VIŻTA PASTORALI FIL-LOMBARDIJA U L-PIEMONTE
QUDDIESA AD UNUR TA’ SAN KARLU BORROMEO
FIR-IV ĊENTINARJU TA’ MEWTU
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Piazza del Duomo (Milan) – Il-Ħadd, 4 ta’ Novembru 1984
1. “Il-Mulej huwa r-ragħaj tiegħi” (Sal 23, 1).
Għeżież ħuti miġburin fil-qalba ta’ din il-belt prestiġjuża u ħaddiema li għaliha San Karlu ddedika lilu nnifsu bħala ragħaj!
Fit-3 ta’ Novembru 1584 il-Kardinal Karlu Borromeo, arċisqof tal-Knisja Milaniża, reħa ruħu lil Alla. Miet ta’ 46 sena, għajnejh iffissati fuq il-Kurċifiss, ta l-aħħar xhieda li dak li kien ikkonsagra kompletament ħajtu.
Profil qasir ta’ din il-ħajja kien ippreżentat lilna fil-liturġija tallum fir-rit Ambrożjan.
Il-moribond, b’ħarstu ffissata fuq Kristu Kurċifiss, donnu jirripeti: “Il-Mulej huwa r-ragħaj tiegħi”.
2. U flimkien mal-isqof moribund tagħha, il-Knisja kollha Milaniża donnha rripetiet l-istess kliem.
Il-Mulej kien diġa rrivela ruħu – darba waħda – f’din il-komunità ekleżjali bħala r-Ragħaj it-Tajjeb permezz tal-kbir San Ambroġ u tul is-sekli, permezz ta’ bosta isqfijiet oħra.
U hawn hu mill-ġdid, tul is-seklu XVI, ir-Ragħaj it-Tajjeb sab rifless tiegħu ġdid – tal-istatura ta Ambroġ – f’Karlu, tal-familja Borromeo, li tiegħu qegħdin infakkru l-erbà mitt sena ta’ mewtu.
Min hu r-Ragħaj it-Tajjeb? Huwa dak li joffri ħajtu għan-nagħaġ.
Huwa dak., li jagħraf in-nagħaġ tiegħu u huma jagħrfu lilu.
Huwa dak, li jisimgħu leħnu, billi jsiru komunità waħda ta’ Alla, merħla waħda.
Huwa dak li l-Missier iħobb.
Huwa Kristu.
Karlu Borromeo moribund fuq mitraħ iebes jintilef b’ħarstu u b’qalbu fi Kristu msallab, u qisu jgħid: “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi”.
Il-Knisja Milaniża, miġbura madwar soddot il-moribond, qisha tgħid:
– ir-ragħaj it-tajjeb
– kien magħna, tul dawn is-snin,
Ir-ragħaj immodellat fuq Kristu.
– Hekk hu ir-ragħaj it-tajjeb se jħallina.
Il-Vanġelu tassew Kelma tal-Ħajja
3. San Karlu Borromeo kien ragħaj kbir tal-Knisja, qabel kollox għaliex huwa stess segwa lil Kristu-Ragħaj it-Tajjeb.
Segwieh b’kostanza, billi semà kliemu u wettaqu b’mod erojku. Il- Vanġelu sar għalih tassew kelma tal-ħajja, li mmodellat il-ħsibijiet u l-qalb, id-deċiżjonijiet u l-aġir.
Fis-sagrament tal-Magħmudija tiġi kkonċepita fina ħajja ġdida, “Aħna nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja”, donnu rripeta Karlu Borromeo, sa minn tfulitu bħall-appostlu . . . “għaddejna mill-mewt għall-ħajja, għaliex inħobbu lil ħutna” (1 Ġv 3, 14).
Propju din l-imħabba għamlitu dixxiplu straordinarju u segwaċi ta’ Kristu-Ragħaj it-Tajjeb.
Ta’ età żagħżugħa huwa ġie nominat kardinal tal-Knisja qaddisa Rumana u arċisqof ta’ Milan; kien imsejjaħ biex ikun ragħaj tal-Knisja għaliex huwa stess ħalla lilu nnifsu jkun iggwidat mir-Ragħaj it-Tajjeb.
“Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi . . . / ħdejn l-ilma ferm mistrieħ jeħodni. / Hemm hu jrejjaqni, imexxini fit triq tas-sewwa / minħabba l-isem tiegħu” (Sal 23,1-3).
4. Kemm kien importanti, propju f’dik l-epoka, tmur “fit-triq tas-sewwa”. Kemm kien importanti jkollok fik dik il-“ħeffa” u l-qawwa tal-Ispirtu biex imbagħad tgħaddiha lill-oħrajn! Kemm kien importanti li ssib serħan fil-Mulej stess permezz tat-talb, il-kontemplazzjoni u l-għaqda stretta miegħu fost il-ħidma, ix-xogħlijiet u t-tbatijiet ta’ din il-vokazzjoni straordinarja
Ma beżax mit-theddid u l-perikoli
F’nofs dan it-taħbit u taqtigħat, propji tas-servizz pastorali, Karlu Borromeo setà jirrepeti, waqt li jiffissa għajnejh fuq Kristu: “Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek, huma jwensuni” (Sal 23, 4).
U hekk huwa daħal fil-poplu tiegħu ta’ Alla, fil-Knisja tiegħu bħala isqof u ragħaj, billi ħa sehem fil-misteruli ma jitkejjilx ta’ Kristu, etern u uniku ragħaj tal-erwieħ immortali, li jħaddan is-sekli u l-ġenerazzjonijiet, billi jonqox fihom id-dawl tas-“seklu futur””.
5. I-seklu u l-ġenerazzjoni li fihom ingħata lil Karlu li jgħix u jopera, ma kinux faċli . Anzi huma għamlu parti minn żminijiet partikolarment diffiċli tal-istorja tal-Knisja.
Għajnejh iffissati fuq il-Feddej u Għarus tiegħu, il-Kardinal Borromeo kien donnu jirrepeti mas-salmista: “Imqar jekk nimxi f’wied mudlam, / ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi” (Sal 23, 4).
San Karlu ma beżax mit-theddid u l-perikoli li dak iż-żmien iffaċċjaw lill-Knisja. Huwa kien jaf jiffaċjhom. Kellu l-umiltà u l-kobor ta’ veduti meħtieġa biex jagħti kontribut validu sabiex iwassal għat-tmiem l-opra dak iż-żmien indispensabbli tal-Konċilju ta’ Trento.
Kif inhu magħruf infatti, sa minn meta kien Ruma, imsejjaħ minn zijuh, il-Papa Piju IV, tlaħħaq kardinal u meta sar kap tas-segreterija papali, ħadem sabiex il-Konċilju, interrott fl-1552, jerġà jibda x-xogħlijiet tiegħu u jwassalhom għat-twettiq, billi stabilixxa l-linji tal-vera riforma kbira li tagħha l-Knisja kellha bżonn (H. Jedin, Carlo Borromeo, Roma 1971, p. 9). Kienet attività ntensa, li rrivelat il-kapaċitajiet tax-xogħol eċċezzjonali tiegħu u li għaliha ddedika ruħu b’mod żelanti, fl-għarfien li qed jaħdem għall-ġid tal-Knisja, Fi tmiem il-Konċilju, kiteb il-kardinal Morone: “Hija tant ix-xewqa tiegħi li issa nistenna li nwettaq, hekk kif ikun ikkonfermat, dan il-Konċilju qaddis, konformi għal bżonn li għandha il-kristjanità kollha” (J. Susta, Die römische Kurie und das Konzil von Trient, Wien 1904, IV, p. 454).
6. It-triq tat-tiġdid indikata dak iż-żmien mill-Konċilju ta’ Trento kienet milqugħa minnu bħala livell għall-attività tiegħu fis-sedja Milaniża.
Darba f’Ruma, bħala membru ta’ kummissjoni kardinalizja speċifika, kien ikkontribwixxa fid-determinazzjoni tad-direttivi ġenerali għall-applikazzjoni tal-Konċilju, ħass imbagħad urġenti il-bżonn, meta kien investit bir-responsabilt1 pastorali għall-Knisja Milaniża, li jittraduċi fil-fatti dawk id-direttivi skont il-possibiltajiet u l-esiġenzi partikolari ta’ dik il-komunità ekkleżjali. Wara mela li kien ta prova, f’Ruma, tal-vastità u l-profondità tal-pjanijiet tiegħu ta’ tiġdid, għaraf ukoll juri, f’Milan, ħila straordinarja li jvara dwak il-prinċipji fil-konkretezza tas-sitwazzjonijiet (Ivi). Bħalma kiteb dwaru il-Kardinal Seripando, huwa kien “bniedem ta’ frott u mhux ta’ fjura, ta’ fatti u mhux ta’ paroli” (M. De Certau, Dizionario biografico degli italiani, 20, Roma 1977, p. 263). Għalhekk ried japplika il-kanoni tar-riforma billi jgħaddi minnfih għall-azzjoni; u hemm bżonn ngħidu li huwa kien kapaċi joħloq fil-kleru, fir-reliġjużi u b’mod speċjali fil-poplu ta’ Alla disponibiltà ġeneruża għall-aspettattivi pastorali tiegħu.
Il-premura ta’ San Karlu li jwettaq id-dispożizzjonijiet tal-Konċilj Tridentin tidher qabel kollox mill-impenn tiegħu għall-istituzzjoni tas-seminarji, oġġett ta’ wieħed mill-iktar digrieti mportanti tal-assembleja konċiljari. Tali digriet kien ġie approvat fil-15 ta’ Lulju 1563 u sena wara biss San Karlu, li kien għadu residenti Ruma, waqqaf f’Milan l-ewwel seminarju, li afdah lill-patrijiet tal- Kumpanija ta’ Ġesù. Fis-snin ta’ wara waqqaf seminarji minuri oħra.
Qasam ieħor, li fih San Karlu jidher per eċċellenza l-“Isqof tal-Konċilju ta’ Trento”, huwa dak tal-istituzzjoni tal-konċilji provinċjali u tas-sinodi dijoċeżani, mixtieqa preċiżament fi Trento, u li qajmu mill-ġdid wara dimentikanza twila li tmur lura għall-medjuevu. Ukoll minn dawn l-assembleji ekkleżjali jidher ċarissmu fil-Borromeo l-għarfien, għal kollox konformi mal-ispirazzjoni tridentina, li r-riforma kellha tibda mix-xhieda ta’ rgħajja tajbin u saċerdoti tajbin: “Jiena deċiż – kiteb lill-Papa Piju IV (citato da C. Orsenigo, Vita di Carlo Borromeo, Milano 1911, pp. 107-108) – li nibda mill-prelati r-riforma preskritta fi Trentu: hija din l-aħjar triq biex tinkiseb l-ubbidjenza fid-dijoċesijiet tagħna. Aħna hemm bżonn nimmarċjaw l-ewwel nies: dawk li huma suġġetti għalina isegwuwna b’mod iktar faċli”.
Il-leġiżlazzjoni konċiljari u sinodali għamlet minn San Karlu il-ħallieq ta’ dritt ekkleżastiku lokali ġdid, li ħalla l-marka tiegħu, fid-dijoċesi tagħkom, sallum. Huwa iżda ried ikun qabel kollox ragħaj, u għal dan huwa ħareg serje dettaljata ta’ regoli ta’ dispożizzjoni, li wrew il-konkretezza tas-sens pastorali tiegħu. Imbagħad kien akkwista għarfien preċiż tal-bżonnijiet tal-poplu tiegħu permezz ta’ numru kbir ta’ visti pastorali, li tulom fittex li jivvalorizza l-funzjoni tal-psrroċċi.
Għal dan il-għan, il-predeċessur tiegħi il-Papa Pawlu VI kellu jgħid ġustament li waħda min-noti l-iktar karatteristika tal-episkopat tiegħu kienet l-intenzjoni li “joħloq qdusija ta’ poplu, qdusija kollettiva, li jagħmel qaddisa l-komunità kollha” (G. B. Montini, Discorsi sulla Madonna e sui Santi, Milano 1965, p. 346).
7. Tgħid il-liturġija tallum: “Jekk ikolli nimxi f’wied mudlam, ma nibża minn ebda ħażen, għaliex inti miegħi”.
Karlu Borromeo kellu qalb dejjem miftuħa beraħ għall-foqra u għal dawk fil-bżonn.
Kien jaf ibati ma’ min ibati.
L-imħabba għal Kristu, li kien jipprattika lejn kull wieħed u waħda minnhom, kienet tippermettilu li ma jibża minn ebda ħażen.
Dan deher b’mod partikolari meta Milan, matul il-pesta, li faqqgħet hemm, saret tassew dak il-“wied mudlam” tad-diżgrazzja umana, li dwaru jitkellem is-salmista. F’dik l-okkażjoni huwa ried, bħal Kristu, “iħobb lil tiegħu sal-aħħar” (cf. Ġw 13, 1), u jkun lest li jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Infatti għadda minn dan is-sogru b’mod effettiv, billi espona ruħu li jittieħed bil-preżenza tiegħu f’nofs dawk milquta mill-pesta, li lilhom kien iwassal l-għajnuna tiegħu u s-sabar tiegħu ta’ kelmtu u tas-sagramenti.
Biż-żelu u l-prestiġju tiegħu spiċċa biex sab ruħu fid-direzzjoni tal-opra tas-sokkors, billi pprovda għall-pubblikazzjoni ta’ direttorju għall-assistenza tal-morda u billi ġab l-ordni u d-dixxiplina fi ġrajja drammarika simili” (citato dal M. Bendiscioli, in Storia di Milano, X, Milano 1957, p. 245).
Il-pesta kienet hekk okkażjoni biex issaħħaħ l-għaqda tiegħu mal-popolazzjoni Milaniża, maħbuba daqs qatt qabel f’dak il-waqt. Kien ra d-diżastru, meta din kienet “bil-ġuħ, mgħaffġa u fil-bżonn li tkun mgħejjuna kontinwament biex tgħix”: raha imbagħad, grazzi wkoll għall-opra tiegħu, tirxoxta: “O tjubija u grazzja ta’ Alla – qal fl-omelija tat-tmiem tal-1576 – kif inhuma issa mibdula l-affarijiet? Kif inhuma f’salt wieħed imsewwija dawk ir-rovini tagħna? Kif inhi restitwita s-saħħa, imġedda it-tama tal-ewwel kobor?” Hawn tidher l-umiltà tal-qaddis li f’dan ir-ritorn tal-ħajja jagħraf il-qawwa tas-sebgħa ta’ Alla, bħal qabel, fil-ġrajja tal-pesta, kien għaraf sejħa siewja għall-penitenza u għall-valuri eterni.
8. Meta fit-3 ta’ Novembru 1584 il-Knisja Milaniża nġabret maġemb il-Kardinal tagħha moribund, il-ħsibijiet u l-qlub tagħhom kollha kemm kienu ikkonċentraw fuq ix-xbiha tar-Ragħaj it-Tajjeb. “Sirna nafu l-imħabba”.
“Mingħand dan sirna nafu l-imħabba: huwa ta ħajtu għalina” (1 Ġw 3, 16).
U Karlu Borromeo, b’għajnejh fissi fuq is-salib ta’ Kristu, ta sal-aħħar xhieda lil dak li kien tiegħu “it-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġw 14, 6).
“Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi . . .
I-tieba u l-ħniena jimxu miegħi / il-jiem kollha ta’ ħajti, / u ngħammar f’dar il-Mulej / sakemm indum ħaj” (Sal 23, 6).
Erbà mitt sena ilu Karlu Borromeo ħalla dawn il-postijiet, u t-tluq tiegħu sar il-bidu ta’ dik il-milja ta’ ħajja, li l-qaddisin isibu f’Alla nnifsu.
Wara erbà mitt sena l-Knisja kollha, waqt li tiftakar il-ħajja u l-mewt ta’ San Karlu, tadura u tiżżi ħajr lit-Trinità Qaddisa,
– għaliex “il-bniedem ħaj huwa glorja ta’ Alla”” (Ireneo, Adversus haereses, IV, 20, 7): il-bniedem fil-milja kollha tal-ħajja li tinkiseb f’Alla l-ħaj.
Sinjur kardinal arċisqof ta’ din il-belt! Meqjuma ħuti isqfijiet! Awtoritajiet hawn preżenti, saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa u ħuti kollha tal-poplu ta’ Alla li hawn fid-dijoċesi ta’ Milan!
L-interċessjoni ta’ San Karlu tkompli tipproteġi din il-komunità ekkleżjali maħbuba li għaliha huwa għamel kemm felaħ bħala ragħaj u l-eżempju tiegħu jibqà jkun illum ta’ nkuaġġiment u ta’ xprun għal kulħadd .
Ikun imfaħħar Ġesù Kristu.
Fi Tmiem il-Quddiesa, Ġwanni Pawlu II indirizza lill-fidili preżenti billi ppronunzja l-kliem li ġej
Għeżieħ ħuti, wlied din il-Knisja li erbà sekli ilu kellha bħala ragħaj il-Kardinal Karlu Borromeo, niżżikom ħajr għal din l-istedina biex niċċelebra flimkien magħkom ir-rabà ċentinarju tiegħu. Ingħatali li nsir naf postijiet meraviljużi. Sirt naf aħjar l-ispiritwalità tiegħu imsejsa fuq il-kariżmi differenti, billi jibdew minn dik il-kariżma fundamentali li tiġi mill-Magħmudija. Ingħatali li nżur id-diversi postijiet tat-twelid u tal-mewt tiegħu, tat-talb tiegħu, tal-istudji tiegħu. Irrid ngħid li din is-sena stajt niċċelebra b’mod tassew eċċezzjonali s-sollennità ta’ San Karlu Borromeo, li huwa wkoll il-patrun tiegħi.
Fid-dawl ta’ dan ir-rabà ċentinarju tal-mewt tiegħu mbierka u qaddisa, stajna flimkien mal-arċisqof attwali tagħkom, il-Kardina Karlu Maria Martini, nikkontemplaw dan l-eżempju li l-Knisja, permezz tal-ġenituri tagħkom, tatkom fil-Magħmudija, biex issegwu l-passi tiegħu. Irrid nindirizza mill-ġdid kelma ta’ awgurju lil-maħbub Kardinal dekan tal-Kulleġġ Sagru, li bit-92 sena tiegħu ried ikun magħna f’din iċ-ċirkustanza sollenni.
“Mirabilis Deus in sanctis suis”. Hekk hu dawn huma l-meravilji ta’ Alla, tal-Ħallieq u Feddej tagħna, tal-Ispirtu Santu. Huwa meravilja tal-Mulej, San Karlu Borromeo. “Et Sanctus in omnibus operibus”. Il-qdusija espressa, b’mod nistgħu ngħidu stupend, fil-ħajja ta’ bniedem bħal San Karlu Borromeo, jressaqna lejn il-qdusija ta’ Alla stess, il-qdusija li tittraxxendi kull qdusija fil-krejatura, imma li fil-krejatura riedet issib ix-xbiha u x-xebħ tiegħu f’kull wieħed u waħda minna. “Sanctus in omnibus operibus suis”. Jalla dan iċ-ċentenarju sollenni ta’ San Karlu Borromeo, ragħaj u patrun tal-Knisja ta’ Milan, iġib fuq kull wieħed u waħda minna, konferma profonda tad-dinjità li lkoll inġorru fl-umanità tagħna stess u tlestina biex inġorru din id-dinjità li tiġi mingħand Alla bħala sies tal-mixja tagħna. Hawn hu in-nukleju stess tal-messaġġ li San karlu Borromeo jħallilna fir-rabà anniversarju tal -imbierka, qaddisa mewt tiegħu. Ikun imfaħħar Ġesù Kristu.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb