VIŻTA PASTORALI FIL-LOMBARDIA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Piazza Vittoria (Pavia)
Is-Sibt, 3 ta’ Novembru 1984
1. “. . . Għarafna x’inhi l-imħabba: li Ġesù Kristu ta ħajtu għalina; mela aħna wkoll għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa” (1 Ġw 3,16).
Ninsabu fuq l-itinerarju ta’ San Karlu Borromeo: fl-okkażjoni tar-IV ċentinarju ta’ mewtu, inżuru l-postijiet li kellhom sinifikat-importanti għal ħajtu. Ħajjet Karlu Borromeo kollha kienet triq lejn il-qdusija. U l-qdusija titwieled mill-għarfien tal-imħabba, biex timla fih il-ħsibijiet, il-kliem u l-opri.
“B’dan naslu biex nagħrfu x’inhi l-imħabba: huwa ta ħajtu għalina; aħna wkoll mela għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa” (1 Ġw 3,16).
Dan il-kliem minn l-ewwel Ittra ta’ Ġwanni huwa l-leħen ta’ xhud li ra b’għajnejh. Illum napplikawh għal San Karlu Borromeo, Wieħed jistà jgħid li dan jiġbor fil-qosor b’mod “laidarju” l-pellegrinaġġ ta’ 46 sena ta’ dan l-isqof u kardinal, li Kristu sejjaħlu f’perijodu diffiċli tal-istorja tal-Knisja, biex jagħmlu jsir xhud awtentiku tal-Vanġelu.
Karlu Borromeo għaraf l-imħabba. Għaraf din l-imħabba li rrivelat ruħha fl-istorja tal-bniedem permezz ta’ Kristu u fi Kristu. F’Ġesù rrivelat ruħha l-imħabba li hija minn Alla nnifsu. U rrivelat ruħha minħabba l-fatt li Kristu “ta ħajtu għalina”.
Karlu għaraf l-imħabba. Din kienet l-ikbar skoperta ta’ ħajtu, l-ikbar “għarfien”. Tali għarfien indika direzzjoni għal ħsibijietu kollha, għal kliemu u għall-opri tiegħu. F’kull wieħed minnhom kien jidwi eku qawwi ta’ dan l-għarfien: jien ukoll għandi nagħti ħajti għall-aħwa.
2. Dan l-għarfien bla dubju jmur lura għall-ambjent familjari, li fih huwa rċieva edukazzjoni nisranija tajba, li darrietu sa mis-snin bikrin għal distakk minn dawk l-azzjonijiet u minn dawk ir-rikkezzi li fosthom kien jgħix, hekk li kien jaf jaqdi b’ħarsa partikolarment indirizzata għall-bżonnijiet tal-foqra. Karlu ta prova ta’ din il-ġenerożità tiegħu miksuba mill-ġenituri devoti sa minn meta daqsxejn ta’ tifel, setà jiżufruwixxi mill-benefiċċju ta’ abbazija u ħaseb minnufih, bil-kunsens sħiħ ta’ missieru, li jgħaddiha totalment favur dawk fil-bżonn. Karlu kien jaf iżomm tul ħajtu kollha dan l-istil ta’ azzjoni: il-possibiltajiet ekonomiċi enormi li l-Providenza; poġġietlu għad-dispożizzjoni tiegħu, hu għaraf dejjem jużahom billi jagħti prova ta’ kapaċità eċċezzjonali organizzattiva u amministrattiva orjentata kollha għas-salvagwardja u għall-promozzjoni tal-ġid komuni u għall-assistenza tal-bżonnijiet ta’ min kien inqas iffavorit mis-sitwazzjonijiet tal-ħajja.
Madankollu dan l-għarfien tal-imħabba jintrabat bla dubju b’mod partikolari mal-perijodu li l-iben tal-familja Borromeo għadda hawn: fl-Università ta’ Pavia. Mibgħut hawn minn Missieru, huwa kellu nfatti mod biex jipperfezzjona fiha l-edukazzjoni tiegħu u biex jikber fil-virtù, billi jiddedika ruħu b’attenzjoni għall-istudji tad-dritt ċivili u kanoniku, li fihom kiseb il-lawreja, u billi għadda livell ta’ ħajja li, għalkemm ma kienx differenti minn dak ta’ familtu, bdanakollu diġa minn dak iż-żmien ta’ prova li kien ispirat għal ħniena u onestà solida, aljen minn kull ambizzjoni, u frott ta’ dixxiplina kostanti u ta’ dominju qawwi tiegħu nnifsu. Il-modestja tiegħu u s-sempliċitàè tal-ispirtu, fl-ambjent universitarju, mhux dejjem kienu mifhuma, kif sfortunatament spiss jiġri. Huwa kien jagħti impressjoni li hu timidu, meta fir-realtà diġa f’dak iż-żmien l-ispirtu tiegħu, distakkat mir-realtajiet li jgħaddu, kien jimmira għall-eżerċizzju ta’ mħabba, immirat għal servizz tal-ġid suprem tal-persuna u tal-kollettività. Fil-kalma u fir-riflessjoni tal-istudju, huwa kien jimmedita dwar il-veru ġid, kien jipprofondixxi l-għarfien tal-veru mħabba – l-imħabba ta’ Kristu –, dak l-għarfien li kien il-kriterju u s-sors tal-azzjoni pastorali straordinarja, li għaliha l-Provvidenza kienet iddestinatu.
3. Fost l-isforzi mitluba mill-akkwist tax-xjenza universitarja, trabba fih dak li huwa l-iktar important: għaraf l-imħabba.
Dik l-imħabba li kienet rivelata f’Ġesù Kristu, meta fil-misteru paskwali tiegħu, ta ħajtu għalina”, introduċiet lil San Karlu fil-profond tal-misteru tar-Ragħaj it-Tajjeb.
Fl-istudji tiegħu fl-università ta’ Pavia, Karlu Borromeo għodos fit-tejoloġija tar-Ragħaj it-Tajjeb.
Ġesù jgħid: “Għalhekk iħobbni l-Missier, għax jien nagħti ħajti, biex nerġà neħodha. Ħadd ma jeħodhieli, iżda jien nagħtiha minn rajja, għandi setgħa li nagħtiha, u għandi setgħa li nerġà neħodha; Din hi l-ordni li ħadt mingħand Missieri”.(Ġw 10, 17-18)
L-imħabba li tħallina nagħrfu f’Ġesù Kristu, tirrivela lil Alla li huwa mħabba. Tirrivela lill-Missier.
Huwa propju l-Missier li jirrivela ruħu fl-Iben, li hu r-Ragħaj it-Tajjeb, u li joffri ħajtu għan-nagħaġ (cf. Ġv 10, 15).
Karlu Borromeo, tul l-istudji tiegħu, għaraf dejjem iktar b’mod profond il-misteru bla tarf ta’ Alla. U skopra dejjem iktar f’dan il-misteru lilu nnifsu, il-vokazzjoni tiegħu.
Ilr-ragħaj futur tal-Knisja Milaniża u kardinal – marbut mal-Konċilju ta’ Trento – tgħallem il-vokazzjoni tiegħu u l-missjoni tiegħu fis-sorsi supremi tat-tejoloġija.
“Infatti l-kelma ta’ Alla hija ħajja, effettiva u taqtà iktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed u tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb” (Eb 4, 12).
4. Fit-tejoloġija tar-Ragħaj it-Tajjeb isib is-sies tiegħu kapitlu partikolari tal-attività ta’ San Karlu; is-seminarji ekkleżjastiċi.
Huwa, infatti, kien eżemplari, fost l-isqfijiet ta’ żmienu, fl-applikazzjoni tad-direttivi famużi tal-Konċilju ta’ Trento li kienu jikkonċernaw dan il-punt. Kien fehem sewwa ħafna kif ir-riforma mixtieqa mis-santi padri kellha ssib wieħed mill-punti ewlenin ta’ appoġġ f’tiġdid profond tal-istruzzjoni u tad-drawwiet tal-kleru. Huma r-rgħajja t-tajba li jifformaw l-insara tajbin. U kif il-ħażin taż-żmien kien fil-parti l-kbira dovut għal kriżi tas-saċerdozju, hekk kien loġiku mistenni li r-rimedji kellhom jiġu – kif effettivament imbagħad wriet l-istorja – mir-rikoveru u mill-istima ta’ konċezzjoni vera tas-saċerdozju, flimkien ma’ tweġiba ġeneruża għall-vokazzjoni saċerdotali.
Biex jintlaħaq dan il-għan, it-tħejjija tas-saċerdoti futuri kellha tkun iktar attenzjoni, iktar metodika, iktar sistematika: hekk hu San Karlu li jiddedika ruħu b’żelu straodinarju u bi spirtu ta’ inizjattiva, u bl-użu għaqli tal-mezzi opportuni, għat-twaqqif ta’ diversi djar, fejn iż-żgħażagħ li kienu qegħdin iħejju ruħhom għas-saċerdozju setgħu bmod adegwat jilħqu l-għan permezz tal-preżenza ta’ għalliema ta’ valur u ħajja komuni, ispirata u għal klima profonda ta’ karità u ta’ spiritwalità: kienu appuntu s-seminarji. Huwa waqqaf tlieta f’Milan u tlieta fid-dijoċesi, bla ma nitkellmu mbagħad dwar il-“kulleġġi”, li, għalkemm fihom infushom kienu maħluqa għall-formazzjoni taż-żgħażagħ lajċi universitarji, bdanakollu, minħabba l-klima ta’ livell morali għoli li bih kienu nfurmati, setgħu sewwa jitqiesu bħala mxietel possibbli ta’ vokazzjonijiet ekkleżjastiċi jew reliġjużi.
5. Diġa student tal-università ta’ Pavia, San Karlu żamm, bħala ragħaj tal-Knisja Ambrożjana, rispett profond għall-għarfien u għall-istudji. Sentejn biss wara l-lawrija, billi kien jaf sewwa l-inkonvenjenzi materjali u morali li fihom kienu jinsabu parti kbira tal-istudenti ta’ tali università, beda jwettaq il-fondazzjoni ta’ istitut li kien jipprovdi għall-assistenza tagħhom ekonomika, morali u reliġjuża: hekk twaqqaf l-“Almo Collegio Borromeo”, li għadni kemm żort ftit ilu.
Fost l-opri l-oħra li waqqaf il-qaddis, dejjem bl-iskop li jippromwovi l-istruzzjoni u l-kultura, nistgħu nsemmu il-kulleġġ Elvetiku, il-kulleġġ tan-Nobili, l-Iskola ta’ Brera u b’mod partikolari l-Iskola tad-duttrina nisranija, li ukoll illum għadha tiffunzjona kważi xejn mibdula.
L-eżempju ta’ San Karlu huwa profondament stimulanti wkoll għal Pavia tallum, li żżomm tant responsabiltà fid-dinja tal-kultura universitarja u tal-formazzjoni taż-żgħażagħ. Jalla l-interċessjoni tal-qaddis tispira dak is-sens għaref kritiku li jmexxi għall għażla u l-prattika ta’ kultura nisranija awtentika u għal ħajja koerenti bil-fidi u mpenjata fl-isforz li tanima s-soċjetà bid-dawl u bil-qawwa tal-Vanġelu.
B’din ix-xewqa nsellem lil Pavia kollha, billi nindirizza qabel kollox ħsieb speċjali lir-ragħaj tagħha, Monsinjur Antonio Angioni u lill-awtoritajiet ċivili u militari hawnhekk miġbura. Insellem lis-saċerdoti, rġiel u nisa, billi ninkuraġġihom fl-impenn tagħhom ta’ xhieda ta’ konsagrati lil Alla, fiż-żelu tagħhom għall-katekeżi u għall-kura partikolari taż-żgħażagħ, tal-ħaddiema, tad-diżokkupati, tal-morda, tal-fqar.
Insellem lin-nies tal-kultura u lil dawk li jappartienu lill-kategoriji soċjali differenti; insellem liż-żgħażagħ u lill-anzjani; insellem liċ-ċittadini foqra kollha, b’mod speċjali lill- dawk li l-iktar qegħdin ibatu jew dawk milquta minn skomdu fiżiku jew spiritwali, li lilhom, fuq l-eżempju ta’ San Karlu, feħsiebni nindirizza imħabbti u s-solidarjetà, billi nistedinhom japprofondixxu dak “l-għarfien tal-imħabba”, li huwa r-ruħ ta’ kull riskatt u ħelsien tal-bniedem.
6. San Karlu għaraf l-imħabba . Huwa kien tgħallem iħobb hekk billi kien jimmedita speċjalment dwar Ġesù mislub: il-kontemplazzjoni tal-passjoni tal-Mulej akkumpanjatu tul ħajtu kollha, waqt li ġagħlha tiżviluppa b’mod insistenti fis-saċerdoti u fil-fidili. Hekk kien talab f’omelija li għamel fis-Sibt tat-tielet ġimgħa tar-Randan tal-1548: “Ħa tibqà magħna l-grazzja tiegħek, mal-isplendur tiegħek, bis-sħana tiegħek, Mulej Ġesù! Ħa tibqà fi qlubna, fir-rieda tagħna, fl-intelliġenza u fl-iktar profond tal-memorja. Agħmel li niftakru dejjem fik, li dejjem niftakru l-passjoni l-iktar krudila tiegħek, li dejjem b’għajnejn ir-ruħ u l-ġisem nikkontemplawk imsallab” (S. Caroli Borromaei, Homiliae, Milano 1747). Amen.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb