Ġisem – Laħam

Kitba ta’ Dun Pawl Sciberras

Fil-kunċett Lhudi “il-ġisem” hu l-bniedem kollu kemm hu. Il-kelma Lhudija hi basàr: tfisser propjament “laħam” sew tal-bhejjem u sew tal-bniedem (Ġen 41,2-3.19; Ġob 41,15); tfisser ukoll “ġisem” (Lev 14,9; Salm 38,4; 109,24 ), u wkoll “bniedem ”, il-bniedem kollu kemm hu (Ġen 6,12-17; Is 40,7).

Fil -Grieg tat-Testment il-Ġdid għandna żewġ kelmiet: sôma u sarks: “ġisem” u “laħam”. Ġie li t-tnejn ifissru l-istess ħaġa – il-ġisem tal-bniedem (ara 2 Kor 4,10-11). Sôma hu l-ġisem normali tal-bniedem kif nifhmuh aħna (Mt 5,29s; Mk 5,9). Sarks hu l-laħam tal-ġisem (Rum 2,28; 2 Kor 12,7); toqgħod ukoll fis-sens ta’ “ġisem” (Ġw 6,51-54) jew ukoll għal “bniedem” sħiħ (Ġw 1,14).

San Pawl attent ħafna biex jagħżel minn xulxin dawn iż-żewġ kelmiet fis-sens teoloġiku li jifhem hu. Għalih sôma ġeneralment hu l-ġisem tal-bniedem fil-kobor tal-funzjonijiet tiegħu (Rum 1,24; 1 Kor 6,13-20). Il-“laħam”, sarks, hu l-ġisem tal-bniedem fil-miżerja u dgħufija tiegħu taħt is-setgħa tad-dnub (Rum 6,19; 7,18-25; eċċ.). Il-ħajja “skont il-ġisem” (káta sárka) hi kontra l-ħajja “skont l-Ispirtu” (kàta pneuma – Rum 8,4-5). Il-ġisem (sôma) hu ddestinat għall-Mulej Ġesù biex iqum miegħu mill-mewt (l Kor 6,13-14). Imma “il-ġisem” (sarks) hu għall-mewt u għat-trab.

Id-dinjità tal-ġisem tal-bniedem tidher fl-ogħla kobor tagħha fid-dawl tal-misteru tal-Inkarnazzjoni ta’ Ġesù Kristu u tal-ħajja, il-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet.

Ġesu hu l-Iben ta ’ Alla, li ġie fostna minn ħdan il-Missier, sar bniedem bħalna b’ġisem veru bħal tagħna. “Twieled minn Mara” (Gal 4,4). Biex jenfasizza aktar ir-realtà tal-ġisem veru ta’ Ġesù, San Ġwann jgħid: “sar laħam” (sarks Ġw 1,14; 1 Ġw 4,2).

Ġesu ħa l-ġisem bħal tagħna biex bih seta’ jbati u jmut għalina. Il-ġisem tiegħu ta’ bniedem kien l-istrument tas-salvazzjoni tagħna, kif ifisser l-awtur tal-Ittra lil-Lhud (10,5-10).

B’dan l-istess ġisem, li bih Ġesù bata u miet, qam tassew mill-mewt. Hekk ta lill-ġisem dgħajjef tal-bniedem sehem fil-glorja tad-divinità tiegħu (Ġw 17,5). Għamlu “ġisem glorjuż” (Filp 3,21); minn “ġisem naturali ” bidlu f’“ġisem spiritwali” (1 Kor 15,44). Hekk ukoll “għad irid ibiddlilna l-ġisem imsejken tagħna fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu” (Filp 3,20). Hu wkoll b’dan l-istess ġisem, kif ukoll b’demmu tassew, li Ġesù hu preżenti fil-misteru tal-Ewkaristija. “Dan hu ġismi ” – “dan hu demmi ” (Mt 26,26- 28). Biex juri b’qawwa akbar ir-realtà tal-ġisem tiegħu fl-Ewkaristija, Ġesù, skont San Ġwann, ma qalx il-kelma sôma, kif għandna fis-Sinottici, imma sarks.

Hemm imbagħad il-ġisem mistiku ta’ Kristu, li hu l-Knisja. Din hi l-metafora li biha San Pawl juri li l-Knisja hi ħaġa waħda ma’ Kristu, u hi f’sens mistiku Kristu nnifsu. Hi bħal ġisem, li tiegħu Ġesù Kristu hu r-Ras u l-insara l-membri (Rum 12,4-5; 1 Kor 10,16-17; 12-27; Ef 1,22-23; Kol 1,18.24). Imma din mhijiex biss tixbieha sempliċi, hi wkoll realtà; hi tixbieha li tfisser ħaġa vera u reali. Il-Knisja hi tassew il-ġisem ta’ Kristu, mhux fiżiku imma mistiku, minħabba l-għaqda intima tagħha miegħu għax hu fiha u hi fih (ara Ġw 17,20-26; Gal 2,20). Għalhekk l-insara bejniethom magħqudin flimkien bħal membri ta’ ġisem wieħed, li hu l-Knisja, il-ġisem ta’ Kristu. Dan hu Kristu (1 Kor 12, 12).

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading