mardonna fit-talb.

IR-RANDAN U D-DEHRIET

Żmien ta’ tagħlim mill-eżempju ta’ Bernadette
Sa mill-bidu ta’ Frar is-Santwarju fakkar l-istaġun tad-dehriet tal-Madonna lil Bernadette Soubirous fix-xitwa tal-1858. Din is-sena, it-18 ta’ Frar, il-festa ta’ Santa Bernadette, il-jum tat-tielet dehra, hu għalina l-bidu tar-Randan.

Il-Knisja f’Lourdes stiednet lill-Insara kollha biex isegwu l-passi ta’ Bernadette u jesperjenzaw dan iż-żmien ta’ preparazzjoni għall-Għid billi jidħlu fil-misteru tal-messaġġ ta’ Lourdes.
B’mod eċċezzjonali, din is-sena s-Santwarju ta’ Lourdes iċċelebra lil Santa Bernadette fit-17 ta’ Frar, lejlet l-Erbgħa tal-Irmied, l-ewwel jum tar-Randan.

Il-ħajja ta’ qdusija ta’ Bernadette kienet immarkata mhux biss mit-18-il dehra li kellha u mill-privileġġ li fl-età ta’ 14-il sena tiltaqa’ wiċċ imb wiċċ mal-Madonna, iżda wkoll mill-impenn tagħha li flimkien mas-Sorijiet ta’ Nevers tgħin lill-iktar fqar tas-soċjetà.

It-18 ta’ Frar hu wkoll il-jum tat-tielet dehra. L-ewwel darba li l-Madonna kellmet lil Bernadette. Kien jum li mmarka l-bidu tal-missjoni ta’ Bernadette: Tista’ tiġi hawn għal ħmistax-il jum? Il-bqija, kif jgħidu, hi storja!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading