Katekeżi. Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes. 7. Ir-relazzjoni bejn il-fidi u l-kultura (GS, 53-62)

LJUN XIV

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 28 ta’ Ottubru 2026

Katekeżi. Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II. IV. Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes. 7. Ir-relazzjoni bejn il-fidi u l-kultura (GS, 53-62)

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!

Il-Konċilju Vatikan II ma setax ma jitkellimx fuq il-kultura u r-relazzjonijiet tagħha mal-fidi Nisranija. Dan jagħmlu fit-tieni kapitlu tat-tieni parti tal-Kostituzzjoni Gaudium et spes (GS).

Il-Knisja Kattolika dejjem rat kif issieħeb il-predikazzjoni tal-Vanġelu mat-twaqqif ta’ skejjel ta’ kull xorta, bl-għan li sseddaq il-formazzjoni umana, kulturali u spiritwali ta’ rġiel u nisa tal-ħames kontinenti. L-universitajiet Medjevali, kif nafu, twieldu mill-qalba tal-Knisja, u taw kontribut determinanti fl-iżvilupp taċ-ċiviltà tal-Punent. Fl-istess waqt, il-progress tal-kultura u tal-għerf iqiegħed mistoqsijiet dejjem ġodda u iktar profondi, u jqanqal lil dawk li jemmnu biex jagħtu r-raġuni tal-fidi tagħhom (ara 1 Piet 3:15-17). Fl-aħħar nett, bħala espressjonijiet tad-dimensjoni spiritwali tal-bniedem, id-diversi manifestazzjonijiet tal-kultura jikkontribwixxu biex jiftħu l-imħuħ għall-mistoqsijiet ta’ kull żmien fuq is-sens tad-dinja u tal-ħajja umana, u hekk iħejju t-triq biex jiġi milqugħ il-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu.

Ir-relazzjoni bejn fidi u kultura ssib il-fundament ewlieni tagħha fl-Inkarnazzjoni: jekk il-Kelma divina saret laħam u ġiet tgħammar fostna (ara Ġw 1:14), allura l-fidi wkoll hija realtà inkarnata, minsuġa mal-kultura li fiha hi mgħaddsa. Hija wkoll imsejħa ssir kultura, jiġifieri biex tilħaq il-persuna fl-ambjent tal-ħajja tagħha, magħmula minn kliem tal-bnedmin, minn tradizzjonijiet, minn tifsira reliġjuża, minn arti u minn poeżija, minn ħsieb u minn xjenza. Kif kien iħobb itenni San Ġwanni Pawlu II, “fidi li ma ssirx kultura hija fidi mhux milqugħa għalkollox, mhux maħsuba għalkollox, mhux fedelment mgħixa”.[1]

Il-fidi tista’ tinkarna f’kull kultura, għax ma tidentifika ruħha ma’ ebda minnhom b’mod speċifiku. Hi tgħammar fihom billi tagħġinhom minn ġewwa skont il-“forma” ta’ Ġesù Kristu, jiġifieri mal-karità, is-servizz, ir-rikonoxximent filjali tal-paternità ta’ Alla. Hekk, il-Knisja tilqa’ fid-diversi kulturi dak li hemm tajjeb, sabiħ u veru fihom, biex tinkarna u tittrasmetti l-messaġġ tal-Vanġelu. Fl-istess waqt, “mibgħuta lill-popli kollha ta’ kull żmien u ta’ kull pajjiż, il-Knisja ma tintrabat b’manjiera esklużiva u permanenti mal-ebda nazzjon jew razza, mal-ebda manjiera partikulari ta’ ħajja, mal-ebda drawwa qadima jew ġdida. Hija żżomm sħiħ mat-tradizzjoni tagħha u fl-istess ħin taf sewwa li l-missjoni tagħha hija universali, u għalhekk tista’ tissieħeb mad-diversi suriet ta’ kultura u b’din il-qagħda kemm il-Knisja stess kemm id-diversi kulturi jsiru spiritwalment iżjed għonja” (GS, 58).

Il-Knisja tippromovi l-kultura għax hija ħaġa tajba fiha nfisha, hija servizz lill-bniedem u lit-twettiq sħiħ tal-vokazzjoni tiegħu fuq l-art. Għal din ir-raġuni, il-Gaudium et spes issejjaħ lill-Komunità internazzjonali biex kulħadd jista’ jkollu aċċess għall-beni kulturali fundamentali, biex jingħelbu l-analfabetiżmu u n-nuqqas ta’ tagħlim. Dawk kollha li kapaċi jkollhom aċċess għall-istudji superjuri – jafferma l-Konċilju bil-kuraġġ – għandhom ikunu f’qagħda li jistgħu jagħmlu dan realment. Barra minn hekk, hu “dmir ta’ kulħadd li jara li s-sehem proprju u meħtieġ tan-nies fil-ħajja kulturali jingħaraf u jitmexxa ’l quddiem minn kulħadd” (GS, 60).

Barra minn dan, il-Gaudium et spes issostni l-ħtieġa li norjentaw it-tagħlim lejn ċerta unità fil-għerf, minkejja l-kundizzjonijiet tal-ħajja li nbidlu u jistgħu jagħmluha iktar diffiċli (ara GS, 61). L-Insara huma l-ewwel li jridu jħabirku biex jattwaw din l-unità sapjenzali, qabelxejn fihom infushom. Imqar jekk irċivew mir-Rivelazzjoni t-tweġibiet għall-mistoqsijiet il-kbar tal-ħajja, b’daqshekk mhumiex iddispensati minn formazzjoni intellettwali u kulturali bis-sabar; anzi, l-għarfien uman u xjentifiku tagħhom għandu jipproċedi pari pass mal-kontenuti tal-fidi tagħhom, li kontinwament għandhom jiġu approfonditi mal-età u skont il-livell tal-istudji. Appell partikulari l-Konċilju jagħmlu lit-teologi: “Dawk li jagħtu ruħhom għax-xjenzi teoloġiċi […] għandhom ifittxu li jaħdmu flimkien mal-bnedmin li jifhmu sewwa fix-xjenzi l-oħra billi jgħaqqdu flimkien ir-riżorsi u l-opinjonijiet tagħhom. Ir-riċerka  teoloġika għandha tfittex li tagħraf profondament il-verità rivelata u fl-istess ħin ma titlifx il-kuntatt ma’ żmienha ħalli tkun tista’ tgħin il-bnedmin kompetenti f’diversi oqsma ta’ għerf biex ikunu jistgħu jagħirfu aktar il-fidi” (GS, 62).

Ħuti, il-Kostituzzjoni Gaudium et spes tirrakkomandalna biex ma ngħixux il-fidi fi spirtu ta’ kontrappożizzjoni u ta’ ostilità fil-konfront tad-dinja, tal-kultura u tal-espressjonijiet umani, imma, anzi, teżortana hekk: “Għalhekk l-Insara għandhom jgħixu bl-akbar għaqda mal-bnedmin l-oħra ta’ żmienhom, u jfittxu li jifhmu sewwa l-mod kif huma jaħsbu u jħossu hekk kif huma jfissru rwieħhom permezz tal-kultura” (GS, 62). Fil-fatt, li naslu għal sinteżi matura u responsabbli bejn fidi u kultura hija kundizzjoni meħtieġa għall-perseveranza fil-vokazzjoni Nisranija, imma anki rekwiżit indispensabbli biex nagħtu xhieda tal-fidi quddiem id-dinja u ngħadduha lill-oħrajn b’mod kredibbli.


[1] San Ġwanni Pawlu II, Diskors lill-parteċipanti fil-Konvenju tal-Movimenti Ekkleżjali ta’ Impenn Kulturali (MEIC), 16 ta’ Jannar 1982.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?