Ittra Pastorali mill-Isqfijiet Maltin għar-Randan 2026 dwar id-donazzjoni tal-organi

Sejħa għal imħabba ġeneruża

Niżżel l-Ittra Pastorali tal-Isqfijiet dwar id-donazzjoni tal-organi – Download

Għeżież ħuti fi Kristu,

Ir‑Randan huwa vjaġġ ta’ konverżjoni, żmien li fih il‑Knisja, bi ħlewwa u ċarezza, tgħinna biex ma nibqgħux inħarsu biss lejna nfusna, imma tistedinna biex inħallu lil Alla jdawwal qalbna biex nintebħu bil‑bżonnijiet ta’ ħutna. Permezz tas‑sawm, it‑talb u l‑karità, nerġgħu nitgħallmu li l‑imħabba dejjem titlob sagrifiċċju. Tkun dixxiplu awtentiku ta’ Ġesù jfisser li tkun don ta’ mħabba u solidarjetà lejn l‑oħrajn. F’dan iż‑żmien li fih nimxu ma’ Kristu lejn is‑salib, aħna msejħa nirriflettu dwar kif ħajjitna, bħal dik ta’ Kristu fuq is‑salib, tista’ tkun għajn ta’ ħajja ġdida għall‑oħrajn.

Illum, hawn diversi ċittadini li jbatu minn mard serju li jfaqqar il‑kwalità ta’ ħajjithom. Ħafna minnhom qed jistennew, bosta drabi għal snin sħaħ, il‑possibbiltà li jgħixu mill‑ġdid permezz ta’ trapjant ta’ organi. Wara kull isem fuq il‑lista ta’ stennija, hemm wiċċ uman, familja, u storja ta’ tama ħajja ħierġa mill‑imħabba u s‑solidarjetà tal‑oħrajn.

Bħala r‑ragħajja tagħkom, fil‑bidu tar‑Randan, nixtiequ nirriflettu magħkom, fid‑dawl tat‑twemmin Nisrani tagħna, dwar il‑ġest sabiħ u nobbli favur il‑ħajja li tagħti, b’ġenerożità u mħabba, organu lil xi ħadd mhux biss sabiex issalva ħajja, iżda wkoll biex ittejjeb il‑kwalità tal‑ħajja ta’ min jirċevih. Din ir‑riflessjoni noffruha biex tgħin fil‑formazzjoni tal‑kuxjenza, tneħħi l‑biżgħat, u tinkoraġġixxi dixxerniment ġeneruż u frott it‑talb, imsejjes fuq ir‑rispett sħiħ lejn id‑dinjità tal‑bniedem.

Ilbniedem: don minn Alla

Aħna nemmnu li kull bniedem huwa maħluq fuq ix‑xbieha ta’ Alla (ara Ġen 1:27). Ġisimna mhuwiex sempliċi strument bijoloġiku; huwa parti essenzjali dwar min aħna. Permezz ta’ ġisimna, aħna nħobbu u naqdu lill‑oħrajn, insofru u nagħtu glorja lil Alla. Għalhekk, il‑Knisja tħares lejn il‑ġisem uman b’qima kbira, kemm fil‑ħajja kif ukoll wara l‑mewt.

Id‑donazzjoni tal‑organi għandha dejjem tinftiehem fi ħdan dan ir‑rispett profond lejn l‑għaqda tal‑ġisem u r‑ruħ. Qatt m’għandha tkun kwistjoni ta’ użu jew sfruttament tal‑ġisem, imma tal‑għożża tiegħu bħala don fdat lilna minn Alla.

Iddonazzjoni talorgani bħala att ta’ mħabba

Meta ssir b’mod etiku, id‑donazzjoni tal‑organi tista’ tkun espressjoni konkreta ta’ solidarjetà u għotja personali, li tirrifletti d‑don totali li Kristu għamel tiegħu nnifsu għall‑ħajja tad‑dinja.

Il‑Knisja b’mod konsistenti tiddeskrivi d‑donazzjoni tal‑organi bħala “att ġenwin ta’ mħabba” u bħala “don ġeneruż” mogħti għall‑ġid ta’ ħaddieħor. Dan id‑don ma jnaqqasx mid‑dinjità ta’ min jagħtih. Għall‑kuntrarju, jikxef il‑verità l‑aktar profonda tal‑ħajja umana: li aħna maħluqin għall‑komunjoni u għall‑imħabba.

Għad‑donaturi ħajjin, din il‑ġenerożità qatt m’għandha tpoġġi l‑ħajja tagħhom jew il‑funzjonijiet essenzjali tal‑ġisem f’periklu serju. Għad‑donaturi li jkunu mietu, id‑don tal‑organi jista’ jippermetti li l‑ħajja tkompli tiffjorixxi anke quddiem il‑mewt, u t‑telfa tinbidel f’tama u ġenerożità.

Pedamenti etiċi u salvagwardji morali

Il‑Knisja tappoġġja d‑donazzjoni tal‑organi meta din issir fuq pedamenti etiċi ċari u b’salvagwardji morali sodi. Id‑donazzjoni tal‑organi wara l‑mewt, kemm fuq kriterju newroloġiku, jiġifieri meta l‑moħħ kollu ma jibqax jiffunzjona, kif ukoll fuq kriterju ċirkolatorju, jiġifieri meta l‑qalb ma tibqax tiffunzjona, hija att nobbli u ta’ mertu kbir meta wieħed josserva dawn il‑kundizzjonijiet li ġejjin:

  • Il‑kunsens liberu u infurmat huwa essenzjali. Id‑donazzjoni tal‑organi trid dejjem tkun volontarja u qatt m’għandha ssir taħt pressjoni, diretta jew indiretta.
  • Iċ‑ċertezza tal‑mewt trid tkun stabbilita b’mod rigoruż qabel ma jitneħħew l‑organi. Il‑mewt qatt m’għandha tiġi kkawżata jew b’xi mod mgħaġġla bil‑għan li jinkisbu l‑organi.
  • Għandu jkun hemm separazzjoni ċara bejn it‑tim mediku li jikkura l‑pazjent u t‑tobba tat‑trapjant sabiex b’hekk jiġu salvagwardjati l‑integrità tal‑kura sħiħa li għandha tingħata lill‑pazjent sal‑mewt sakemm din il‑kura hija ta’ benefiċċju.  
  • Id‑dinjità tad‑donatur trid tiġi rispettata. Il‑ġisem tal‑mejjet għandu jiġi ttrattat b’reverenza, u r‑riti funebri għandhom jiġu mħarsa.
  • L‑ebda forma ta’ kummerċjalizzazzjoni mhi etikament aċċettabbli. L‑organi umani qatt m’għandhom jinbiegħu jew jinxtraw; kull forma ta’ kummerċjalizzazzjoni tal‑ġisem jew ta’ parti minnu tmur kontra d‑dinjità umana. Il‑ġisem u l‑organi tiegħu għandhom jibqgħu fil‑loġika tad‑don, mhux tal‑iskambju tas‑suq.

Nindirizzaw ilbiżgħat u nnuqqas ta’ ftehim

Xi persuni jesprimu tħassib u wieħed jifhem dan it‑tħassib: biża’ ta’ abbuż, inċertezza dwar id‑definizzjonijiet mediċi tal‑mewt, jew skumdità quddiem l‑idea tad‑donazzjoni tal‑ġisem wara l‑mewt. Dan it‑tħassib wieħed għandu jindirizzah bi djalogu onest u trasparenti.

Inħeġġukom tfittxu informazzjoni medika u etika affidabbli, u titkellmu ma’ professjonisti fil‑qasam tas‑saħħa li jirrispettaw il‑ħajja umana f’kull stadju tagħha. Il‑Knisja tistieden lil kull persuna tieħu deċiżjoni fil‑kuxjenza tagħha, wara informazzjoni sħiħa, riflessjoni serja u talb.

Stedina pastorali lillfamilji

Il‑familji għandhom rwol kruċjali fid‑deċiżjonijiet dwar id‑donazzjoni tal‑organi. Inħeġġu lill‑membri tal‑familja biex jitkellmu b’mod miftuħ bejniethom dwar ix‑xewqat u l‑valuri tagħhom. Dawn id‑diskussjonijiet, għalkemm diffiċli, jistgħu jkunu att ta’ mħabba li jġib ċarezza u paċi f’mumenti ta’ vulnerabbiltà kbira.

Ħa jkunu l‑familji tagħna postijiet fejn l‑Evanġelju tal‑ħajja jingħex u jitħabbar, fejn il‑ġenerożità titrawwem, is‑solidarjetà twarrad u fejn it‑tbatija ssib kompassjoni.

Tama mibnija fuq ilQawmien millMewt 

Aħna l‑Insara nemmnu li l‑mewt mhix it‑tmiem. Il‑fidi tagħna fil‑Qawmien mill‑Imwiet tiggarantilna li bis‑saħħa ta’ Kristu Rxoxt, il‑ġisem, għalkemm jerġa’ lura għat‑trab, huwa msejjaħ għall‑glorja. Id‑donazzjoni tal‑organi ma tmurx kontra din it‑tama. Għall‑kuntrarju, tista’ ssir xhieda aħħarija ta’ fidi fil‑ħajja li hija aktar b’saħħitha mill‑mewt.

Meta wieħed jagħti parti minnu nnifsu biex ħaddieħor jgħix, id‑donatur jieħu sehem fil‑misteru paskwali ta’ Kristu, fejn il‑mewt tagħti spazju għall‑ħajja.

“Mur…u agħmel hekk int ukoll” (Lq 10:37)

Fil‑Parabbola tas‑Samaritan it‑Tajjeb, li Ġesù jirrakkonta bħala tweġiba għall‑mistoqsija ta’ għaref fil‑Liġi dwar min hu l‑proxxmu tiegħu, ir‑raġel jagħraf sewwa li s‑Samaritan kien il‑proxxmu għax “wera ħniena miegħu”. U Ġesù jgħidlu: “Mur…u agħmel hekk int ukoll” (Lq 10:37), u b’hekk jenfasizza l‑imħabba attiva u l‑kompassjoni fil‑prattika.

Għeżież ħuti, aħna nħarsu lejn id‑donazzjoni tal‑organi bħala triq ta’ dixxipulat Nisrani: triq immarkata mill‑imħabba, mill‑kompassjoni, mis‑solidarjetà, mir‑responsabbiltà u minn rispett profond lejn il‑ħajja. Ninkoraġġukom biex tkunu Samaritani tajba billi tirreġistraw bħala donaturi tal‑organi.

Inħeġġukom titolbu, tirriflettu u tfittxu gwida, b’fiduċja li l‑Ispirtu s‑Santu jdawwal kull kuxjenza sinċiera. Jalla l‑Mulej, li huwa dak li jagħti kull don tajjeb, ibierek lil dawk kollha li jaħdmu fil‑qasam tas‑saħħa u jsaħħaħ l‑isforzi ta’ dawk kollha li jaħdmu biex jippromwovu d‑donazzjoni tal‑organi bħala att ta’ solidarjetà ġeneruża. Jalla jfarraġ lil dawk li jbatu, u jqanqal fi qlubna impenn imġedded lejn l‑Evanġelju tal‑ħajja.

Nagħtukom il‑barka pastorali tagħna.

Illum, l-Erbgħa, 11 ta’ Frar 2026, memorja liturġika ta’ Sidtna Marija ta’ Lourdes.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

✠ Anton Teuma    
Isqof ta’ Għawdex

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Dun Jimmy Bonnici
Segretarju Konferenza Episkopali Maltija


Ittra Pastorali Randan dwar id-donazzjoni tal-organi 2026 (bil-lingwa tas-sinjali)

Pastoral Letter for Lent on organ donation 2026: A call to selfless love

Sors: www.knisja.mt

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading