Ġwanni Pawli II f’Ponte Milvio

VIŻTA FIL-PARROĊĊA TAL-KBIRA OMM ALLA F’PONTE MILVIO
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 11 ta’ Novembru 1984

1. “Is-saltna tas-smewwiet ixebbħuha ma’ għaxar xebbiet li . . . li ħarġu biex jilqgħu l-għarus” (Mt 25, 1).

Min hu dan l-għarus? Il-figura tal-Għarus, li titkellem dwar imħabba diżinteressata, hija b’mod profond miktuba fil-Kotba tat-Testment il-Qadim u l-Ġdid. Din hija l-imħabba li biha Alla “jirregala lilu nnifsu”. Mhux biss jirrivela lilu nnifsu fir-rigali numerużi u differenti tal-ħolqien imma hu stess isir ir-Rigal għall-bniedem li jgħix fil-komunita tal-Poplu ta’ Alla: ir-Rigal għall-ħajja eterna f’Alla.

Il-poplu ta’ Iżrael għaraf din il-verità dwar Alla fil-Patt il-Qadim, b’mod speċjali permezz tat-tagħlim tal-Profeti.

Din il-verità dwar Alla fl-aħħar kienet rrivelata f’Ġesù Kristu: “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħbieni . . .” (Ġw 3, 15)

U l-Iben wettaq din l-imħabba tal-Missier permezz tal-Vanġelu tiegħu. U fl-aħħar wettaqha permezz tas-Salib u tal-Qawmien mill-Imwiet. Fis-Salib u fil-Qawmien mill-Imwiet l-imħabba ħanina ta’ Alla għall-umanità kollha assumiet qawwa redentriċi.

L-Għarus li dwaru titkellem il-parabbola tallum, huwa r-Redentur tad-dinja. Fil-qawwa ta’ mħabbtu redentriċi Ġesù Kristu sar l-Għarus tal-Knisja, l-Għarus ta’ kull ruħ umana fil-komunità kbira interpersonali tal-Poplu ta’ Alla  .

2. Il-parabbola titkellem dwar għaxar xebbiet li ħarġu jiltaqgħu mal-Għarus. B’dan il-mod din tirreferi għall-prattika ta’ dak iż-żmien marbuta maċ-ċerimonja nuzjali.

Permezz ta’ din ir-referenza, permezz ta’ din iċ-ċifra simbolika tal-għaxar xebbiet, tirrivela ruħha verità universali.

Il-bnedmin kollha huma msejħin biex imorru jiltaqgħu ma’ Kristu Redentur, għaliex huwa stess imur jiltaqà ma’ kulħadd u ,ma’ kull wieħed u waħda, bħala “Dak li jħobb”; bħala l-Għarus, li jirregala lilu nnifsu għall-imħabba.

Jewwilla ma jitkellmux dwar dan is-Salib u l-Qawmien mill-Imwiet? Ma jkellmuniex is-sagramenti kollha tal-Knisja u b’mod partikolari, l-Ewkaristija Mqaddsa?

3. Illum, din is-sejħa hija ndirizzata, b’mod partikolari, lil din il-parroċċa, iddedikata lil-Omm Kbira ta’ Alla.

Il-vista pastorali tal-Isqof ta’ Ruma fil-parroċċa tagħkom għandha propju dan l-iskop: trid tesprimi u tirrikonferma l-fatt li fil-komunità tal-Poplu nisrani tal-Knisja kollha, u b’mod partikolari ta’ din il-Knisja li sa minn żminijiet ta’ San Pietru hija f’Ruma, il- parroċċa tagħkom – u flimkien fl-istess ħin kull wieħed u kull waħda ta’ dawk li jappartienu lilha – huma msejħa biex jiltaqgħu ma’ Kristu -Redentur – Kristu stess, infatti, jiġi jiltaqà bħala Għarus ma’ kull wieħed u waħda u ma’ dawk kollha f’din il-komunità.

F’isem imħabbtu redentriċi u flimkien mal-Kardinal Vigarju, ilkoll u kull wieħed u waħda minnkom jinsabu hawn miġbura biex jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika.

Insellem, b’mod partikolari, lill-Monsinjur Antonetti, l-Isqof Awżiljarju tas-Settur Nord, Monsinjur Alessandro Plotti; il-Kappillan Monsinjur Gastone Moretti, u s-saċerdoti l-oħra tal-Presbiterju li jinsabu f’nofskom, għeżież ħuti tal-kwartier ta’ Ponte Milvio, biex jibnu komunità ħajja u biex jixhdu lil Kristu bl-eżempju tal-konsistenza evanġelika tagħhom u taż-żelu apostoliku.

Insellem imbagħad lis-sorijiet Servi di Maria Ss.ma Addolorata; is- Sorijiet Scolastiche Francescane di Cristo Re; lis-Sorijiete tal Apostolat Kattoliku, imwaqqfa minn San Vincenzo Pallotti; is-sorijiet ta’ San Francesco di Sales u l- Ancelle di Maria Immacolata, tar-rit Biżantin-Ukren. Lil dawn ir-Reliġjużi żelanti kollha imur ir-ringrazzjament tiegħi għall-kollaborazzjoni tagħhom fl-ambitu parrokkjali u għall-opra dejjem iktar profonda u matura apprezzata tagħhom fil-kamp skolastiku u ospedalier.

It-tislima tiegħi tmur ukoll lill-membri kollha tal-Assoċjazzjonijiet, tal-Movimenti u tal-Gruppi katekistiċi li jħabirku biex janimaw u jiffavorixxu formazzjoni nterna fl-ambjent taż-żgħażagħ kif ukoll f’dak tal-adulti.

Ħsieb ta’ mħabba irrid li jasal ukoll lil dawk li jżommu ruħhom bogħod mill-Komunità parrokkjali, forsi għaliex fihom hemm fil-konfront tagħha sentimenti ta’ indifferenza  jew ta’ ostilità. Ħalli jkunu jafu dawn li mhumiex minsijin jew injorati mill-Knisja, mill-Papa, kif ukoll mis-saċerdoti li hawn jiżvolġu l-ministeru tagħhom, u li ma jaqtgħux li jrabbu f’qalbhom it-tama li jistgħu jum wieħed jiftħu magħhom djalogu, li jippermetti għarfien reċiproku aħjar u diskors approfondit dwar Kristu u dwar il-Knisja tiegħu  .

Lilkom ilkoll li tgħixu fid-dell ta’ din il-Knisja li mibnija fil-post fejn, skont it-tradizzjoni, deher lil Kostantinu s-sinjal tas-Salib f’waqt deċiżiv għall-istorja tal-Kristjaneżmu, jiena ngħid: Araw is-Salib, bħala is-simbolu tal-ġlieda u tar-rebħa fuq id-dnub u fuq il-ħażin; jalla jkun l-istrument tal-qdusija tagħkom u tas-suċċess finali tagħkom: in hoc signo vinces.

4. Il-parabbola evanġelika titkellem dwar għaxar xebbiet, li minnhom  ħamsa kienu għaqlin u ħamsa le.

L-għaqlin kienu dawk li, meta marru biex jiltaqgħu mal-Għarus, ħadu mhux biss l-imsiebaħ tagħhom, imma wkoll iż-żejt biex isostnu l-fjamma li kienet tħeġġeġ f’dawk l-imsiebaħ.

Ix-xebbiet il-boloh insew iż-żejt.

Għalhekk, meta wasal l-Għarus, tal-ewwel kienu lesti biex jidħlu flimkien miegħu għat-tieġ. Lill-oħrajn iżda intfewlhom l-imsiebaħ minħabba nuqqas ta’ żejt. Ma kinux lesti biex jidħlu għat-tieġ flimkien mal-għarus. U ma daħlux.

Din il-parabbola hija tassew elokwenti u fl-istess ħin sinifikattiva profondament.

Il-musbieħ mixgħul huwa l-bniedem, li jwieġeb għas-sejħa tal- Għarus. Il-musbieħ mixgħul huwa l-ħajja umana, li fiha tagħmel il-frott il-qawwa redentriċi tas-Salib u tal-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu.  l l-musbieħ mixgħul huwa il-qalb tal-bniedem, imdawla mill-fidi u mit-tama, u fl-istess ħin imħeġġa b’dik l-imħabba li l-Ispirtu Santu “jifrex fi qlubna” bħaż-żejt li dwaru jitkellem il-Vanġelu. Il-musbieħ mixgħul huwa l-grazzja santifikantii, bħala stat tar-ruħ umana , bħala pleġġ tal-ħajja eterna.

5. L-Isqof ta’ Ruma jiġi llum fil-parroċċa tagħkom biex ifakkarkom il-misteru tal-Għarus Divin, li huwa r-Redentur tagħna.

Jiġi wkoll biex ifakkar l-“imsiebaħ u ż-żejt” tal-parabbola evanġelika.

Jiġi biex ifakkar il-bżonn li nżommu dejjem lest il-musbieħ taż-żelu klristjan u dejjem lest iż-żejt tal-ġenerożità, li qatt ma jonqos fl-istennija tal-Mulej. Żelu u ġrnerożità: dawn huma virtujiet indispensabbli sabiex intom  tkunu tistgħu tipperseveraw fis-segwitù ta’ Kristu b’entużjażmu, biex iħeġġiġkom, kemm-il darba jkun meħtieġ, mit-telqa u mill-indifferenza fil-materja reliġjuża, u biex tħossukom tkunu membri rejalment ħajjin u operanti fil-kuntest tal-ħajja parrokkjali. Żelu u ġenerożità biex negħlbu kull tnikkir, kull preġudizzju u kull  tlaqliq fit-tweġiba libera u fattiva għall-istedina evanġelika u li niskrutinizzaw is-sinjali taż-żminijiet  tas-salvazzjoni biex  jum wieħed ma nisimgħux ripetut il-kliem iebes tal-parabbola: “Fis-sewwa ngħidilkom: ma nafkomx” (Mt 25, 12).

6. Il-laqgħa tagħna, fl-okkażjoni tal-vista, ma’ Kristu Għarus, hija qabel kollox laqgħa ta’ talb. Waqt li niċċelebra l-Ewkaristija nixtieq nitlob flimkien magħkom, ma’ dawk li huma preżenti, u ma’ dawk kollha li jappartienu lil din il-parroċċa:

– l-ewwelnett: sabiex, dejjem b’għarfien iktar kbir, tagħrfu f’Ġesù Kristu dik l-imħabba eterna li tagħti sens u valur definittivi lill-eżistenza u l-ħajja kollha tagħna;

– imbagħad: sabiex twieġbu għal din l-imħabba; sabiex ma jintfewx l-imsiebaħ tal-vokazzjoni nisranija f’idejkom, imma biex ikunu imħeġġin bid-dawl tal-fidi, tat-tama u tal-fjamma tal-imħabba, Sabiex tgħixu fil-grazzja santifikanti u mhux fl-istat tad-dnub.

fl-aħħarnett: f’dan ix-xahar li huwa ddedikat b’mod speċjali lit-tifkira tal-mejtin, jiena nitlob flimkien magħkom għall-mejtin kollha ta’ din il-parroċċa tal-Omm Kbira ta’ Alla.

Jalla huma lkoll flimkien, jidħlu ma’ Kristu-Redentur u Għarus għat-“tieġ” tal-Ħajja Eterna f’Dar il-Missier!

Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading