Lil min tafu ssaqsix għalih. Kitba ta’ Patri Juan De Bono ocd

Tintlemaħ pantera fit-toroq ta’ Bormla

Il-bieraħ l-aħbarijiet lokali tkellmu dwar dehra (mhux tas-soltu) li ntlemħet fit-toroq ta’ Bormla. Skont dawn, fi trejqa li tinsab qrib ta’ dak li kien id-Dock numru wieħed ġewwa Bormla, intlemaħ xi ġergħu ta’ annimal, li xi wħud huma tal-ideja li huwa ta’ xi pantera jew ta’ xi jaguar.

X’ħarġet tagħmel ?

Meta jiena rajt il-filmat għidt bejni u bejn ruħi, ara daqxejn x’inhu ħelu, dan l-annimal ħareġ mid-dar fejn jinsab, għal waħda minn żewġ raġunijiet.

Għid din jew ħarġet:

1) biex tiġi l-kunvent tqerr qrara tar-Randan, tisma’ Quddiesa, jew inkella;

2) ħarġet tistad għall-awrat (bħalma għamlu mijiet ta’ sajjieda jumejn ilu) li ħarbu mil-fishfarms wara l-maltempata ‘Harry’.

Imma mbagħad għidt, ‘u le’ x’inti tgħid?’.

La dehret barra, żgur li dawn ma kienux ir-raġunijiet għala ħarġet, u dan peress li dan l-annimal ma kellu l-ebda qasba biex imur jistad, u biex tagħqad kien hemm wisq sajjieda jistadu għall-awrat, u dan bħalma jgħidu mbagħad hux li ‘għal mitt għadma hemm mitt kelb’.

Fejn jidħol imbagħad il-qrar u l-quddies, intbaħt li lanqas din ma setgħet kienet ir-raġuni li ntlemaħ barra dan l-annimal, u dan peress li l-povru annimal ma kellux mod kif jaqsam quddiem il-Wefi, u hekk kien se jasal sal-kunvent ta’ Santa Tereża, u dan peress li l-pellikan lights (ta’ quddiem il-Wefi) isimhom magħhom hux, ‘pellikan lights’ (pellikan huwa għasfur), u mhux ‘pantera lights’, jew ‘jaguar lights’, u għalhekk din il-povra pantera kif setgħet taqsam it-triq u tasal sa ħdejna?

‘Il-ħmar taqtagħlu dembu ħmar jibqa’

Imma apparti ċ-ċajt.

Anki l-aktar annimali perikolużi bħall-iljun, il-pantera, l-orsijiet, il-jaguar u s-sriep velenużi, meta jkunu ċkejknin dejjem ikunu gustużi u qatt ma tkun tista’ tirrejaliżża li meta jikbru isiru perikolużi mmens.

U l-istess ‘ta’ dembu twil’, ix-xitan, u ‘t-tentazjoni’ għall-ewwel jidhru bħal dak il-volpi liebes tan-nanna fl-istorja tal-Little Red Riding Hood u jipprova jisraqlek l-ikel li int tkun qiegħed tieħu għand in-nanna.

Targumenta QATT mad-demonju

Meta jiġu jħabbtu l-bieb, int ma tintebaħx bil-periklu.

Int tgħid bejnek u bejn ruħek, ‘u ajma x’fiha ħażin jekk nagħmel hekk u hekk’. ‘u ajma, mela għadna ngħixu fil-medjuwevu?’.

Eva qalet ‘imma din it-tuffieħa tassew tidher bnina’. It-tifla tal-istorja tal-Little Red Riding hood ukoll qagħdet tiddiskuti mal-volpi u dan malajr lagħabha.

U hekku, il-mument li l-linja tinqabeż, jibda vjaġġ b’roaler coaster li int ma għandikx aktar kontrol fuqu, vjaġġ li mhux se jispiċċa billi jnaqqas l-ispeed, imma jkompli jaċċelera sa ma  jisparak fl-ajru. Fil-Physics konna nsejħulha centrifugal force, li tiġi definita bħala: ‘apparent force that arises  from the inertia of an object in a rotating reference frame. It is a bi product of the real centripetal force that keeps the object moving into a straight path’.

Tista’ tweġġa serjament, u tista’ tmut. Li hu żgur LI KIEN IKUN AĦJAR LI QATT MA GĦAMILT DAK IL-PASS LI STIEDNEK TAGĦMEL ID-DEMONJU.

Qis mitt darba u aqta’ darba

Hekk qiegħed igħid bħalissa Andrew Mountbatten Windsor, u hekk tgħid int meta tinqabad fix-xibka li ħejja għalik ta’ dembu twil, li jgħir għalik u jridek fix-xibka tiegħu.

Għalhekk bil-Malti ngħidu: ‘ix-xitan jidħaq bik u mbagħad idoqq trumbetta bik’, u dan peress li ‘d-dnub ma jorqodx’. Għalhekk ‘min jidħaq l-aħħar jidħaq l-aħjar’.

Fil-Vanġelu tal-Ħadd li ġej, Ġesu’ se jidħaq l-aħħar, għax Ġesu’ pantera kien jaf li kienet pantera, anki jekk ċkejkna u tagħtik l-impressjoni li hija innokwa, imma kien jaf ukoll li ‘l-ħmar taqtagħlu dembu ħmar jibqa”.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading