Messaġġ tal-Papa Ljun XIV fl-Angelus tat-2 Ħadd tar-Randan

IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
It-Tieni Ħadd tar-Randan, 1 ta’ Marzu, 2026

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Illum, l-Evanġelju tal-liturġija jpinġielna ikona mimlija dawl, bir-rakkont tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej (cfr Mt 17,1-9).  Biex jippreżentahielna, l-Evanġelista jbill il-pinna tiegħu fil-memorja tal-Appostli u jpinġi lil Kristu bejn Mosè u Elija.  Il-Verb magħmul bniedem jinsab bejn il-Liġi u l-Profezija: Hu li hu l-Għerf ħaj li jwassal għall-milja kull kelma divina.  Kulma Alla ordna u nebbaħ bih lill-bnedmin isib manifestazzjoni sħiħa u definittva f’Ġesù.

Bħal dakinhar tal-magħmudija fil-Ġordan, illum ukoll, fuq il-muntanja, nisimgħu leħen il-Missier, li jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż” waqt li l-Ispirtu s-Santu jdawwar lil Ġesù bi “sħaba ta’ dawl” (Mt 17,5).  L-Evanġelju juża din l-espressjoni, verament partikolari, biex juri kif Alla jirrivela lilu nnifsu.  Meta jimmanifesta ruħu, il-Mulej jagħmel l-abbundanza tiegħu viżibbli għal ħarsitna: weqfin quddiem Ġesù, li wiċċu jiddi “bħax-xemx” u lbiesu jsiru “bojod bħad-dawl” (cfr v. 2), id-dixxipli jammiraw il-glorja umana ta’ Alla.  Pietru, Ġakbu u Ġwanni jikkontemplaw glorja umli, mhux esibizzjoniżmu għall-folol, iżda dehra ta’ intimità solenni.

It-Trasfigurazzjoni tantiċipa d-dawl tal-Għid, ġrajja ta’ mewt u qawmien mill-imwiet, ta’ dlam u dawl ġdid li Kristu jxerred fuq l-iġsma kollha flaġellati bil-vjolenza, fuq l-iġsma msallbin bl-uġigħ, fuq l-iġsma abbandunati  fil-miżerja.  Infatti, filwaqt li l-ħażen lill-ġisem tagħna jirriduċieh f’merċa għat-tpartit jew f’massa anonima, propju dan l-istess ġisem jiddi fil-glorja ta’ Alla.  B’dal-mod, ir-Redentur jittrasforma l-pjagi tal-istorja, idawlilna moħħna u qalbna: ir-rivelazzjoni tiegħu hi sorpriża ta’ salvazzjoni!  Jaffaxxinana dan?  Il-veru wiċċ ta’ Alla jsib fina ħarsa ta’ meravilja u ta’ mħabba?

It-tweġiba ta’ Alla għad-disperazzjoni tal-atejiżmu hi d-don ta’ Ibnu Salvatur; l-Ispirtu s-Santu jirhana mis-solitudni anjostika billi joffrielna komunjoni eterna ta’ ħajja u ta’ grazzja; quddiem il-fidi dgħajfa tagħna hemm it-tħabbira tal-qawmien li għad irid iseħħ: dan hu dak li raw id-dixxipli fid-dawl jgħammex ta’ Kristu, imma biex dan jinftiehem hemm bżonn iż-żmien (cfr Mt 17,9).  Żmien ta’ silenzju biex nisimgħu l-Kelma, żmien ta’ konverżjoni biex induqu l-ħlewwa tal-kumpanija tal-Mulej.

Aħna u nġarrbu dan kollu matul dar-Randam nitolbu lil Marija, Għallliema tat-talb u Kewkba ta’ filgħodu, biex tħarsilna l-mixja tal-fidi tagħna.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Qed insegwi bi preokkupazzjoni kbira dak li qed jiġri fil-Lvant Nofsani u fl-Iran, f’dawn is-siegħat drammatiċi.  L-istabbiltà u l-paċi ma jiġux bit-theddid reċiproku u lanqas bl-armi li jiżirgħu qerda, niket u mewt, imma biss permezz ta’ djalogu raġonevoli, awtentiku u responsabbli.

Quddiem il-possibbiltà ta’ traġedja ta’ proporzjoniet enormi, indur lejn il-partijiet li qed jiġġieldu u minn qigħ qalbi nistedinhom jassumu r-responsabbiltà morali u jwaqqfu l-ispirali ta’ vjolenza qabel ma ssir dagħbien irreparabbli!  Jalla d-diplomazija ssib mill-ġdid l-irwol tagħha għall-promozzjoni tal-ġid tal-popli mxennqin għal konvivenza paċifika msejsa fuq il-ġustizzja.  Inkomplu nitolbu għall-paċi.

Minbarra dan, dal-ġranet qed jaslu aħbarijiet preokkupanti dwar ġlied bejn il-Pakistan u l-Afghanistan.  Nagħmel appell urġenti biex jerġgħu lura għad-djalogu.  Nitolbu flimkien sabiex fil-kunflitti kollha ta’ madwar id-dinja jsaltan il-ftehim.  Il-paċi biss, don ta’ Alla, tista’ tfejjaq il-feriti bejn il-popli.

Jien qrib il-popolazzjonijiet tal-Istat Brażiljan ta’ Minas Gerais, li ntlaqtu minn għarar vjolenti.  Nitlob għall-vittmi, għall-familji li tilfu djarhom u għal kulmin hu impenjat biex jagħti l-għajnuna.

B’għożża nsellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini minn pajjiżi varji,  partikolarment lill-grupp ta’nies mill-Kamerun li jgħixu f’Ruma, akkumpanjati mill-President tal-Konferenza Episkopali ta’ dak il-pajjiż, li, jekk il-Bambin irid, se jkolli x-xorti li nżur fix-xahar ta’ April.

Nagħti merħba lill-fidili mid-Djoċesi ta’ Iaşi fir-Rumanija, lil dawk minn Budimir qrib Košice fis-Slovakkja, minn Massachusetts fl-Istati Uniti u lill-Konfraternità tas-Santísimo Cristo de la Buena Muerte minn Jaén, fi Spanja.

Insellem lill-fidili minn Napli, Torre del Greco u Afragola, Caraglio u Valle Grana, minn Comitini, Crotone, Silvi Marina u lil dawk mill-parroċċa San Luigi Gonzaga f’Ruma; kif ukoll lill-kapijiet tal-iscouts tal-grupp “Val d’Illasi”, qrib Verona, u lill-adoloxxenti li għadhom kif irċevew is-Sagrament tal-Konfermazzjoni, minn Faenza.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading