“Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex.
Ruħi bil-għatx għalik,
Għalik imxennaq jiena,
Bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.
Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek,
biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek” (Salm 63:2-3) (5 sek pawsa)
Mulej, għalhekk ġejna hawn illum, fit-Tempju Mqaddes tiegħek, mixħutin quddiem il-preżenza reali tiegħek, għax aħna mxenqa biex inkun fil-preżenza tiegħek; aħna bil-għatx għall-imħabba, għall-ħniena u l-maħfra tiegħek. (3 sek pawsa)
“Bħalma għażżiela tixxennaq għan-nixxigħat tal-ilma,
Hekk tixxennaq ruħi għalik, o Alla.
Ruħna għatxana għal Alla, għal Alla l-ħaj.” (Salm 42:2-3)
Ruħna għatxana għall-ilma ħaj, dak li l-ilma li tagħtina Int, O Sinjur. Għax Int l-ilma tal-ħajja; Inti l-ilma li jwassalna sal-ħajja ta’ dejjem. U kif Int bil-għatx għal kull wieħed u waħda minna, għall-imħabba tagħna, għar-ruħ midinba li tixtieqha dduq mill-ilma veru li jimla l-qalb, u jagħtiha l-veru ferħ, il-veru paċi. Hekk aħna o Maħbub, imxennqa biex inkunu ħaġa waħda miegħek, biex nieħdu u nimtlew bil-grazzja tiegħek. Mulej tħallina qatt li ninfirdu minnek, mill-preżenza tiegħek, minn dan l-ilma tal-ħajja, li huwa Int.
Silenzju 3min
Innu: ____________
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann Ġw 4:5-15,19b-26,39a,40-42
F’dak iż-żmien, Ġesù ġie f’belt tas-Samarija, jisimha Sikar, qrib il-biċċa art li Ġakobb kien ta lil ibnu Ġużeppi, fejn kien hemm ukoll il-bir ta’ Ġakobb. Kien għall-ħabta tas-sitt siegħa, u Ġesù, għajjien kif kien mill-mixi, qagħad bilqiegħda ħdejn il-bir.
U ġiet mara mis-Samarija timla l-ilma. Ġesù qalilha: “Agħtini nixrob”. Id-dixxipli tiegħu kienu marru l-belt jixtru x’jieklu. Il-mara mis-Samarija qaltlu: “Kif! Inti Lhudi u titlob lili, Samaritana, biex nagħtik tixrob?”. Qaltlu hekk għax il-Lhud ma jitħalltux mas-Samaritani. Ġesù weġibha: “Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek: ‘Agħtini nixrob’, kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj”. Qaltlu l-mara: “Sinjur, mnejn se ġġib l-ilma ħaj jekk anqas biex timla ma għandek u l-bir huwa fond? Jaqaw int aqwa minn missierna Ġakobb li tana dan il-bir, li minnu xorob hu u wliedu u l-imrieħel tiegħu?”.
Weġibha Ġesù: “Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa’ jagħtih l-għatx; imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn tal-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem”. Qaltlu l-mara: “Agħtini dan l-ilma, Sinjur, biex ma jaqbadnix l-għatx, u anqas ma noqgħod ġejja u sejra hawn nimla l-ilma.
Int profeta, Sinjur, milli qiegħda nara. Missirijietna kienu jaduraw lil Alla fuq din il-muntanja; imma intom tgħidu li l-post fejn wieħed għandu jadura lil Alla jinsab f’Ġerusalemm”. Qalilha Ġesù: “Emminni, mara, jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f’Ġerusalemm. Intom taduraw lil dak li ma tafux; aħna naduraw lil dak li nafu, għax is-salvazzjoni ġejja mil-Lhud. Imma tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u fil-verità. Għax il-Missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh. Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u fil-verità”. Qaltlu l-mara: “Jiena naf li ġej il-Messija – dak li jgħidulu Kristu. Meta jiġi hu, kollox iħabbrilna”. Qalilha Ġesù: “Jiena hu, li qiegħed nitkellem miegħek”.
Kien hemm ħafna Samaritani minn dik il-belt li emmnu f’Ġesù fuq ix-xhieda li tathom dik il-mara tant, li meta ġew ħdejh, bdew jitolbuh biex jibqa’ magħhom, u hu qagħad hemm jumejn. Imbagħad ħafna oħrajn emmnu minħabba kliemu, u lill-mara qalulha: “Issa mhux għax għedtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja”.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
Mulej Ġesù, Int mort bilqegħda mal-bir ta’ Gakobb, in-naħa tas-Samarija, fejn hemmhekk ħloqt djalogu ma’ mara Samaritana. Diġa’ kien kważi skandlu li Lhudi jkellem Samaritan, aħseb u ara jkellem mara Samaritana; u iktar u iktar, meta din il-mara kienet toħroġ biex timla l-ilma fl-eqqel tax-xemx, biex taħrab mit-tqassis tan-nies.
Imma Int o Sinjur, ma ġudikajthiex lil dik il-mara, u lanqas ma kkundannajtha bħalma kien jiġri s-soltu. Imma b’kumpassjoni kbira dħalt fi djalogu magħha, biex teħlisha mil-ħafna tgħabbija tal-ħajja. Tlabtha tagħtik tixrob. U f’dan id-djalogu, Inti tajtha l-ilma tal-ħajja, l-Kelma tiegħek, l-grazzja tiegħek li wassalha biex tibdel ħajjitha, u ssib dak li dejjem xtaqet. (5 sek pawsa)
Mulej, agħtina l-grazzja, li aħna wkoll inħalluk tidħol fi djalogu magħna. Int li taf il-qalb tagħna, t-toqol tagħna, l’hemm u d-dnub tagħna; tistedinna biex nersqu lejk u niftħu qalbna miegħek, għax Int ta’ qalb ħelwa u umli; u dejjem lest timliena bl-ilma veru tal-ħajja, li huwa Int. O Maħbub, ħallini nixorbu mill-għajn tal-Kelma tiegħek, u l-Ewkaristija, u ibdel il-qalb tagħna, fejjaq il-ġrieħi tagħna; agħmilna ħolqien ġdid, u agħtina l-veru paċi li Int biss tista’ tagħti.
Silenzju 2 min
Mulej, nixtieq li nidħlu fil-profond, u nilqgħu r-relazzjoni ta’ ħbieberija li toffrilna Int. Għax huwa Int biss li tagħtina l-Ħajja ta’ dejjem, l-ilma li jaqta’ l-għatx tal-ħajja tagħna.
Agħtina l-grazzja, li aħna wkoll bħas-Samaritana, morru mal-bir ta’ Gakobb u nilqgħu lilek; nafdawk iżjed, u nħallu lilna nnfusna kompletament f’idejk, għax Int ħejjejtilna post fis-Saltna tiegħek. Għinna niftakru, li f’din id-dinja, aħna biss pellegrini, u mexjin fi vjaġġ lejn is-sema pajjiżek. (5 sek pawsa)
Sinjur, imliena bik, u agħtina l-grazzja tiegħek, ħalli verament il-bidla li tagħmel fina, twassalna li bħas-Samaritana, nkunu xhud ħaj tiegħek fost il-bnedmin. Ħalli bil-kliem u l-imġiba tagħna, nwasslu lil oħrajn, li huma wkoll jagħmlu esperjenza tiegħek, billi jersqu lejn il-fonti tal-imħabba u l-grazzja tiegħek; u fik isibu l-veru paċi li tant jixtiequ.
Silenzju 3 min
Innu: ____________
Talbiet tal-Komunitá
Il-Mulej Alla tagħna, bagħat lil Ibnu biex isalvana. Mimlijin b’fiduċja fit-tjieba tiegħu, nressqu quddiem dawn it-talbiet u ngħidu: Mulej agħtina l-ispirtu tiegħek.
Mulej Ġesù, Int tlabt l-ilma lis-samaritana: agħmel li l-Knisja tkun ġeneruża ma’ dawk li jitolbuha tgħinnhom fil-ħtiġijiet tagħhom. Nitolbu. Mulej agħtina l-ispirtu tiegħek.
Mulej Ġesù, Int tajt l-ilma lis-samaritana, għax għalik kull bniedem u l-istess fid-dinjità: agħmel li l-mexxejja politiċi, jagħrfu jirrispettaw id-dinjità ta’ kull persuna, hi ta’ liema razza hi. Nitolbu. Mulej agħtina l-ispirtu tiegħek.
Mulej Ġesù, Int stqarrejt lis-samaritana, li Int il-Messija tant mistenni: fittex uri wiċċek lill-popli li għadhom ma għarfukx, biex Int tkun magħruf u maħbub. Nitolbu.
Mulej agħtina l-ispirtu tiegħek.
Mulej Ġesù, Int offrejt lis-samaritana l-ilma li jaqta’ l-għatx: agħmel li matul dan ir-Randan, infittxu dejjem iżjed li nimmedittaw u ngħixu l-Kelma tiegħek. Nitolbu.
Mulej agħtina l-ispirtu tiegħek.
Ejjew fil-mumenti ta’ skiet nagħmlu t-talba personali tagħna.
Tingħata l-Barka Sagramentali: