KONĊELEBRAZZJONI SOLENNI EWKARISTIKA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Arona (Novara) – Il-Ħadd, 4 ta’ Novembru 1984
1. “Il-Mexxej tagħna wieħed hu, Ġesù Kristu” (Mt 23, 10).
L-Imgħallem divin, mibgħut mill-Missier biex isalvana, żvolġa l-missjoni tiegħu billi mexa mat-toroq tal-Galilea, tas-Samarija u tal-Ġudea. Ġera bla jaqta it-toroq tal-Palestina biex iġib il-ferħ u s-sabar tal-bxara t-tajba, bla ma kellu fejn imidd rasu.
Lis-segwaċi tiegħu, u waqt li attwa l-mandat tiegħu, l-appostli wasslu l-messaġġ evanġeliku lill-ġnus kollha u żaru l-komunitajiet insara tal-bidu, waqt li sostnewhom bl-għajnuna ta’ kelmithom u tal-preżenza tagħhom (cf. At 8, 14).
Dan l-itinerarju pastorali inżamm tul l-istorja kollha tal-Knisja u l-Konċilju ta’ Trento reġà qabbdu billi tah konferma u effett.
San Karlu attwa din id-deċiżjoni konċiljari b’perseveranza kbira u dedikazzjoni nstankabbli. Illum ninsab hawn magħkom, fuq il-vjaġġ ta’ San Karlu Borromeo, fil-post li ra l-bidu tal-pellegrinaġġ terren tiegħu.
Hawn, f’Arona, fejn huwa ra d-dawl tax-xemx u twieled, bil-Magħnudija, għall-ħajja tal-grazzja, irrid magħkom nippenetra fl-intimu tal-ħajja nterna ta’ dan id-dixxiplu kbir u segwaċi tas-Salvatur.
F’din iċ-ċittadina San Karlu rritorna diversi drabi bħala ragħaj pront, hawn iċċelebra l-aħħar quddiesa tiegħu, fl-1° ta’ Novembru tal-1584, waqt li minn Arona u Cannobio kien sejjer Milan, fejn miet tlett ijiem wara.
F’dan il-post, li jgħasses uħud mir-reikwi meqjuma tiegħ u li jfakkru b’devozzjoni l-qdusija famuża personali u l-attenzjoni nkomparabbli ta’ ragħaj permezz ta’ statwa ġganteska, jiena, f’għaqda fraterna mal-isqof tagħkom Monsinjur Aldo Del Monte, nindirizza t-tislima tiegħi lill-awtoritajiet hawn preżenti, billi nawgura favuri ċelesti abbundanti tal-ġid komuni. Insellem lilkom, għrżież ħuti koċittadini ta’ San Karlu. Ħsieb partikolari mbagħad imur għalikom, żgħażagħ, li bil-preżenza festuża tagħkom tagħmlu kuruna ferrieħa lil din l-assembleja tagħna u tfakkru bl-entużjażmu tagħkom kif Kristu jixraqlu l-istess dedikazzjoni nkondizzjonata, li tagħha kien kapaċi San Karlu. Kunu denji tat-tradizzjoni nobbli u għanja tagħkom li tmur lura għal San Karlu! Sfurzaw biex tkunu nsara awtentiċi. Jalla x-xhieda mogħtija minn ragħaj hekk kbir ma tintilifx, imma tkun mgħassa bħal ġid prezzjuż, fil-Knisja kollha, u b’mod speċjali fl-art ta’ San Karlu.
2. Qaddis mimli żelu għall-ġid, għani fl-imħabba għal Alla u għall-proxxmu, huwa kien u hu mudell ta’ żelu u ta’ karità.
Ir-reliġjożità u l-attenzjoni ta’ missieru Ġilbertu lejn il-foqra tnaqqxu fih sa minn żgħoritu. Tant hu hekk li, ta’ tnax-il sena biss, irċieva “in commendam” l-abbazija tal-qaddisin Gratiniano u Felino ta’ Arona, u ddeċieda li juża l-elfejn skud li kien imissu favur il-fqar.
Eżempju ta’ ħniena ta’ għajnuna, tant dejjem preżenti fil-ħajja bħalma jikteb San Pawl fl-ewwel Ittra lill-Korintin (1 Kor 14, 4-5), fil-kapitolu 13: “L-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba mhijiex għajjuraa , ma tintefahx biha nfisha . . . imma tifraħ bil-verità. Kollox tagħder, kollox temmen, kollox tissaporti. L-imħabba ma tintem qatt”. Maħtur isqof, huwa ġab għajnuna, b’mod speċjali tul il-perijodu tal-pesta, lill-morda, lit-tallaba u lill-foqra l-oħra, billi kisbilhom assistenza, ikel, ilbies u f’post fejn setgħu jsibu rifuġju. Biex għamel dan ċaħħad lilu nnifsu minn bosta ħwejjeġ li kellu fil-palazz arċiveskovili, billi żamm għalih innifsu biss dak li kien strettament meħtieġ.
3. Aħna, issa, waqt li naħsbu fih f’din il-belt, li tatu l-ħajja, nistgħu nimmaġinaw sewwa li fis-skiet u s-solitudni ta’ dan il-post huwa, missier tal-Knisja Milaniża, kardinal legat fil-Konċilu ta’ Trento, bla dubju mmedita iktar minn darba dan il-kliem: “Imma intom tħallux min isejħilkom “rabbi”, għaliex l-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa . . . għaliex wieħed huwa Missierkom, dak tas-sema, U tħallux min isejħilkom “għalliema”, għaliex wieħed biss huwa l-Għalliem tagħkom, Kristu” (Mt 23, 8-10).
Karlu Borromeo iktar minn darba – u għal mottivi differenti – kien imsejjaħ “missier”: missier tal-Konċilju, Missier is-saċerdoti tiegħu, missier il-foqra u l-batuti. Missier il-poplu kollu tal-Knisja Milaniża. Imma kien jaf sewwa li din il-“paternità multipla fis-sema u fl-art” tieħu l-isem u l-kontenut tagħha minn Missier uniku. Huwa ffissa ħarstu fuq Alla, billi rripeta dejjem il-Missierna u billi qiegħed lilu nnifsu quddiem dan il-Missier bis-sempliċità ta’ tifel, ta’ iben tal-addozjoni divina.
Bl-għarfien ta’ Alla, il-Mulej tal-ħajja, bħala ħallieq u Missier tiegħu u tal-bnedmin, kien ukoll ħu dawk kollha li kienu afdati għall-attenzjoni pastorali tiegħu. U bħala isqof għex il-missjoni u l-uffiċċju li jkun l-edukatur tagħhom fil-fidi, bħala isqof qaddis kien mgħallem eżemplari, li aspira unikament li jkun ħaġa waħda ma’ Kristu, sabiex, permezz tiegħu, isqof u mgħallem, Kristu biss kien Ragħaj u Mgħallem.
4. “Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom” (Mt 23, 11).
Karlu Borromeo, bil-qawwiet kollha tiegħu, xtaq ikun qaddej tal-Knisja, qaddej tal-poplu, qaddej tal-erwieħ.
U kien grat lejn dawk li kien jaqdi, minħabba l-fatt li setà b’umiltà jaqdi fihom lil Kristu, konxju tat-tagħlim tas-Salvatur li jgħd: “Kull darba li għamiltu dawn il-ħwejjeġ ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25, 40).
Kienu għeżież għalih dawn is-sentimenti ta’ rikooxxenza, li l-Appostlu Pawlu jesprimi fl-Ittra tiegħu lit-Tassalonkin: “Aħna niżżu ħajr lil Alla bla heda, talli l-kelma ta’ Alla, li intom smajtu mingħandna. Ilqajtuha mhux bħala kelma ta’ bniedem, iżda b’kelma ta’ Alla kif tassew hi, dik il-kelma li qiegħda taħdem fikom li emmintu” (1 Ts 2, 13).
Kien grat.
Kien grat lejn Alla għaliex setà jaqdi lill-bnedmin bil-verità tal-kelma ta’ Alla. Tali gratitudni hija sinjal ta’ umiltà.
5. San Karlu Borromeo kien tassew umli quddiem Alla l-Missier, quddiem Ġesù Kristu l-Imgħallem u quddiem il-bnedmini, li għalihom kien ġie mibgħut.
Din l-umiltà tal-qaddej, tal-appostlu, tar-ragħaj hija sinjal ta’ mħabba: ta’ dik l-imħabba li omm ikollha lejn uliedha: imħabba li tirregala l-ħajja u li allura timpenjaha bħala eżistenza fil-karità, li xejn ma żżomm, imma tirregala fis-sbuħija tal-offertà totali tagħha nfisha.
Jesprimiha b’mod tassew meraviljuż l-Appostlu Pawlu fit-tieni qari tallum: “Ġibna ruħna magħkom bil-ħlewwa, bħalma omm tradda tħaddan lil uliedha. Aħna għożżejniekom hekk li ridna naqsmu magħkom mhux biss l-Evanġelju ta’ Alla imma wkoll ħajjitna stess daqskemm ħabbejniekom” (1 Ts 2, 7-8). Dixxiplu u segwaċi ta’ Kristu, ukoll Karlu tgħallem direttament mingħand l-Imgħallem tiegħu li hemm bżonn “jagħti ħajtu” sa l-aħħar, sal-eżawriment tal-forzi kollha tiegħu fil-Knisja Milaniża. Huwa jistà jtenni mal-Appostlu: “Intom tiftakrum ħuti, fit-taħbit u t-tbatija kbira tagħna. Sakemm konna qegħdin inxandrulkom l-Evanġelju ta’ Alla, aħna ħdimna billejl u binhar, biex lil ħadd minnkom ma ngħabbu” (1 Ts 2, 9).
6. Ħabbarna. bil-kelma, iva, imma mhux biss bil-kelma, bix-xhieda tal-ħajja kollha, li ffurmat qabel kollox fil-profond ta’ qalbu, fil-moħba tat-talb, fil-konċentrazzjoni tal-komunikazzjoni mal-Missier u mal-Iben u fl-Ispirtu Santu, fl-ubbidjenza nterna lejn l-Imgħallem.
Forsi l-kliem tas-salm tal-liturġija tallum jiġbor fih eku ta’ din it-talba, li hawn – f’Arona – ippronunzjaw xuftejn u qalb Karlu: “Mulej ma tkabbritx qalbi / anqas ma ntrefgħu għajnejja; / jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar, / jew ħwejjeġ ogħla minni” (Sal 131, 1).
Bdanakollu kien dejjem imsejjaħ għal “ħwejjeġ kbar”. Imqiegħed quddiem xogħlijiet notevoli, hemm setà jidħol għaihom u jwettaqhom skont il-bżonnijiet tal-Knisja taż-żmien diffiċli tiegħu, għaliex immexxi mit-tama soprannaturali u mill-fiduċja filjali, imwielda mill-kontemplazzjoni tal-misteri ta’ Kristu.
“Jiena trankwill u seren / bħal tarbija f’ħoġor ommha / bħal tarbija miftuma hekk hi ruħi ġewwa fija. / Ittama, Iżrael, fil-Mulej / minn issa u għal dejjem” (Sal 131, 2-3).
7. Fost it-tibdil kbir tal-istorja li regħdu l-istrutturi nfishom tal-Knisja, Karlu Borromeo – il-bniedem ta’ Alla, il-bniedem tat-tama nkrollabbli, għaliex bniedem tat-talb kostanti u tenaċi – baqà sur u dawl mhux biss għan-nies ta’ żmienu, imma wkoll għal ħafna ġenerazzjonijiet li, billi ġew warajh, kellhom jitilgħu fl-eternità, li għaliha huwa msejjaħ il-poplu ta’ Alla fuq l-art.
Għal dan il-għan il-predeċessur tiegħi Pawlu VI, meta kien arċisqof ta’ Milan, kien talbu waqt li qal: “Iħeġġeġ San Karlu fi qlubna l-ansjetà tat-tajjeb, ibiegħed minna l-egoiżmu, iriegħed l-indifferenza, iħawwad il-pessimiżmu, iħarrab id-dwejjaq.
Jiskoprilna l-viżjoni tal-ħażin ta żmienna, u jibdlu fi stimolu għall-penitenza, għall-azzjoni, għall-karità.
Jagħtina San Karlu l-fiduċja li d-dinja tistà tkun salvata, minn Kristu mhux minn oħrajn; u li l-Knisja tistà tkun imsaħħa, minnha nfisha mhux minn oħrajn. Jagħmilna San Karlu nifhmu r-riforma vera; dik li tħobb, u mhux tobgħod; li tgħin, u ma tikkritikax; li mhux iġġarraf, imma tirrestawra; ma tivvintax, imma tiżviluppa; li ma tiqafx, imma tkompli.
Jirrendina San Karlu kapaċi nwettquha, din ir-riforma li timmarċja, lejn il-qdusija u lejn il-brillantezza tal-ħajja nisranija, għall-ġustizzja u għall-paċi tal-klassijiet soċjali, għad-difiża tal-umli u għall-konsolazzjoni tal-batuti” (G. B. Montini, Discorsi su san Carlo, Milano 1984, pp. 32-33).
Hija wkoll din it-talba tiegħi, l-awgurju tiegħi u r-rikordju tiegħi għalikom, għeżież koċittadini ta’ San Karlu.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb