Omelija tal-Papa Ljun XIV fit-2 Ħadd tar-Randan

VIŻTA PASTORALI
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Parroċċa tat-Tlugħ ta’ Sidna Ġesù Kristu fis-Sema, f’Quarticciolo (Ruma)
It-II Ħadd tar-Randan, 1 ta’ Marzu 2026

Għeżież ħuti,

Qed nieħu pjaċir li ninsab fostkom u nista’ nisma’, flimkien magħkom, il-Kelma ta’ Alla flimkien mal-komunità parrokkjali kollha. Dan il-Ħadd iqegħidna quddiem il-vjaġġ ta’ Abraham (ara Ġen 12:1-4) u l-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù (ara Mt 17:1-9).

Flimkien ma’ Abraham kull wieħed u waħda minna jista’ jagħraf li jinsab fi vjaġġ. Il-ħajja hija vjaġġ li jitlob fiduċja, jitlob affidament għall-Kelma ta’ Alla li jsejħilna u li xi kultant jitlob minna li nħallu kollox. Allura nistgħu niġu ttentati naħarbu mill-prekarjetà bħal mejt li jħawwadna, waqt li hu proprju ġo fiha stess li nistgħu napprezzaw wegħda ta’ kobor mhux mistenni. Jiġrilna ta’ kuljum – għax id-dinja hekk tirraġuna – li nitilfu l-kejl ta’ kull ħaġa, nitħabtu biex ikollna kollox taħt kontroll. Imma b’dan il-mod nitilfu l-okkażjoni li niskopru t-teżor veru, il-ġawhra prezzjuża, kif jgħallimna l-Vanġelu, li b’sorpriża Alla ħbielna fl-għalqa tagħna (ara Mt 13:44).

Il-vjaġġ ta’ Abraham jibda b’telfa: l-art u d-dar li jħarsu l-memorja tal-imgħoddi tiegħu. Imma din isseħħ f’art ġdida u dixxendenza bla tarf, li fihom kollox isir barka. Aħna wkoll, jekk inħallu l-fidi ssejħilna għall-mixja, biex nirriskjaw deċiżjonijiet ġodda ta’ ħajja u mħabba, ma nibqgħux nibżgħu li ħa nitilfu xi ħaġa, għax inħossuna qed nikbru f’għana li ħadd ma jista’ jisirqilna.

Dan jgħaddu minnu wkoll id-dixxipli ta’ Ġesù, li jkejlu ruħhom ma’ vjaġġ, dak li kellu jeħodhom Ġerusalemm (ara Lq 9:51). Hemm, fil-Belt il-Qaddisa, l-Imgħallem kellu jwettaq il-missjoni tiegħu, u jagħti ħajtu fuq is-salib u jsir barka għal kulħadd u għal dejjem. Nafu kemm reżistenza għamlu Pietru u l-oħrajn kollha biex jimxu warajh. Imma riedu jifhmu li tista’ tkun barka biss jekk tegħleb l-istint tiegħek li tiddefendi ruħek u tilqa’ dak li Ġesù jafda lill-ġest Ewkaristiku: ir-rieda li tagħti ġismek bħala ħobż biex jittiekel, li tgħix u tmut biex tagħti l-ħajja. Dan huwa l-Ħadd, għeżież ħuti: huwa l-waqfa mill-mixja, li tiġborna madwar Ġesù. Ġesù jagħmlilna l-qalb, biex ma niqfux u biex nibdlu d-direzzjoni. Ma hemmx wegħda ikbar, ma hemmx teżor iktar prezzjuż milli ngħixu biex nagħtu ħajjitna!

Ftit qabel jum it-Trasfigurazzjoni, Ġesù kien fada lid-dixxipli tiegħu x’kellu jkun il-punt tal-wasla tal-vjaġġ li kienu qed jagħmlu, jiġifieri l-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. Tiftakru kif Pietru ħadha kontrih u r-reazzjoni ta’ Ġesù li qallu: “Int tfixkil għalija, għax m’intix tqis il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma qiegħed taħsibha ta’ bniedem li int!” (Mt 16:23). U hekk hu, sitt ijiem wara, Ġesù jitlob lil Pietru, Ġakbu u Ġwanni biex imorru miegħu sa fuq il-muntanja. Għadhom jidwu f’widnejhom dawk il-kelmiet ibsin biex tismagħhom; għad għandhom f’moħħhom ix-xbieha li għalihom kienet inaċċettabbli, tal-Messija kkundannat għall-mewt.

Hi din id-dalma interjuri tad-dixxipli li Ġesù jfarrak meta, fuq il-quċċata tal-muntanja, jidher quddiemhom ittrasfigurat f’dawl li jgħammex, li ma tistax tistħajlu. U f’din il-viżjoni glorjuża jidhru maġenbu anki Mosè u Elija, xhieda tal-fatt li f’Ġesù jseħħu l-Kitbiet kollha (ara Mt 17:2-3).

Għal darb’oħra Pietru jsir il-kelliem f’isem id-dinja qadima tagħna u l-ħtieġa ddisprata tagħha li twaqqaf kollox, li tikkontrolla. Xi ftit bħal meta ma rridux tispiċċa ħolma li fiha nistkennu. Imma din ta’ hawn mhijiex ħolma, imma dinja ġdida li fiha nidħlu: id-destinazzjoni tal-vjaġġ tagħna, destinazzjoni mimlija dawl u li għandha l-profil uman u divin ta’ Ġesù. Bl-għerejjex li jipproponi li jtella’, Pietru jrid iwaqqaf dan il-vjaġġ, li imma għandu jkompli sa Ġerusalemm (ara v. 4).

Il-leħen li jinstema’ ħiereġ mis-sħaba hu dak tal-Missier u qisu bħal karba: “Dan hu Ibni, il-maħbub, isimgħu lilu” (v. 5). Dan il-leħen jidwi llum għalina: “Isimgħu lil Ġesù!”. U jien, għeżież, hawn f’nofskom, nixtieq insir eku ta’ dik is-sejħa u ngħidilkom: Nitlobkom, ħuti, ejjew nisimgħuh! Hu jivvjaġġa magħna, illum ukoll, biex jgħallimna f’din il-belt il-loġika tal-imħabba inkundizzjonata, tal-abbandun ta’ kull difiża li ssir offiża. Nisimgħuh, nidħlu fid-dawl tiegħu biex insiru dawl tad-dinja, ibda mill-inħawi li fihom ngħixu. Il-ħajja kollha tal-parroċċa u tal-gruppi tagħha teżisti għal dan: hija servizz lid-dawl, servizz lill-ferħ.

Wara t-Trasfigurazzjoni fuq il-muntanja, il-vjaġġ ta’ Ġesù ma jiqafx hemm (ara v. 9). U anki l-Knisja, anki l-parroċċa tagħna tirċievi minn dan il-Vanġelu missjoni. Quddiem l-għadd ta’ problemi kumplessi ta’ dan it-territorju, li jagħfsu fuq il-jiem tal-ħajja tagħkom hawnhekk, intom qed tiġu fdati bil-pedagoġija tal-ħarsa ta’ fidi, li tittrasfigura f’tama kull ħaġa, u tiċċirkola l-passjoni, il-qsim, il-kreattività bħala kura tal-ħafna ġrieħi ta’ dan il-post.

Inħossni kuntent ħafna li nsir naf li din il-komunità parrokkjali hija komunità ħajja u vivaċi u li, minkejja l-problemi gravi tal-kuntest territorjali, hi tagħti xhieda qalbiena tal-Vanġelu. Taħt il-motto programmatiku “Nagħmlu Komunità”, din il-parroċċa bdiet mixja biex issaħħaħ is-sens ta’ appartenenza u l-akkoljenza, b’dirgħajha miftuħa, ta’ kulħadd, tassew ta’ kulħadd! Ninsab kuntent u nagħmlilkom il-qalb: ibqgħu mexjin ’il quddiem f’din it-triq ta’ ftuħ għat-territorju u ta’ kura tal-ġrieħi tiegħu. U nittama li oħrajn jingħaqdu magħkom biex tkunu hawn fil-Quarticciolo ħmira li ttella’ l-għaġna ta’ tjieba u ta’ ġustizzja.

Anki l-impenn tagħkom iż-żgħażagħ jixraqlu li jiġi inkuraġġit. Fil-mixja “Magis”, li intom ippreżentajtu ftit tal-ħin ilu u li ilha xi snin tiġi proposta hawn, hemm riferiment għall-“iżjed”, li dwaru jitkellem Sant’Injazju ta’ Loyola fl-Eżerċizzi Spiritwali. Huwa stimolu għall-adolexxenti biex jegħlbu l-medjokrità billi jagħżlu ħajja kuraġġuża, awtentika u tajba, li ssib f’Ġesù Kristu l-“Magis” per eċċellenza tagħha.

Għeżież ħuti, intom sinjal ta’ tama. Id-dawl tat-Trasfigurazzjoni hu diġà preżenti f’din il-komunità, għax hawn jaħdem il-Mulej u għax ħafna minnkom temmnu fil-qawwa ħelwa tiegħu li kollox tibdel. Meta nintebħu li tant ħwejjeġ madwarna mhumiex sejrin sew, xi drabi jiġina li nistaqsu: imma għandu sens dak li qed nagħmlu? Tindiehes it-tentazzjoni tal-qtigħ il-qalb, bit-telfien ta’ motivazzjonijiet u ta’ ħeġġa. Imma hu proprju quddiem il-misteru tal-ħażen li rridu nagħtu xhieda tal-identità tagħna ta’ Nsara, ta’ persuni li jridu jaħdmu biex tidher is-Saltna ta’ Alla fil-postijiet u fiż-żminijiet li fihom ngħixu. Dan hu l-awgurju tiegħi għalikom ilkoll, għal din il-komunità parrokkjali u għal tant aħwa li għadhom ma sabux f’Ġesù l-veru dawl u l-veru ferħ.

Quddiem dak kollu li jisfigura lill-bniedem u l-ħajja, aħna nkomplu nħabbru u nagħtu xhieda tal-Vanġelu, li jittrasfigura u jagħti l-ħajja. L-Imqaddsa Verġni Marija Omm il-Knisja timxi dejjem magħna u tidħol għalina.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading