ITTRA ENĊIKLIKA
MAGNIFICA HUMANITAS
TAL-QDUSIJA TIEGĦU
LJUN XIV
FUQ IL-ĦARSIEN TAL-BNIEDEM
FI ŻMIEN L-INTELLIĠENZA ARTIFIĊJALI
1. L-umanità tal-għaġeb maħluqa minn Alla għandha llum quddiemha għażla deċiżiva: ittella’ torri ta’ Babel ieħor jew tibni l-belt fejn Alla u l-bnedmin jgħammru flimkien. Kull ġenerazzjoni tirċievi b’wirt il-missjoni li ssawwar iż-żmien tagħha: li tgħin lill-istorja timmatura bħala post li fih id-dinjità ta’ kull persuna tiġi mħarsa, il-ġustizzja mseddqa u l-fraternità tkun possibbli. Imma fuq kull epoka jdellel ir-riskju li nispiċċaw nibnu dinja diżumana u iktar inġusta. Hemm fejn l-umanità tinsab fil-periklu li titlef l-istess wiċċ tagħha, aħna l-Insara nerfgħu ħarsitna lejn Alla li sar bniedem, għax nafu li “l-misteru tal-bniedem jiddawwal tassew biss fil-misteru tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem”.[1] Din l-umanità tal-għaġeb f’Ġesù Kristu ssir it-Triq, il-Verità u l-Ħajja, u tiftaħ għal kull wieħed u waħda minna t-triq biex nikbru lejn il-milja tagħna.
2. Imwaqqfin fuq Kristu, ġebla ħajja, aħna nagħmlu esperjenza tal-għemil setgħan u misterjuż tal-Ispirtu s-Santu, u nemmnu li kull sforz awtentiku tal-bniedem li jikkopera miegħu għall-ġid huwa mbierek mill-Missier tas-Sema, li fih aħna nqiegħdu t-tama tagħna. Għalhekk nistgħu nikkontribwixxu b’impenn b’risq dawk l-inizjattivi kollha li jibnu dinja iżjed ġusta, u nistgħu nsejħu oħrajn biex jikkollaboraw magħna fil-promozzjoni tal-iżvilupp integrali ta’ kull bniedem. Nixtiequ nidħlu fi djalogu mal-bnedmin kollha ta’ żmienna, u flimkien magħhom nieħdu sehem fil-ġrajjiet, fil-mistoqsijiet u fix-xewqat tal-umanità.[2] Flimkien magħhom, irridu nindividwaw toroq ġodda għall-ġid komuni u l-promozzjoni ta’ ħajja dinjituża għal kulħadd. Din l-attitudni għad-djalogu hi parti integrali mill-vokazzjoni tal-Knisja, għax hi, imwaqqfa “fi Kristu, bħal sagrament […] tal-għaqda intima ma’ Alla u tal-unità tal-ġens tal-bnedmin kollu”,[3] tagħraf fl-istorja l-post li fih l-Evanġelju jisfida u jsieħeb l-esperjenza umana.
3. B’dan l-ispirtu, fl-1891 Ljun XIII ippubblika l-Enċiklika Rerum novarum, li tagħha b’rikonoxxenza ħajja din is-sena qed niċċelebraw il-135 anniversarju. B’dak id-dokument, il-Predeċessur maħbub tiegħi ta spinta lil dik ir-riflessjoni fuq is-soċjetà, fuq l-ekonomija u fuq il-politika li llum insejħulha d-“Duttrina soċjali tal-Knisja”. U meta xi wħud oġġezzjonaw li l-Knisja ma kellhiex taħli enerġiji fi kwistjonijiet mondani, imma kellha aktar taħseb kif ħa twassal messaġġ ta’ ħajja eterna, hu wieġeb b’realiżmu u għerf li t-tħabbira tal-Evanġelju ma tistax tinsa l-ħajja konkreta tal-popli.[4] Għaddew bosta għexieren ta’ snin minn dakinhar, u l-Maġisteru, ir-ragħajja, it-teologi u l-fidili komplew jirriflettu fuq il-kwistjonijiet soċjali fid-dawl tal-Evanġelju. Illum id-Duttrina soċjali tal-Knisja hija wirt ta’ għerf, fejn insibu prinċipji biex naħsbu, kriterji biex niddixxernu u niġġudikaw, orjentamenti konkreti biex naġixxu. Hi msejsa fuq l-Iskrittura Mqaddsa u fuq it-Tradizzjoni u, fi djalogu max-xjenzi, tgħinna naqraw b’ċarezza l-isfidi tal-preżent, u nagħrfu liema għandhom ikunu dawk il-mixjiet adegwati biex nistgħu ngħixu xhieda Nisranija trasparenti, bil-ferħ u għas-servizz tad-dinja. Din mhix xi ġabra statika ta’ kunċetti, imma corpus ħaj ta’ veritajiet, li jħares u jinterpreta s-sejħa tal-umanità għal ħajja sħiħa u ġusta. Għalhekk jien nixtieq li ma’ din it-tradizzjoni ħajja nżid il-leħen tiegħi, waqt li nsejjaħ l-għajnuna tal-Ispirtu tal-għerf, li jgħammar fid-dinja sa mill-bidu tagħha (ara Prov 8:22-31).
4. Jekk fi żmienu Ljun XIII tkellem dwar “ħwejjeġ ġodda” (rerum novarum), illum ma nistgħux sempliċiment nirrepetu t-tagħlim prezzjuż tiegħu, imma jeħtieġ nitolbu lil Alla l-għerf biex ninterpretaw it-tendenzi kbar ta’ żmienna, b’mod partikulari l-progress teknoloġiku. Fl-aħħar snin sar dejjem iżjed ċar kemm b’mod mgħaġġel u profond id-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali (IA) u r-robotika qed jibdlu d-dinja tagħna. It-teknoloġija, fiha nfisha, ma għandhiex titqies bħala qawwa antagonista għall-persuna: bil-maqlub, hi għandha għeruqha fl-istorja tagħna sa mill-bidu, bħala “realtà umana għall-aħħar, […] marbuta mal-awtonomija u l-ħelsien tal-bniedem”.[5] L-iżvilupp tekonoloġiku matul is-sekli ta kontribut għal titjib sinifikattiv tal-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-bnedmin; fl-istess waqt, kull fażi tal-progress uriet ukoll il-wiċċ ambigwu ta’ strumenti li kapaċi jagħmlu ħsara meta ma jkunux orjentati kif imiss. Madankollu, illum għandna quddiemna sitwazzjoni ġdida, fejn il-qawwa u l-firxa wiesgħa tat-teknoloġiji ġodda qed jitlaqqmu fin-nisġa tal-ħajja ta’ kuljum, isawru l-proċessi deċiżjonali u jimmarkaw b’mod qawwi l-immaġinazzjoni kollettiva: “Qatt il-bniedem ma kellu daqshekk saħħa fuqu nnifsu”.[6] It-teknoloġiji ġodda jiftħu xefaq imwessa’ f’direzzjonijiet li, imqar jekk nistgħu nifhmuhom, għadna ma nistgħux nippreveduhom b’mod sħiħ. Dan jagħmilha biċċa iktar kumplessa li nivvalutaw l-impatt u l-effetti tagħhom għal tul ta’ żmien fuq id-dinjità tal-persuni u fuq il-ġid komuni.
5. Issa jmiss lilna naffrontaw b’mod ċar u responsabbli l-isfidi ta’ żmienna. Hemm bżonn naddottaw strumenti normattivi adegwati, li kapaċi jħarsu l-ġustizzja u jrażżnu l-effetti ħżiena tal-poter teknoloġiku. Imma l-kwistjoni ma tiqafx mar-regolamentazzjoni. Kif wissa l-Papa Franġisku, jeħtieġ li nistaqsu lina nfusna realistikament min illum għandu f’idejh dan il-poter u lejn liema għan qed jorjentah: “Ma nistgħux ninsew li l-enerġija nukleari, il-bijoteknoloġija, l-informatika, l-għarfien tal-kodiċi ġenetiku (DNA) tagħna u kisbiet oħra li għamilna […] lil dawk li għandhom f’idejhom dan l-għarfien u fuq kollox il-poter ekonomiku biex jisfruttawh, jagħtuhom setgħa tal-għaġeb fuq il-bnedmin kollha u fuq id-dinja sħiħa”.[7] Darba kienu fuq kollox l-Istati li kienu jiggwidaw u jindirizzaw l-innovazzjoni. Imma llum il-muturi prinċipali tal-iżvilupp huma atturi privati, spiss transnazzjonali, mogħnija b’riżorsi u ħiliet ta’ intervent superjuri għal dawk ta’ ħafna gvernijiet. Hekk il-poter teknoloġiku jassumi wiċċ li qatt ma rajna bħalu qabel, prevalentement “privat”, u għalhekk sar wisq aktar diffiċli biex niddixxernu, niggvernaw u norjentaw għall-ġid komuni.
6. Għalhekk jeħtieġ nibdew dixxerniment flimkien li kapaċi jinfed qalb l-għeruq spiritwali u kulturali tat-trasformazzjonijiet li qed iseħħu. Jekk nillimitaw ruħna għall-kontiġenzi, nirriskjaw li nħallu emerġenza wara l-oħra tiddeċiedi hi minflokna d-direzzjoni tal-mixja. Qed ngħixu fażi mgħaġġla ta’ tranżizzjoni, “bidla epokali”, li fiha – waqt li xi wħud jikkompetu bejniethom għall-futur tat-teknoloġiji ġodda u oħrajn huma impenjati fir-riflessjoni dwarhom – il-parti l-kbira tal-persuni jibqgħu jistennew, josservaw mill-bogħod u jittamaw sempliċiment li kollox imur għall-aħjar. Proprju għalhekk il-kuxjenza tagħna għandha jrossu fuqha mistoqsijiet deċiżivi, li ma nistgħux naħarbu aktar minnhom: fejn sejrin? Lejn liema destinazzjoni nixtiequ norjentaw ruħna? Liema direzzjoni għandna nagħżlu bħala komunità umana u bħala popli?
7. Biex inwieġbu għal dawn il-mistoqsijiet u biex ngħarblu kif nistgħu ngħixu b’responsabbiltà fiż-żmien tal-intelliġenza artifiċjali, nixtieq infakkar f’żewġ xbihat bibliċi: il-bini tat-torri ta’ Babel (ara Ġen 11:1-9) u l-bini mill-ġdid tal-ħitan ta’ Ġerusalemm (ara Neħ 2-6). Fil-ktieb tal-Ġenesi, ir-rakkont ta’ Babel insibuh fl-oriġni tal-umanità, minnufih wara l-ġenealoġiji ta’ wlied Noe. Il-bnedmin, issa li kienu sabu wita f’Singħar fejn joqogħdu, qatgħuha li jibnu belt u torri “bil-quċċata tiegħu tilħaq is-smewwiet” (Ġen 11:4). Hekk riedu jiggarantixxu għalihom stabbiltà u poter, u fuq kollox “jagħmlu isem”, għax beżgħu li jispiċċaw imxerrda mal-art kollha. Il-biċċa xogħol dehret imponenti: lingwa waħda, teknoloġija waħda, direzzjoni waħda. Madankollu, il-proġett jaħbi taħtu periklu qawwi: opra maħsuba mingħajr riferiment għal Alla, imwieżna minn uniformità li telimina d-diversità u li, flok il-komunjoni, tagħżel l-omoġenizzazzjoni. Meta l-belt tinbena fuq il-kburija u fuq il-pretensjoni li aħna biżżejjed għalina nfusna, il-komunikazzjoni titfarrak, l-ilsna jitħawdu u l-bnedmin ma jibqgħux jifhmu lil xulxin. Ir-riżultat mhuwiex l-għaqda, imma t-tixrid. Għalhekk Babel turi l-limitu ta’ kull binja li, imqar jekk grandjuża, tistrieħ fuq l-assolutizzazzjoni tal-uman u l-pretensjoni tiegħu ta’ awtosuffiċjenza, tissagrifika d-dinjità tal-persuni għall-effiċjenza, u għandha l-ambizzjoni li tilħaq is-sema mingħajr il-barka ta’ Alla.
8. Il-ktieb ta’ Neħemija, min-naħa tiegħu, jiftaħ f’mument ta’ vulnerabbiltà kbira fl-istorja ta’ Iżrael tal-qedem. Wara l-eżilju Babiloniż, parti mill-poplu reġgħet lura Ġerusalemm, imma l-belt kienet għadha mfarrka, il-ħitan imġarrfa u l-bibien maħruqa (ara Neħ 1-2). Neħemija, Lhudi li kien għas-servizz tas-sultan Persjan Artasersi, jirċievi l-aħbar tal-qagħda diżastruża tal-belt ta’ missirijietu. Qabel ma jaġixxi, huwa jsum, jitlob, jinterċedi għall-poplu; imbagħad jitlob lis-sultan il-permess li jerġa’ lura Ġerusalemm u, malli jasal fil-post, jifli fis-skiet il-postijiet meqruda. Ma jimponix soluzzjonijiet mill-għoli. Isejjaħ lill-familji, jafda lil kull waħda biċċa mill-ħajt li jrid jerġa’ jinbena, jisma’ l-biżgħat, jikkordina l-isforzi, iħabbat wiċċu mal-oppożizzjonijiet. Ir-rakkont juri kif il-belt terġa’ titwieled mhux bl-inizjattiva ta’ persuna waħda, imma grazzi għar-responsabbiltà maqsuma mill-poplu kollu: saċerdoti, nies tas-sengħa, kapijiet ta’ familji, nisa u żgħażagħ. Hija opra li għandha lil Alla fiċ-ċentru tagħha u tibni mill-ġdid ir-rabtiet qabel ma tibni l-ġebel. Hekk Ġerusalemm l-antika terġa’ ssib lingwa komuni, mhux dik tal-uniformità, imma tal-komunjoni: l-armonija li tinbet meta kulħadd jagħmel il-parti tiegħu u l-poplu kollu jagħraf li s-saħħa tiegħu ġejja mill-Mulej.
9. Fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ ikoni, l-Ispirtu s-Santu llum qed jisfidana dwar ir-relazzjoni li għandna mat-teknoloġija u mar-rivoluzzjoni diġitali li għaddejja. Il-kixfiet xjentifiċi huma talent mgħoddi lill-umanità biex hi tagħmel frott minnu (ara Mt 25:14-30). It-teknoloġija tista’ tikkura, toħloq konnessjoni, teduka, tħares id-Dar komuni; imma tista’ anki tifred, tarmi, tnissel inġustizzji ġodda. Fit-teorija, fiha nfisha hi mhijiex soluzzjoni għall-problemi tal-umanità, kif minnha nfisha mhix lanqas ħaġa ħażina; imma, konkretement, ma hijiex newtrali, għax tilbes il-wiċċ ta’ min jaħsibha, jiffinanzjaha, jirregolaha, jużaha. Għalhekk l-ewwel għażla mhijiex bejn “iva” jew “le” għat-teknoloġija, imma bejn jekk nibnux Babel jew nerġgħux nibnu lil Ġerusalemm: bejn poter li jippretendi li jista’ jiddomina s-sema jew poplu li, fil-preżenza ta’ Alla, imidd għonqu flimkien għax-xogħol biex jerġa’ jtella’ l-ħitan tal-konvivenza fraterna.
10. Mela ejjew nevitaw is-“sindromu ta’ Babel”: l-idolatrija tal-profitt li tissagrifika lid-dgħajfin, l-uniformità li ma tħallix lok għad-differenzi, il-pretensjoni ta’ lingwaġġ uniku – anki diġitali – li kapaċi jittraduċi kollox, saħansitra l-misteru tal-persuna, f’figuri u prestazzjonijiet. Dan huwa r-riskju tad-diżumanizzazzjoni – il-bini ta’ futur li jeskludi lil Alla u jirriduċi lill-ieħor għal sempliċi mezz –, tentazzjoni qadima u dejjem ġdida, li llum tassumi wkoll il-wiċċ teknoloġiku. Ejjew nagħżlu minflok it-“triq ta’ Neħemija”, li tagħti importanza lill-valur tax-xogħol flimkien biex mill-belt ta’ Alla nagħmlu post iktar sigur għall-eżiljati li rritornaw. Illum, li nerġgħu nibnu jfisser nagħrfu li, qalb il-pluralità ta’ ilħna u ta’ viżjonijiet li xi kultant tfakkarna fl-ilsna mxerrda, xorta teżisti possibbiltà mdawla: dik li nibnu flimkien, nibdlu d-differenzi f’riżorza, u nagħmlu mis-smigħ u mid-djalogu l-art komuni li fuqha nkabbru l-ġustizzja u l-fraternità. U, fi ħdan din l-opra maqsuma flimkien, l-Insara jsibu l-mod tagħhom ta’ kif jibnu: jorjentaw l-aġir tagħhom lejn Alla, biex fid-dawl tiegħu l-pluraliżmu ma jispiċċax f’diżordni, imma, fit-tħaddim tas-sinodalità, isir l-ispazju li fih l-umanità terġa’ ssib il-pedamenti sodi tagħha u l-għan aħħari tagħha. Fl-Apokalissi, Ġwanni jilmaħ lil Ġerusalemm il-ġdida “nieżla mis-sema, mingħand Alla” (Apok 21:2) bħala don għall-bnedmin kollha. U din il-viżjoni ta’ grazzja hija għalina l-Insara sejħa biex naħdmu flimkien, nikkultivaw ħajja komuni paċifika, ġusta u dinjituża fil-“bliet” tal-lum.
Nibnu għall-ġid komuni
11. Għalhekk, li nibnu belt imsejsa fuq dak li hu tajjeb jesiġi qabelxejn li nibnu fuq il-blata tar-relazzjoni ma’ Alla. Nagħrfu li l-verità tal-imħabba tiegħu qed issejħilna għal ħajja “bil-kotra” (Ġw 10:10) u għall-komunjoni miegħu. Flimkien ma’ Santu Wistin, aħna wkoll nistgħu ngħidu: “Int għamiltna għalik, u qalbna ma ssibx kwiet qabel ma tistrieħ fik”.[8] Fil-fatt, Alla naqqax fil-qalb tagħna xewqa għall-hena li tħaddan id-dimensjonijiet kollha tal-ħajja, u l-Knisja, fid-djalogu tagħha mal-bnedmin ta’ żmienna, tħoss l-urġenza li tħares u torjenta din ix-xewqa lejn l-aktar verità profonda tagħha.
12. It-tieni nett, li nibnu fit-tajjeb ifisser naċċettaw il-limitazzjoni u d-dgħufija tal-umanità bla ma nqisuhom xi żball li rridu nikkoreġu. Illum, ix-xewqa tal-bniedem għall-milja qed tirriskja li tiġi indirizzata b’mod żbaljat lejn destinazzjonijiet qarrieqa: l-illużjoni ta’ teknoloġija li twiegħed li teħlisna minn kull dgħufija jew ta’ mudelli ta’ benessri li “jħallu warajhom” popli sħaħ. Mhux darba u tnejn, inqiegħdu t-tama tagħna fi żvilupp bla limiti, f’xejriet ta’ progress li jistgħu jżidu bil-kbir in-nuqqas ta’ ugwaljanza, f’soluzzjonijiet immedjati li ma għandhomx il-ħila jfejqu l-ġrieħi tal-popli. Hekk, waqt li xi wħud jiġru wara l-ħolma ta’ awtoaffermazzjoni bla limiti, ħafna jibqgħu mċaħħda mill-meħtieġ. Il-Knisja, b’vuċi umli imma soda, tfakkar li r-realizzazzjoni vera ma sseħħx billi nneħħu d-dgħufijiet kollha, imma permezz ta’ maturazzjoni armonjuża: hemm fejn il-libertà u r-responsabbiltà jintisġu mal-għożża ta’ xulxin u s-solidarjetà vera, u fejn il-progress jitkejjel fuq id-dinjità ta’ kull persuna u fuq il-ġid tal-popli.
13. Biex nibnu dinja li fiha kulħadd jista’ “jwarrad” hemm bżonn, it-tielet ħaġa, korresponsabbiltà kuraġġuża. L-ebda driegħ, waħdu, ma hu biżżejjed biex jerfa’ t-toqol tal-isfidi li għaddejja minnhom id-dinja; u l-ebda wieħed ma hu daqshekk dgħajjef li ma jistax joffri sehmu: “Għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef” (2 Kor 12:9). Kulħadd irid jieħu l-parti tiegħu tal-ħajt: xjenzati u riċerkaturi, intraprendituri u ħaddiema, edukaturi u leġiżlaturi, soċjetà ċivili, movimenti popolari u komunitajiet ta’ fidi. Din hija l-loġika tas-sussidjarjetà, li tagħti valur lill-koperazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet, bejn il-popli, bejn id-dixxiplini u l-kulturi bħala t-triq għalliema biex nikbru fl-istabbiltà, il-prosperità u l-paċi. It-tensjonijiet u d-differenzi ma għandhomx ibeżżgħuna: jistgħu jsiru enerġiji kreattivi meta huma orjentati minn responsabbiltà li naqsmu flimkien.
14. Fl-aħħar nett, li nibnu fit-tajjeb jitlob lingwaġġ evanġeliku. Nevitaw kliem li jbaxxi jew joħloq it-tilwim. Nagħżlu ċ-ċarezza li ddawwal u l-frankezza li tiftaħ toroq ġodda. Ma nberkux entużjażmi inġenwi, ma nrewħux biżgħat vojta. Pjuttost, nindikaw kriterji ta’ dixxerniment – id-dinjità tal-persuna, id-destinazzjoni universali tal-ġid, l-għażla favur il-foqra, l-għożża tad-Dar komuni, il-paċi – u nibdluhom fi prassi: pjanifikazzjoni responsabbli, valutazzjonijiet b’impatt uman u soċjali, inklużjoni ta’ min hu l-aktar dgħajjef, alfabetizzazzjoni diġitali, riċerka u industrija orjentati lejn il-ġustizzja u l-paċi.
15. Fil-Ġublew Ordinarju riċenti tas-sena 2025, imxejna bħala pellegrini tat-tama u mtlejna bil-grazzja. Imsaħħin minn dawn id-doni, nistgħu nibqgħu mexjin ’il quddiem fiduċjużi quddiem il-ħidmiet ibsin u l-isfidi esiġenti li nħabbtu wiċċna magħhom dwar il-futur tagħna. F’dan iż-żmien tal-intelliġenza artifiċjali, fejn id-dinjità umana qed tirriskja li tiġi mdallma minn xejriet ġodda ta’ diżumanizzazzjoni, għandna d-dmir urġenti li nibqgħu profondament umani, u nħarsu bi mħabba dik l-umanità tal-għaġeb li ngħatat lilna bħala don u ntweriet fil-milja tagħha fi Kristu, u li l-ebda magna ma tista’ qatt teħdilha postha fil-ġmiel kollu tagħha. Il-veru progress jinbet dejjem minn qalb miftuħa għall-oħrajn, minn intelliġenza li lesta tisma’, minn rieda li tfittex dak li jgħaqqad iktar milli dak li jifred.
16. Lill-fidili Kattoliċi kollha, lill-Insara kollha, lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba minn qalbi nagħmlilhom dan l-appell: ejjew ma nibżgħux inħammġu jdejna fis-sit tal-kostruzzjoni ta’ żmienna. Bħal Neħemija, nitolbu, infasslu bl-għerf, naħdmu bil-perseveranza, u nqiegħdu lura lil Alla fuq ix-xefaq tal-għemil tagħna u lill-bniedem fil-qalba tal-għażliet tagħna. Hekk il-ġebliet iwarrba – il-foqra, il-morda, il-migranti, iċ-ċkejknin – isiru l-ġebla tax-xewka, u fuq l-art titla’ għamara komuni soda u li tilqa’ fi ħdanha, fejn l-imħabba u l-verità sa fl-aħħar jiltaqgħu, il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu (ara Salm 85:11). Din hi l-barka li nitolbu mingħand Alla u l-ħidma li hemm tistenniena: li nkunu bennejja tal-komunjoni, mhux arkitetti ta’ Babel; qaddejja tas-Saltna li ġejja, mhux sidien ta’ torrijiet iddestinati li jikkrollaw. U, b’qalb ta’ ragħaj u ta’ missier, nitlob lil kulħadd biex inwaqqfu l-bini ta’ Babel oħra u ngħaqqdu l-forzi tagħna biex nibnu għall-ġid komuni, biex hekk l-umanità ma titlef qatt il-ġmiel tagħha u d-dinja tista’ tagħraf mill-ġdid, fil-qalb tal-bniedem, il-post fejn Alla jixtieq jgħammar.
17. F’dan l-ewwel kapitlu nixtieq interraq, fil-qosor, il-mixja li permezz tagħha d-Duttrina soċjali tal-Knisja ssawret fi ħdan il-Maġisteru riċenti tal-Papiet u tal-Konċilju Vatikan II, biex nixħet dawl fuq il-karattru dinamiku tagħha. Fil-fatt, f’kull epoka r-res novæ jħeġġu biex dan it-tagħlim jitkejjel skont dak li titlob l-istorja fid-dawl tal-Verità rivelata. Għalhekk, anki l-intelliġenza artifiċjali għandna nifhmuha mhux bħala appendiċi tematiku, jew bħala emerġenza li rridu nieħdu ħsiebha, imma bħala trasformazzjoni li tisfida minn ġewwa l-kategoriji tad-Duttrina soċjali u titlob minnha żvilupp ieħor, fil-fedeltà għall-Evanġelju.
18. Madankollu, dan l-itinerarju ma nkunux nistgħu tabilħaqq nifhmuh jekk, qabel ma nieqfu fuq il-kontribut li taw Papa wara l-ieħor u fuq id-dokumenti l-aktar rilevanti, ma niċċarawx xi konvinzjonijiet profondi dwar il-mod li bih il-Knisja tgħix fl-istorja u tirrelata mad-dinja. Mingħajr din il-preċiżazzjoni, id-Duttrina soċjali tirriskja li tidher bħala interferenza żejda fi kwistjonijiet temporali jew bħala kodiċi etiku estern li jiġi applikat mill-għoli. Fir-realtà hija tnixxi minn Knisja li timxi mal-umanità, tirrikonoxxi l-awtonomija tar-realtajiet tad-dinja u d-distinzjoni bejn komunità ekkleżjali u komunità politika u, proprju għalhekk, l-ambizzjoni tagħha hi li taqdi l-ġid komuni.
Knisja f’mixja tul l-istorja tal-umanità
19. Il-Knisja, preżenti fid-dinja bħala sinjal ta’ għaqda għall-familja kollha tal-bnedmin, fil-mistoqsijiet u fl-isfidi ta’ żmienna tagħraf il-post li fih tħaddem is-sejħa tagħha għas-smigħ, għad-djalogu u għas-servizz, u tħalli jisfidaha dak kollu li jmiss il-ħajja tal-bnedmin tal-lum. Din in-nisġa ta’ ħajja mal-poplu tgħinha tifhem dejjem aktar li l-missjoni tagħha għandha valur storiku u ġġib magħha responsabbiltà fil-konfront tal-mod kif jintisġu r-relazzjonijiet soċjali. Għalhekk hi ma tistax tqis ruħha barranija għad-dinamiżmi li jsawru l-wiċċ tas-soċjetà. Anzi, hi tieħu sehem b’impenn fil-mixjiet li permezz tagħhom is-soċjetà nfisha tikber u torganizza ruħha, u toffri sehemha biex tintlaħaq konvivenza iżjed ġusta u fraterna. Il-Papa Franġisku fakkar b’qawwa din id-dimensjoni storika tal-missjoni ekkleżjali, u fakkar li “ħadd ma jista’ jistenna minna li nillimitaw ir-reliġjon għall-intimità sigrieta ta’ bejn il-persuni, mingħajr ebda influwenza fuq il-ħajja soċjali u nazzjonali, mingħajr ma nagħtu kas tas-saħħa tal-istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili, mingħajr ma nesprimu ruħna fuq il-ġrajjiet li jinteressaw iċ-ċittadini”.[9]
20. Is-sejħa u l-impenn biex timxi mal-umanità fil-konkretezza tal-istorja jwasslu lill-Knisja biex tagħraf li r-realtajiet ta’ din l-art għandhom konsistenza u ordni tagħhom. Il-Konċilju Vatikan II esprima bi preċiżjoni partikulari dan il-prinċipju fil-Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, li fis-7 ta’ Diċembru 2025 iċċelebrajna bi gratitudni s-60 anniversarju tagħha: “Jekk b’awtonomija tal-ħwejjeġ tal-art nifhmu li l-ħwejjeġ maħluqa u l-istess soċjetajiet għandhom il-liġijiet u l-valuri tagħhom […], hija ħaġa tajba li wieħed jitlob din l-awtonomija”.[10] Din l-insistenza turi kif il-ħolqien iġorr fih il-marka tat-tjieba tal-bidu li l-ħarsa umana għandha tħares, tikkultiva u tgħin biex timmatura. F’dan ix-xefaq, il-Knisja toffri ruħha bħala preżenza li tgħinna naqraw ir-realtà b’mod profond, twieżen b’id soda u umli dawk l-għażliet li jippromovu d-dinjità ta’ kull persuna, il-koeżjoni tal-komunitajiet u l-ġid ta’ kulħadd. Hekk hija timxi id f’id mad-dinja bla ma tirfes fuqha, biex f’kull ġrajja umana tista’ twarrad dik il-wegħda ta’ ġustizzja u ta’ paċi li l-Ispirtu s-Santu jissokta jqanqal fil-qalb tal-umanità.
21. Waqt li rrikonoxxa li Alla jsieħeb il-libertà tal-bnedmin mal-medda tal-istorja, il-Konċilju Vatikan II afferma d-distinzjoni bejn komunità ekkleżjali u komunità politika, u wera kif kull waħda minn dawn għandha taħdem f’awtonomija l-aktar sħiħa. Hekk il-preżenza tal-Knisja fid-dinja tesprimi ruħha wkoll fir-relazzjoni tagħha mas-soċjetà ċivili u mal-istituzzjonijiet pubbliċi. Hija u tiddjaloga magħhom, il-Knisja tagħraf il-valur tar-realtajiet soċjali u politiċi u ssaħħaħ il-pedamenti tat-tessut soċjali. Hi ma tippretendix li tista’ tassumi l-funzjonijiet li jmissu lill-Istat; bil-maqlub, għandha stima għas-servizz tiegħu lill-ġid komuni u tirrikonoxxi b’konvinzjoni r-responsabbiltà li l-istituzzjonijiet ċivili jħaddmu fis-soċjetà. Fl-istess waqt, il-missjoni fdata lilha twassalha biex ma tibqax maqtugħa mit-tbatijiet konkreti tal-bnedmin ta’ żmienna. Il-qrubija tagħha mhix ġejja minn xi fehma li tagħmel tajjeb hi għall-istituzzjonijiet, wisq inqas minn kritika impliċita tal-operat tagħhom, imma mill-karità evanġelika li tħeġġiġha biex tersaq qrib tal-ġrieħi tal-umanità fil-mumenti li fihom dawn jidhru l-aktar gravi. Meta tintervieni, dan tagħmlu billi timita lis-Samaritan it-tajjeb, b’diskrezzjoni u qrubija, fl-għarfien li dak li jinbet minn ħtieġa immedjata ma jistax jinbidel f’norma, lanqas jieħu post ir-responsabbiltajiet istituzzjonali proprji tal-komunità ċivili.
22. Ibda minn dan l-għarfien doppju – l-awtonomija tar-realtajiet terreni u d-distinzjoni tal-kompetenzi bejn komunità ekkleżjali u politika – nifhmu aħjar l-orjentament li l-Konċilju Vatikan II ta lill-Knisja fir-relazzjoni tagħha mad-dinja. Il-Gaudium et spes tfakkar li hu “dmir tal-Poplu kollu ta’ Alla u l-aktar tar-ragħajja u tat-teologi, bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, li jisimgħu, jifhmu u jinterpretaw il-manjieri differenti li bihom jitkellmu n-nies ta’ żminijietna, u li jiġġudikaw fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla biex il-Verità rivelata tkun magħrufa aktar profondament, titfisser aħjar u tkun mgħallma b’manjiera aktar addattata”.[11] Is-smigħ tad-“diversi lingwaġġi” mhuwiex sempliċi attenzjoni soċjoloġika, imma jimplika dixxerniment spiritwali li fih, bl-għajnuna tal-Ispirtu, il-poplu ta’ Alla jagħraf fil-bidliet kulturali u soċjali kemm is-sinjali tal-preżenza ta’ Kristu li jiġi u jmexxi l-istorja lejn il-milja tagħha, kemm dawk li jbegħduh u jdallmu l-wiċċ tiegħu. Hekk il-Verità rivelata ma tiġix mibdula fil-qalba essenzjali tagħha, imma espliċitata u meqjusa bħala kriterju ħaj biex norjentaw għażliet konkreti, innebbħu mixjiet ta’ konverżjoni personali u komunitarja, nippromovu riformi tal-istrutturi u nwieżnu xejriet ġodda ta’ xhieda evanġelika fil-ħajja pubblika. L-istorja hija għalhekk wieħed mill-postijiet li fihom il-Knisja tħalli l-Ispirtu jmexxiha fil-linja umanizzanti tal-Evanġelju u titgħallem tqiegħed it-tagħlim tagħha għas-servizz tad-dinjità ta’ kull persuna u tal-ġid tal-popli.
L-għerf tal-Kelma u d-djalogu max-xjenzi umani
23. Il-Knisja tqis bħala sieħba fil-vjaġġ lil dawk kollha li jfittxu b’sinċerità “l-verità, it-tjieba u l-ġmiel”, u jżommuhom bħala “alleati prezzjużi”[12] fid-difiża tad-dinjità ta’ kull persuna u l-ħarsien tal-ħolqien. Bl-istil pastorali tal-Konċilju Vatikan II, li jistedinna nisimgħu, ngħarblu u ninterpretaw is-sinjali taż-żminijiet, il-Knisja, imdawla mill-għerf tal-Kelma, ma tibżax mil-laqgħa mal-għerf uman. Il-Kelma ta’ Alla toffri kriterji ta’ min joqgħod fuqhom biex torjenta l-mixjiet tal-ġustizzja u tiftaħ toroq ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ paċi bejn il-bnedmin. Meta niġu biex insarrfu dawn il-kriterji fis-sitwazzjonijiet kumplessi ta’ żmienna, jirriżulta essenzjali l-kontribut tal-filosofija u tax-xjenzi umani u soċjali, li jgħinuna nifhmu u nanalizzaw iktar fil-fond id-dinamiċi kulturali, ekonomiċi u politiċi. San Ġwanni Pawlu II fakkarna li l-Knisja tilqa’ l-kontribut tax-xjenzi soċjali “biex tieħu minnu indikazzjonijiet konkreti fit-twettiq tad-dmirijiet maġisterjali tagħha”.[13] Il-konfront ma’ dawn ix-xejriet ta’ għerf ma jnaqqas xejn mill-qawwa tal-Evanġelju; bil-maqlub, jagħtina li nindividwaw b’mod iżjed ċar dak li jippromovi tabilħaqq il-ħajja tal-persuni u tal-komunitajiet. Il-Papa Franġisku, f’kontinwità ma’ din il-perspettiva, saħaq li fuq bosta kwistjonijiet speċifiċi l-Knisja ma tippretendix li toffri “l-aħħar kelma”,[14] imma tagħraf l-importanza li tisma’ r-riċerka xjentifika u tiffavorixxi konfront serju u leali bejn l-istudjużi, waqt li tilqa’ l-opinjonijiet differenti.
24. Imseddqa minn dan id-djalogu għammiel bejn Evanġelju u għerf uman, il-Knisja ftit ftit niżlet fil-fond tad-Duttrina soċjali tagħha, u maż-żmien immaturat wirt ta’ għerf mogħni b’koerenza teoloġika u antropoloġika b’għeruqu fil-viżjoni Nisranija tal-persuna. Proprju għaliex imwieled mill-fidi u mill-intelliġenza tagħha tar-realtà, dan il-wirt ma jittraduċix ruħu f’repertorju ta’ soluzzjonijiet tekniċi u lanqas f’mudell ekonomiku jew politiku li jeħodha kontra oħrajn: jinsab fuq livell differenti,[15] dak tal-prinċipji li jorjentaw il-qari tal-ġrajjiet u jwieżnu interpretazzjoni evanġelika tal-proċessi storiċi u tal-għażliet li dawn iġibu magħhom. Huwa minn hawn li toħroġ il-funzjoni proprja tad-Duttrina soċjali, li ma tippretendix li tieħu post ir-responsabbiltajiet tal-politika u tal-istituzzjonijiet, imma toffri ruħha bħala għajnuna fid-dixxerniment komuni, sabiex nagħrfu u nippromovu dak li jservi għad-dinjità tal-persuni, għall-ħajja tal-komunitajiet u għall-ġid ta’ kulħadd.
Id-Duttrina soċjali bħala dixxerniment komunitarju
25. L-għarfien tal-verità bħala don li naqsmuh flimkien u mhux bħala pussess tagħna jeħles lill-Knisja mit-tentazzjoni li tixxennaq għal xejriet ta’ preżenza msejsa fuq il-poter. San Ġwanni Pawlu II stedinna nħarsu b’sinċerità lejn iż-żminijiet li fihom ċedejna għal “metodi ta’ intolleranza u wkoll ta’ vjolenza, fil-qadi tal-verità”,[16] biex nerġgħu nsibu t-triq evanġelika tat-tħabbira umli u tal-verità li ma timponix ruħha. Fuq l-istess passi, sħaqt li l-Knisja “ma tridx tgħolli l-bandiera tal-pussess tal-verità”,[17] għax il-verità mhix territorju li rridu niddefendu, imma ġid li jeħtieġ naqsmu ma’ xulxin. Din l-istess perspettiva qabad il-Papa Franġisku fin-noti pastorali fejn qal li “ż-żmien hu aqwa mill-ispazju”:[18] li jiswa qabelxejn mhux li nokkupaw spazji ta’ poter jew nikkontrollaw fortizzi kulturali, imma li nibdew proċessi ta’ ġid u nħalluhom jimmaturaw; hekk il-verità tal-Evanġelju ma tiġix imposta mill-għoli, imma tikber fiż-żmien, fi ħdan in-nisġa konkreta tal-ħajjiet, tal-komunitajiet u tal-kulturi. Hija verità li ma tibżax mid-differenzi, imma tilqagħhom u tagħtihom ordni; li ma teqridx il-kunflitti, imma tittrasfigurahom; li terġa’ tpoġġi f’postu dak li l-istorja tendenzjalment ixxerred. Minn hawn toħroġ anki x-xbieha tal-poliedru, figura b’ħafna wċuħ, fejn tidher riflessa, minn angolaturi differenti, l-istess verità tal-Evanġelju.[19]
26. Dan l-atteġġjament ta’ ftuħ għall-verità, waħda u fl-istess ħin ta’ bosta xejriet, jesprimi b’mod profond il-kattoliċità tal-Knisja, li tħaddan il-familja kollha tal-bnedmin u, fl-istess waqt, tgħix mgħaddsa fil-kundizzjonijiet konkreti tal-popli u tal-kulturi. Il-Konċilju Vatikan II ifakkar li, proprju grazzi għal din il-kattoliċità, “kull parti twassal id-doni tagħha lill-partijiet l-oħra u lill-Knisja kollha”,[20] hekk li fil-ġabra sħiħa tagħha u f’kull komunità partikulari din tikber grazzi għal qsim reċiproku u sforz komuni lejn komunjoni dejjem iktar sħiħa. B’konsegwenza ta’ dan, il-poplu ta’ Alla mhux biss hu miġmugħ minn fost ħafna popli, imma fi ħdanu hu minsuġ minn funzjonijiet, vokazzjonijiet, kulturi u tradizzjonijiet differenti, imsejħin biex iwieżnu u jagħnu lil xulxin. F’din il-perspettiva San Pawlu VI għaraf li, meta tqis il-firxa wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet storiċi, mhuwiex realistiku li wieħed jaħseb li d-Duttrina soċjali tista’ tipproponi tweġiba waħda u valida għall-kuntesti kollha;[21] għalhekk huwa stieden lil kull komunità Nisranija biex taqra b’ċarezza u responsabbiltà r-realtà ta’ pajjiżha. It-tensjoni għammiela bejn l-universalità tal-missjoni u li din tniżżel għeruqha fil-kuntest lokali hija xi ħaġa intima tal-ħajja tal-Knisja: fin-nifs li tieħu hija ġġorr ix-xefaq tad-dinja kollha, imma tagħmel tagħha wkoll il-mistoqsijiet ta’ kull kuntest bħala l-post reali li fih jitlaħħam l-Evanġelju.
27. Fid-dawl ta’ dak kollu li għidna sa issa, id-Duttrina soċjali tal-Knisja tidher fl-aktar wiċċ awtentiku tagħha: mhux xi manwal ta’ prinċipji u normi li jridu jiġu applikati, imma mixja ta’ dixxerniment komunitarju. Hi tinbet mil-laqgħa bejn il-verità eterna tal-Evanġelju u l-mistoqsijiet tal-istorja, tħalli jisfidawha s-sinjali taż-żminijiet; tisseddaq mill-kontribut tax-xjenzi, tal-kulturi u tal-esperjenzi umani. Għalhekk, meta d-dinjità tal-aħwa tisfa sfigurata, meta l-politika ma tweġibx għat-traġedji tal-umanità, meta l-ekonomija ddur kontra l-persuna jew ix-xjenza taqbeż il-limiti tal-metodu li tuża,[22] il-Knisja – flimkien mal-konfessjonijiet Insara l-oħra u l-membri ta’ reliġjonijiet oħra – għandha ssemma’ leħinha mhux biex tiddomina, imma biex taqdi l-komunjoni. Mifhuma b’dan il-mod, id-Duttrina soċjali ssir teoloġija tal-komunjoni fl-istorja; post li fih il-Kelma, li saret laħam, tissokta ssir djalogu, memorja u profezija.
L-iżvilupp tal-Maġisteru soċjali minn Ljun XIII sal-lum
28. Wara li fakkart kif il-Knisja tgħix fl-istorja u tidħol fi djalogu mad-dinja, nixtieq issa nieqaf fuq l-iżvilupp tad-Duttrina soċjali fil-Maġisteru li, mis-seklu 19 sa żmienna, sieħeb il-bidliet soċjali l-kbar. Huwa ovvju li ma nistax nagħti rendikont tal-għana kollu ta’ dan it-tagħlim, li l-prinċipji fundamentali tiegħu huma ppreżentati fil-Kompendju tad-Duttrina soċjali tal-Knisja u approfonditi iktar fil-Maġisteru riċenti. Lanqas nista’ nerġa’ naqbad b’mod sistematiku dak li ġie elaborat fl-Enċikliċi tal-aħħar Predeċessuri meqjuma tiegħi, b’mod partikulari fil-Laudato si’ u fil-Fratelli tutti. Madankollu, nixtieq infakkar f’xi linji essenzjali, biex nuri li dak li qed nikteb jinsab fil-kontinwità ta’ din it-tradizzjoni u, fl-istess waqt, biex nuri kif fi ħdanha l-qalba stabbli tal-veritajiet rivelati fuq il-persuna u fuq il-konvivenza umana tintiseġ ma’ ħila dejjem imġedda li hi tagħti widen għas-sitwazzjonijiet storiċi u li tħalli x’jisfidaha fil-mistoqsijiet li joħorġu mill-preżent. Għaldaqstant, se mmiss xi tappi deċiżivi ta’ dan l-iżvilupp, ibda mill-istaġun miftuħ mill-Enċiklika Rerum novarum.
L-ewwel passi tad-Duttrina soċjali tal-Knisja
29. Dik li aħna llum insejħulha “Duttrina soċjali tal-Knisja” ma twelditx ħabta u sabta fi żmienna, imma tiġbor u torganizza tradizzjoni twila ta’ riflessjoni ekkleżjali fuq il-ħajja soċjali, li ssib l-għejun tagħha fl-Iskrittura Mqaddsa, fil-Missirijiet tal-Knisja, fl-elaborazzjonijiet teoloġiċi u ġuridiċi tal-Medjuevu u tal-epoka moderna. L-espressjoni “Duttrina soċjali tal-Knisja” ntużat l-ewwel darba minn Piju XII fl-1950,[23] imma l-kontenut li tiġbor fiha, mifhum bħala corpus organiku ta’ tagħlim soċjali, beda jieħu sura bl-Enċiklika Rerum novarum ta’ Ljun XIII. Quddiem il-“ħwejjeġ ġodda” ta’ żmienu – il-kunflitt bejn kapital u xogħol, il-kwistjoni tal-ħaddiema, it-trasformazzjonijiet ekonomiċi u soċjali – Ljun XIII ma llimitax ruħu biss li jirrikonoxxi l-problema, imma ra f’dawk is-sitwazzjonijiet il-post tal-missjoni pastorali tal-Knisja, għamel dixxerniment rigoruż dwarhom, u xeħet dawl fuq il-kawżi u l-possibbiltajiet ta’ soluzzjonijiet fid-dawl tal-Evanġelju u ta’ viżjoni integrali tal-persuna, maħluqa xbieha ta’ Alla. San Ġwanni Pawlu II lemaħ f’dan il-metodu “skema għall-Knisja li kellha tibqa’”[24] fid-Duttrina soċjali: prassi eżemplari li permezz tagħha l-Knisja, quddiem it-trasformazzjonijiet storiċi, tħaddem id-dritt u dmir tagħha li tgħarbel ir-realtajiet soċjali, titkellem dwarhom u tindika toroq għal soluzzjoni ġusta. B’dan il-mod, il-kontenuti dejjiema tal-fidi u tal-għerf ekkleżjali tal-qedem jiġu artikulati f’duttrina ħajja li, filwaqt li tibqa’ fidila għall-Evanġelju, tikber fil-konfront mal-“ħwejjeġ ġodda” ta’ kull epoka.
30. L-Enċiklika Rerum novarum ta’ Ljun XIII tispikka bħala pass deċiżiv fl-evoluzzjoni tal-Maġisteru soċjali. Id-dokument iqiegħed fil-qalba tar-riflessjoni tiegħu d-dinjità tax-xogħol u tal-ħaddiem, jafferma l-jedd għal paga ġusta għalih u għall-familja tiegħu, jirrikonoxxi fil-persuni valur essenzjali prijoritarju meta mqabbel mal-kapital u mal-profitt, jiddefendi l-proprjetà privata flimkien mal-funzjoni soċjali essenzjali tagħha, japprezza l-assoċjazzjoni tal-ħaddiema u jipproponi xejriet ta’ kollaborazzjoni bejn id-diversi komponenti tas-soċjetà f’alternattiva għal-loġika tat-“taqbida bejn il-klassijiet”. Għalhekk, ma nistagħġbux li Piju XI sejħilha “Magna Charta”[25]tal-azzjoni soċjali tal-Insara: fir-Rerum novarum l-għerf qadim tal-Knisja dwar il-persuna u l-ħajja fis-soċjetà jassumi bixra ġdida, li kapaċi titkejjel mal-epoka industrijali u toffri l-ewwel qafas kbir sistematiku ta’ dik id-Duttrina soċjali li fl-għexieren ta’ snin li ġew wara kellha tiżviluppa aktar. Imqar jekk ħafna kundizzjonijiet storiċi mfissra minn Ljun XIII inbidlu, hemm tal-inqas żewġ kisbiet li jibqgħu ta’ attwalità kbira: il-primat tax-xogħol tal-bniedem fuq kull loġika purament produttiva jew finanzjarja, bl-attenzjoni li toħroġ minn hawn lejn il-persuni u l-familji li l-aktar huma esposti għall-isfruttament, u r-rabta fundamentali bejn tħabbira evanġelika u tiftix ta’ ordni soċjali iktar ġust. Hekk ir-Rerum novarum tissokta tfakkarna li ma jistax ikun hemm evanġelizzazzjoni awtentika li ma tmissx ukoll l-istrutturi tal-konvivenza umana.
31. L-Enċiklika Quadragesimo anno ta’ Piju XI, ippubblikata fl-1931 fl-40 anniversarju mir-Rerum novarum u fil-qalba tal-kriżi kbira ekonomika dinjija, tagħmel pass ieħor fl-iżvilupp tal-Maġisteru soċjali. Ma tillimitax ruħha biss li terġa’ taqbad il-“kwistjoni tal-ħaddiema”, imma twessa’ ħarsitha għat-tqassim kumplessiv tal-ordni u politiku. Tikkundanna l-konċentrazzjoni tal-poter ekonomiku f’idejn il-ftit; tikkritika kemm il-konkorrenza bla limiti u kemm dawk il-proġetti kollettivistiċi li jħassru l-libertà u r-responsabbiltà tal-persuni; tfakkar bil-qawwa fid-dritt tal-assoċjazzjoni tal-ħaddiema u tisħaq fuq l-esiġenza li l-paga tkun proporzjonata mhux biss għall-prestazzjoni, imma għall-ħtiġijiet tal-ħaddiem u tal-familja tiegħu. F’dan il-qafas, tifformula b’mod sistematiku l-prinċipju tas-sussidjarjetà, iddestinat li jsir wieħed mir-riferimenti stabbli tad-Duttrina soċjali, li jiddetta li dak li jista’ jsir minn persuni, familji, korpi intermedji u komunitajiet lokali ma għandux jiġi assorbit minn entitajiet ogħla. Flimkien ma’ dawn il-kontributi, Piju XI jfakkar b’mod ċar fil-funzjoni soċjali tal-proprjetà u, b’diversi interventi tal-Maġisteru tiegħu – mill-Enċikliċi Non abbiamo bisogno u Mit brennender Sorge sad-Divini Redemptoris – jikkundanna t-totalitarjaniżmi li jissagrifikaw id-dinjità tal-persuna, jifgaw il-ħajja soċjali, jgħollu lill-Istat iktar mill-valur ġust tiegħu, u jaddottaw il-kategorija diskriminatorja tar-razza. Għal żmienna jibqgħu partikularment attwali tal-inqas tliet intuwizzjonijiet tat-tagħlim soċjali tiegħu: l-għarfien li l-inġustizzji ma jmissux biss l-imġibiet individwali imma anki l-istrutturi ekonomiċi u istituzzjonali; il-valur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, li jistieden biex insaħħu t-tessut assoċjattiv u komunitarju, u nevitaw konċentrazzjonijiet ġodda ta’ poter; u r-rabta bejn dinjità tax-xogħol, retribuzzjoni ġusta u possibbiltà reali għall-familji li jkollhom ħajja umana dekoruża.
32. Fil-kuntest drammatiku tat-Tieni Gwerra Dinjija u tas-snin tar-rikostruzzjoni, il-Maġisteru ta’ Piju XII joffri kontribut sinifikattiv lill-iżvilupp tad-Duttrina soċjali, fuq kollox permezz tal-Messaġġi tal-Milied fuq ir-radju, li fihom ifassal il-linjamenti ta’ ordni internazzjonali msejjes fuq l-għarfien tad-dinjità umana, fuq il-ġustizzja u fuq il-paċi. F’dawk l-okkażjonijiet il-Papa jipproponi djalogu mas-soċjetà li jibda minn sejħa esiġenti għad-dritt naturali, mifhum bħala ġabra ta’ prinċipji oġġettivi li tiġi qabel l-interessi tal-individwi u tal-Istati u li għandha tirregola l-ħajja kollha tan-nazzjonijiet u r-relazzjonijiet reċiproċi ta’ bejniethom. Minbarra dan, Piju XII jattribwixxi rwol deċiżiv lill-assoċjazzjonijiet professjonali, lill-koperattivi tal-ħaddiema u lid-diversi korpi intermedji tal-ħajja ekonomika u soċjali, u jagħraf f’dawn ix-xejriet organizzati tas-soċjetà bażi essenzjali għall-ekwilibriju ċivili u għall-ħarsien tal-ġid komuni. Hu jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ Stat tad-dritt b’saħħtu biex jilqa’ għall-abbużi tal-poter u jagħraf fid-demokrazija strument li għandu jiffavorixxi t-tħaddim korrett tal-awtorità. Fl-istess waqt, iwissi kontra kull pretensjoni li d-dritt ikun iserraħ fuq dak li huwa utli jew fuq il-forza, u jfakkar li ordni internazzjonali rregolat mill-vantaġġ ta’ min hu l-aktar b’saħħtu jesponi lill-popli l-aktar dgħajfa għall-abbuż tal-poter u jhedded mill-qiegħ il-fiduċja bejn in-nazzjonijiet. Fl-aħħar nett, fl-iżbilanċi ekonomiċi qawwija bejn il-pajjiżi jilmaħ wieħed mill-fatturi li jrewħu aktar il-kunflitti.[26] Għal żmienna, milqut minn xejriet oħra ta’ poter globali u ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza dejjem jikber, jibqgħu partikularment sinifikattivi tliet orjentamenti: l-esiġenza li d-dritt jiġi qabel l-interess, l-għarfien li d-differenzi fil-livelli ekonomiċi huma art għammiela għal tensjonijiet u vjolenzi, u l-valur ta’ tessut assoċjattiv li kapaċi jkun medjazzjoni bejn individwu u Stat. Huma jkomplu joffru lid-Duttrina soċjali kriterji importanti biex taqra d-dinamiċi tal-globalizzazzjoni u biex tippromovi ordni internazzjonali iżjed ġust u paċifiku.
Is-snin tal-Konċilju Vatikan II
33. Ma’ San Ġwanni XXIII tiftaħ tappa ġdida tal-Maġisteru soċjali, immarkata minn attenzjoni iktar espliċita għad-dimensjoni dinjija tal-kwistjonijiet soċjali u għal-lingwaġġ tad-drittijiet. Fil-Mater et magistra hu jippreżenta l-fidi Nisranija bħala dik li kapaċi żżomm flimkien sema u art, u jfakkar li l-Knisja, imqar jekk għandha bħala missjoni ewlenija t-tqaddis u x-xandir tal-ġid etern, b’daqshekk ma twarrabx fil-ġenb l-esiġenzi konkreti tal-ħajja ta’ kuljum tal-persuni, imma tinteressa ruħha f’kull ġid uman awtentiku.[27] Ibda minn din il-viżjoni unitarja tal-uman, huwa jisħaq li l-ħajja soċjali tesiġi bilanċ bejn l-inizjattiva taċ-ċittadini u tal-gruppi, imsejħin biex jorganizzaw ruħhom u jikkollaboraw, u l-azzjoni tal-Istat, li għandu jikkordina u jwieżen bla ma jifga l-libertà u r-responsabbiltà tas-suġġetti; minn hawn toħroġ l-attenzjoni għar-rimunerazzjoni ġusta tax-xogħol, għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u għad-differenzi dejjem jikbru bejn il-pajjiżi. Ftit tas-snin wara, bil-Pacem in terris, waqt li indirizza għall-ewwel darba mhux biss lill-fidili imma lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, Ġwanni XXIII rabat b’mod organiku d-dinjità tal-persuna mal-għarfien tad-drittijiet u dmirijiet fundamentali u ppropona ordni tal-konvivenza – anki fuq livell internazzjonali – imsejjes fuq il-verità, il-ġustizzja, l-imħabba u l-libertà.[28] Għal żmienna, immarkat minn kunflitti mifruxa u minn xejriet ġodda ta’ interdipendenza globali, jibqgħu partikularment sinifikattivi x-xefaq universali tal-appell tiegħu, ir-riferiment għad-drittijiet umani bħala grammatika maqsuma bejnietna lkoll, u l-konvinzjoni li l-paċi fit-tul titlob istituzzjonijiet u relazzjonijiet bejn il-popli mnebbħa mid-dinjità ta’ kull persuna.
34. Il-Konċilju Vatikan II kien tappa li mmarkat żvolta fil-mod kif il-Knisja tifhem lilha nfisha fid-dinja tal-lum. Fil-Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes hu tana x-xbieha ta’ Knisja li tersaq qrib tal-umanità, sħab mad-dinja, u impenjata biex tirrifletti mhux fuq skemi astratti, imma tibda mill-konkretezza tas-sitwazzjonijiet storiċi. It-test jaffronta l-kwistjonijiet il-kbar taż-żwieġ u tal-familja, tal-ħajja ekonomika u soċjali, tal-komunità politika, tal-gwerra u tal-paċi, u jagħfas fuq il-fatt li l-istrutturi ekonomiċi u istituzzjonali jkunu ġusti biss skont kemm jaqdu l-iżvilupp integrali tal-persuna u jiffavorixxu l-parteċipazzjoni responsabbli ta’ kulħadd.[29] L-importanza ta’ dan id-dokument konċiljari għad-Duttrina soċjali tal-Knisja tidher mhux biss mill-fatt li fetaħ perspettivi ta’ riflessjoni tematika, imma wkoll għax offra metodu ta’ dixxerniment li jistedinna naqraw it-trasformazzjonijiet storiċi b’ħarsa evanġelika u kompetenza umana. Dan l-istil juri li għall-Knisja d-djalogu mad-dinja mhuwiex xi għażla ta’ tattika, imma għamla konkreta tal-missjoni tagħha, għax l-Evanġelju, bħal ħmira, jista’ jibdel minn ġewwa l-istrutturi ta’ konvivenza u jiftaħ toroq ta’ umanità ikbar. F’dan ix-xefaq hemm anki d-Dikjarazzjoni Dignitatis humanæ, li fiha l-Konċilju jagħraf li l-libertà reliġjuża hija dritt fundamentali b’għeruqu fid-dinjità tal-persuna, li għandha tiġi ggarantita mill-ordinament ġuridiku biex ħadd ma jkollu jaġixxi kontra l-kuxjenza jew ma jitħalliex ifittex u jistqarr il-verità fil-privat jew fil-pubbliku.[30] Dan il-prinċipju, ta’ rilevanza kbira għal żmienna, ikompli joffri lid-Duttrina soċjali kriterji deċiżivi għall-ħarsien tal-persuna u għat-tiswir ta’ soċjetajiet pluralistiċi u paċifiċi.
35. Fil-Pontifikat ta’ San Pawlu VI joħroġ għarfien tal-paċi li ma tirriduċix ruħha għall-assenza tal-gwerra, imma tissawwar fil-mixja ta’ żvilupp uman integrali. Fil-Populorum progressio hu jfisser l-iżvilupp bħala passaġġ minn kundizzjonijiet ta’ ħajja inqas umani għal kundizzjonijiet iżjed umani u dan jifhmu bħala proċess li jolqot lil kull bniedem u lill-bniedem sħiħ,[31] jiġifieri lil kull dimensjoni tal-persuna u kull poplu mingħajr esklużjonijiet. Fuq din il-bażi Pawlu VI jista’ jafferma li żvilupp maħsub b’dan il-mod hu fir-realtà “l-isem il-ġdid tal-paċi”,[32] għax jimmira li jeqred l-għeruq tal-inġustizzja u tal-kunflitt u li jiftaħ spazji ta’ ħajja iżjed denja għal kulħadd. Anki t-twaqqif tal-Kummissjoni Pontifiċja Iustitia et Pax għandna naqrawh f’dan id-dawl, bħala tentattiv li jagħti għamla stabbli, fuq livell ekkleżjali u internazzjonali, lil din l-intuwizzjoni, biex iżomm imqajma l-kuxjenza fuq id-diskrepanza dejjem tikber bejn pajjiżi sinjuri u pajjiżi foqra u fuq il-ħtieġa ta’ politika li tippromovi kundizzjonijiet ta’ ħajja tabilħaqq iżjed umani għal kulħadd.
36. Bl-Octogesima adveniens, miktuba fl-okkażjoni tat-80 anniversarju mir-Rerum novarum, Pawlu VI jwassal din il-perspettiva fi ħdan is-soċjetà postindustrijali, immarkata minn trasformazzjonijiet urbani, faqar ġdid, bidliet tax-xogħol u tibdil kulturali mgħaġġel li jpoġġi f’riskju l-futur tal-persuni u tal-komunitajiet. Għal Pawlu VI l-Evanġelju, imqar jekk tħabbar, inkiteb u ngħex f’kuntest storiku-kulturali differenti ħafna minn tagħna, mhuwiex messaġġ “superat”, imma hu viżjoni tal-persuna umana, tar-relazzjonijiet, tal-awtorità u tal-ġid komuni li kapaċi jorjenta llum ukoll l-għażliet ekonomiċi, politiċi u kulturali.[33] Fi kliem ieħor, l-Evanġelju jibqa’ attwali għax iforni l-kriterji biex nagħrfu dak li jumanizza jew jiddiżumanizza, dak li jeħles jew jgħakkes, f’sitwazzjonijiet dejjem ġodda. Għad-Duttrina soċjali tal-Knisja, il-wirt l-aktar esiġenti ta’ Pawlu VI hu proprju dan: sakemm fid-dinja sa jibqa’ popli esklużi minn żvilupp xieraq tal-bniedem, il-komunità Nisranija ma tistax tikkuntenta ruħha li xxandar il-paċi b’mod astratt, imma trid tħalli li l-Evanġelju jiġġudika, ibda minn min jibqa’ mwarrab fil-ġenb, dawk l-istrutturi ekonomiċi u politiċi li, kif kellu jfakkarna Ġwanni Pawlu II, jistgħu jsiru “strutturi tad-dnub” fil-veru sens tal-kelma,[34] biex ebda persuna u ebda poplu ma jiġi ttrattat bħala sagrifikabbli fil-proċessi ta’ żvilupp.
37. Il-Maġisteru soċjali għani ta’ San Ġwanni Pawlu II nsibuh f’salib it-toroq bejn il-kriżi tas-sistemi ideoloġiċi l-kbar tas-seklu 20 u l-miġja tal-globalizzazzjoni ekonomika. Fl-Enċiklika Laborem exercens, miktuba 90 sena wara l-pubblikazzjoni tar-Rerum novarum, hu jiftaħ triq ġdida ta’ riflessjoni fuq ix-xogħol. Il-paga ġusta hawn hi ppreżentata bħala verifika konkreta tal-ekwità tas-sistema soċjo-ekonomika sħiħa, għax turi jekk il-ħaddiem huwiex ittrattat bħala persuna jew bħala sempliċiment il-prezz ta’ kemm tiswa l-produzzjoni.[35] Ix-xogħol mhux meqjus biss bħala problema li trid tiġi indirizzata jew mezz għall-qligħ, imma bħala ġid fundamentali għall-persuna, prinċipju tal-attività ekonomika u muftieħ tal-kwistjoni soċjali kollha. Fih il-bniedem iqiegħed il-libertà tiegħu, il-kreattività tiegħu u l-ħila li jikkopera, waqt li jagħti sehmu għall-irfigħ kulturali u morali tas-soċjetà.[36] Fid-dawl ta’ dan, id-diversi xejriet ta’ prekarjetà, frammentazzjoni tal-mixjiet professjonali u awtomazzjoni ma jistgħux jiġu vvalutati biss f’termini ta’ effiċjenza, imma fid-dawl tad-dinjità tal-ħaddiem, tad-dritt għal ħlas xieraq u tal-possibbiltà effettiva ta’ parteċipazzojni fil-ħajja soċjali.
38. Fl-20 anniversarju mill-Populorum progressio, bl-Enċiklika Sollicitudo re socialis, Ġwanni Pawu II jerġa’ lura fuq il-pjaga tas-sottożvilupp u jagħraf il-falliment ta’ ħafna tentattivi li jagħmlu tajjeb għad-dewmien fil-progress ekonomiku ta’ popli foqra u li jsieħbu l-industrijalizzazzjoni tagħhom, hekk li rajna tippersisti u xi drabi titwessa’ l-qasma bejn Tramuntana u Nofsinhar tad-dinja.[37] Barra minn hekk, jikkundanna mekkaniżmi ekonomiċi, finanzjarji u kummerċjali li, imħaddma mill-pajjiżi l-aktar f’saħħithom, jiffavorixxu strutturalment l-interessi tagħhom u jifgaw l-ekonomiji iżjed dgħajfa, u jitlob li dawn jitqiegħdu wkoll għal ġudizzju etiku serju, u mhux biss wieħed tekniku.[38] F’dan il-kuntest, is-solidarjetà nifhmuha bħala korresponsabbiltà konkreta bejn persuni, popli u nazzjonijiet, għamla ta’ ħbiberija soċjali jew karità politika orjentata lejn iċ-“ċiviltà tal-imħabba” mitluba minn Pawlu VI.[39]
39. Fiċ-ċentinarju tar-Rerum novarum, l-Enċiklika Centesimus annus toffri fl-aħħar nett dixxerniment fuq it-tiġrif tas-sistema Sovjetika u fuq l-affermazzjoni tad-demokrazija u tal-ekonomija tas-suq. San Ġwanni Pawlu II jerġa’ jniedi l-messaġġ ta’ Piju XII li fil-fehma tiegħu l-Knisja tista’ tapprezza d-demokrazija skont kemm din tiggarantixxi l-parteċipazzjoni effettiva taċ-ċittadini, tħalli lil min jagħżel u jissostitwixxi paċifikament il-mexxejja, u ma tħallix li l-poter jiġi monopolizzat minn gruppi elitisti ristretti mmexxija minn interessi partikulari jew ideoloġiċi.[40] Bl-istess mod huwa jagħraf il-potenzjal pożittiv tas-suq u tal-inizjattiva privata biss jekk dawn jibqgħu subordinati għal-liġi morali u orjentati mill-prinċipju tas-solidarjetà, mingħajr ma jissagrifikaw lil min hu l-iżjed dgħajjef għal-loġika tal-profitt.[41] Għad-Duttrina soċjali tal-Knisja jibqa’ għalhekk wirt partikularment attwali: l-affermazzjoni tar-rabta bejn dinjità u xogħol, is-solidarjetà bejn il-popli u l-valutazzjoni kritika ta’ demokrazija u ekonomija tas-suq tibqa’ toffri kriterji biex wieħed jiġġudika x-xejriet ġodda ta’ sfruttament, ta’ esklużjoni u ta’ kriżi tar-rappreżentanza politika.
40. Il-Papa Benedittu XVI, fl-Enċiklika soċjali tiegħu Caritas in veritate, ried jerġa’ jaqbad u jinżel fil-fond tal-kunċett ta’ żvilupp ippreżentat fil-Populorum progressio, u jaqrah mill-ġdid fix-xefaq tal-globalizzazzjoni. Ifakkar li dan l-iżvilupp għandu jittraduċi ruħu fi “tkabbir reali, li jitwessa’ biex iħaddan lil kulħadd u sostenibbli b’mod konkret”,[42] jiġifieri fi progress ekonomiku tabilħaqq inklużiv u li jirrispetta l-limiti tal-ħolqien. Imma hu jixhed kif fil-pajjiżi għonja qed jissawru kategoriji ġodda ta’ foqra u jitkattru xejriet ta’ esklużjoni li ma konniex rajna bħalhom qabel, waqt li fir-reġjuni l-iżjed foqra gruppi żgħar jgħixu f’benessri konsumistiku li jgħix dahar ma’ dahar ma’ sitwazzjonijiet ta’ miżerja diżumanizzanti.[43] Josserva wkoll li s-sistema ekonomika-finanzjarja globali ġdida, immarkata minn ċaqliq kbir tal-kapital u tal-mezzi ta’ produzzjoni, tat dimensjoni ġdida lill-poter politiku tal-Istati u l-kapaċità tagħhom li jorjentaw il-proċessi ekonomiċi.[44] Għalhekk jisħaq mill-ġdid li l-attività ekonomika ma tistax tippretendi li ssolvi l-problemi soċjali sempliċiment billi twessa’ l-loġika tas-suq, imma għandha tkun ordnata lejn il-ġid komuni, li tiegħu l-komunità politika ġġorr responsabbiltà proprja u insostitwibbli.[45]
41. Fil-qalba ta’ dan il-qari mill-ġdid tat-test Benedittu XVI jqiegħed l-imħabba, u jafferma li “hi t-triq ewlenija tad-duttrina soċjali tal-Knisja”,[46] bil-kundizzjoni li tkun dejjem magħquda mal-verità; u jinnota bi preokkupazzjoni li proprju fl-oqsma soċjali, ġuridiċi, politiċi u ekonomiċi hemm it-tendenza li tiġi meqjusa moralment irrilevanti. L-element ġdid tal-kontribut tiegħu qiegħed f’li juri li żvilupp, ġustizzja, istituzzjoni u suq ma humiex realtajiet newtrali, imma postijiet fejn l-imħabba fil-verità għandha tieħu għamla storika. Għar-realtà tal-lum, immarkata minn nuqqas dejjem jikber ta’ ugwaljanza, pressjoni tas-swieq finanzjarji, kriżijiet ambjentali u sfiduċja fil-politika, dan it-tagħlim jibqa’ attwali għax jitlobna niġġudikaw kull mudell ta’ żvilupp skont il-kapaċità tiegħu li jkun inklużiv u sostenibbli, li jsawwar mill-ġdid ir-relazzjoni bejn ekonomija u politika madwar il-ġid komuni, u li jagħraf li l-imħabba għandha rwol kritiku u ġenerattiv fil-ħajja pubblika.
42. Il-Maġisteru soċjali tal-Papa Franġisku jiżviluppa fil-linja tal-Gaudium et spes, li tistedinna nħarsu lejn l-istorja billi nibdew mill-ġrieħi u mit-tamiet tal-persuni u nqegħduhom fi djalogu mal-Evanġelju. Dan l-orjentament joħroġ b’ċarezza partikulari fl-Evangelii gaudium, fejn insibu affermat li t-tħabbira Nisranija għandha dimensjoni soċjali intrinsika u ssejjaħ għal Knisja li jkollha l-ħila tisma’ l-karba tal-foqra, tal-migranti u tal-vittmi tax-xejriet ġodda ta’ jasar. F’din il-perspettiva, għandna wkoll l-insistenza ta’ Franġisku fuq Knisja sinodali, Knisja li “timxi flimkien”, li tfittex li taqra s-sinjali taż-żminijiet fid-dawl tal-Evanġelju u tħalli jevanġelizzawha lill-foqra li magħhom taqsam l-istorja.[47]
43. Fil-Laudato si’ Franġisku joffri l-ewwel elaborazzjoni sistematika kbira tal-kriżi ambjentali f’Enċiklika soċjali, u juri li din mhix kwistjoni iżolata, imma l-aspett ekoloġiku tal-kriżi soċjo-ekonomika kontemporanja. Il-proposta tiegħu ta’ ekoloġija integrali żżomm flimkien l-għożża tad-Dar komuni tagħna u l-għażla preferenzjali tal-foqra, u jafferma b’qawwa li “l-karba tal-art u l-karba tal-foqra”[48] ma jistgħux jinfirdu minn xulxin. F’dan id-dawl, terġa’ tingħata importanza ewlenija lid-destinazzjoni universali tal-ġid, il-kritika lil mudell teknokratiku li jippretendi li jista’ jirriduċi kollox għal oġġett tal-ħakma, id-difiża tax-xogħol tal-bniedem mhedded mil-loġika tal-iskart, l-esiġenza ta’ ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet, u s-sejħa għal djalogu veru bejn politika u ekonomija, biex l-ebda waħda mit-tnejn ma tingħalaq fl-awtoreferenzjalità tagħha.
44. Quddiem it-tmermir tat-tessut soċjali, il-“gwerra dinjija miġġielda f’biċċiet”, il-globalizzazzjoni individwalista u l-konsegwenzi tal-pandemija fuq ir-rabtiet komunitarji, Franġisku jniedi mill-ġdid fil-Fratelli tutti l-ħolma ta’ umanità li tagħraf tagħżel il-ħbiberija soċjali u l-fraternità universali. Jipproponi l-kultura tal-laqgħa, “politika aħjar” li jkollha l-ħila tfittex il-ġid komuni, toroq ta’ rikonċiljazzjoni u dinja li tiżgura “art, dar u xogħol għal kulħadd”.[49] Fl-aħħar nett, bid-Dilexit nos, juri li dawn l-impenji soċjali kbar ma jistgħux jinfirdu mir-relazzjoni personali ma’ Kristu: lura għall-Kelma ta’ Alla, ifakkar li t-tweġiba l-aktar vera għall-imħabba tal-Qalb ta’ Ġesù hija l-imħabba konkreta għall-aħwa u jafferma li “ma hemmx ġest ikbar li nistgħu noffrulu biex inwieġbu għall-imħabba bl-imħabba”.[50]
Naqraw l-istorja fid-dawl tal-fidi
45. Meta nħarsu lejn il-ġabra sħiħa ta’ din il-mixja, nifhmu kif id-Duttrina soċjali tal-Knisja mhijiex il-frott ta’ proġett elaborat maħdum ma’ mejda, imma l-frott ta’ nsiġ bis-sabar, li fih kull Papa – flimkien mal-Konċilju Vatikan II – offra kontribut oriġinali fid-dawl tal-“ħwejjeġ ġodda” ta’ żmienu. Kull wieħed fehem id-diversi aspetti tal-epoka tiegħu u qara bl-għajnejn tal-Evanġelju l-bidliet storiċi, u hekk ħareġ id-diversi aspetti ta’ wirt waħdieni: id-dinjità tal-persuna, il-valur tax-xogħol, id-destinazzjoni universali tal-ġid, is-solidarjetà u s-sussidjarjetà, l-għożża tal-ħolqien, iċ-ċentralità tal-paċi u tal-fraternità. Minn dan joħroġ żvilupp armoniku, imma mhux dejjem lineari, immarkat minn aċċenti differenti, minn approfondimenti progressivi u, xi drabi, minn bidliet fil-perspettiva li ma joħolqux qtugħ minn dak li ġie qabel, imma jimmaturaw l-implikazzjonijiet tiegħu. Jekk illum nistgħu nitkellmu fuq corpus ta’ prinċipji u kriterji komuni bejnietna, dan għaliex dan il-mod kif naqraw l-istorja fid-dawl tal-fidi qatt ma qata’ u għaraf iħalli jipprovokawh il-mistoqsijiet ta’ kull ġenerazzjoni. Huwa lejn din il-qalba li twieżen kollox – il-prinċipji kbar tad-Duttrina soċjali li jorjentaw id-dixxerniment ta’ min jemmen fil-ħajja personali u pubblika – li issa nixtieq indawwar l-attenzjoni, biex nagħrfu aħjar il-koerenza interna u l-qawwa ġenerattiva li għandha għal żmienna.
46. Id-Duttrina soċjali tal-Knisja hija realtà ħajja, fi djalogu mal-istorja, il-kulturi u x-xjenzi, u fl-istess waqt tħares qalba ta’ veritajiet li qatt ma jgħaddi ż-żmien minn fuqhom. Għalhekk tista’ titqies għamla ta’ għerf li kapaċi jorjenta llum ukoll il-ħajja personali u soċjali ta’ kull min jemmen. F’dan it-tieni kapitlu nixtieq nieqaf fuq xi fundamenti u prinċipji tad-Duttrina soċjali li jgħinuna naqraw il-“ħwejjeġ ġodda” ta’ żmienna, fid-dawl tad-dinjità fundamentali tal-bniedem. Inħoss li llum, biex inħarsu l-persuna umana fiż-żmien tal-intelliġenza artifiċjali, jeħtieġ nerġgħu lura u nirriflettu fuq il-ġid komuni, fuq id-destinazzjoni universali tal-ġid, fuq is-sussidjarjetà, fuq is-solidarjetà u fuq il-ġustizzja soċjali. Jiena konvint li r-relazzjoni armonjuża bejn dawn il-prinċipji titlob li huma jitqiesu ħaġa waħda flimkien, sabiex joħroġ b’mod ċar kif huma jsejħu u jdawlu lil xulxin.
47. Qed nipproponi dawn ir-riflessjonijiet, għax nixtieq qabelxejn ngħin lill-fidili lajċi u lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba jiskopru mill-ġdid id-dmir tagħhom li fil-ħajja ta’ kuljum, fir-relazzjonijiet fil-familji, fix-xogħol u fil-parteċipazzjoni soċjali, iġorru magħhom il-prinċipji li sejjer infakkar, u jħallu tmexxihom il-fehma li jinkarnaw l-imħabba ta’ Alla fin-nisġa konkreta tal-istorja. Fl-istess ħin, nixtieq ninkuraġġixxi lill-akkademji u l-universitajiet biex jerġgħu jħeġġu dawn il-prinċipji, u jirriflettu mill-ġdid dwarhom b’mod li jaqbel mal-ħajja tal-lum u li jkun effikaċi biex nistgħu naffrontaw ir-rivoluzzjoni diġitali. B’dan il-mod, it-tiftix teoloġiku u filosofiku jkun jista’ japprofondixxi u jwieżen il-mixja pastorali tal-Knisja, u jikkontribwixxi b’risq id-dmir tal-Maġisteru li jdawwal il-kuxjenza ta’ min jemmen u jorjenta l-impenn tagħhom biex jagħmlu iktar ġusta u fraterna l-ħajja tas-soċjetajiet tagħna.
Il-fundamenti tad-Duttrina soċjali
Il-bniedem xbieha ta’ Alla Trinità
48. Id-Duttrina soċjali tal-Knisja teħodna lejn l-istess qalba tal-fidi tagħna: il-misteru ta’ Alla ħaj, rivelat f’Ġesù Kristu bħala komunjoni ta’ Persuni, Missier, Iben u Spirtu s-Santu, imħabba f’relazzjoni, li tingħata reċiprokament u tikkomunika ruħha lid-dinja.[51] Kif ifakkarna l-Konċilju, il-bniedem hu msejjaħ għall-komunjoni ma’ Alla u “ma jistax isib sewwa lilu nnifsu ħlief billi sinċerament jagħmel don tiegħu nnifsu”:[52] l-aktar vokazzjoni profonda tiegħu hi li jidħol fil-moviment Trinitarju tal-imħabba rċevuta u maqsuma.
49. Jekk il-misteru ta’ Alla-Mħabba huwa l-għajn tad-Duttrina soċjali, il-wiċċ l-aktar konkret tiegħu nikkontemplawh f’Ġesù Kristu, il-Verb inkarnat. Meta jsir bniedem, l-Iben ta’ Alla jidħol fl-istorja tagħna u fil-ġisem tagħna, u jġorr miegħu l-imħabba li torbtu mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu. Fih “il-misteru tal-bniedem jiddawwal”,[53] biex l-umanità tiegħu tkun ħielsa għalkollox, miftuħa għall-oħrajn, kapaċi tibni relazzjonijiet solidali u sbieħ, mogħtija għad-don totali tagħha nfisha. Min jemmen fih jidħol fl-opra kbira ta’ tiġdid imnedija mill-misteru tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien, u jikkopera fil-bini tas-Saltna ta’ Alla, waqt li jitgħallem jilqa’ lil kull bniedem bħala oħtu u ħuh, ulied l-istess Missier. Hekk, kemm it-tħabbira u kemm l-esperjenza Nisranija, immexxija mill-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, ifittxu li jnisslu fid-dinja konsegwenzi soċjali.[54]
50. Fil-qalba tal-viżjoni Nisranija tal-bniedem hemm l-affermazzjoni l-kbira li r-raġel u l-mara huma maħluqa fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla Trinità (ara Ġen 1:26-27). Maħluqa biex tidħol f’relazzjoni, kull persuna hi maħsuba u mixtieqa minn Alla biex tidħol fi storja ta’ komunjoni miegħu, mal-oħrajn u mal-ħolqien. Id-dinjità tagħha ma tiddependix minn kemm tippossedi, mill-ġid li għandha jew mir-rwol li twettaq, mill-għażliet tajba jew żbaljati li tagħmel, imma hija don li jinsab hemm qabilha u jgħaddiha, imqiegħed minn Alla bħala espressjoni tal-imħabba tiegħu li qatt ma tonqos. Għalhekk, il-bniedem jibqa’ dejjem “it-triq tal-Knisja”[55] u l-qalba ta’ kull mixja awtentika ta’ żvilupp sħiħ tal-umanità.[56]
Id-dinjità ugwali tal-bnedmin kollha
51. San Ġwanni Pawlu II afferma li “l-għarfien l-aktar għoli tad-dinjità tal-persuna umana u li ma hemmx oħra bħalha, u tar-rispett li jixraq lill-kuxjenza fil-mixi tagħha, juri sewwa dak li nkiseb miċ-ċiviltà ta’ żmienna”.[57] Din l-affermazzjoni tidħol fil-mogħdija diġà mfassla mill-Konċilju Vatikan II, fejn kiber l-għarfien tad-dinjità l-aktar għolja ta’ kull persuna, tal-valur tagħha ogħla minn ta’ kull ħaġa oħra, u tad-drittijiet u d-dmirijiet universali u invjolabbli tagħha.[58] Tajjeb li noqogħdu attenti biex dan l-għarfien li kiber dwar id-dinjità umana ma jittebbax mill-pressjoni ta’ ideoloġiji ġodda jew ta’ interessi partikulari b’saħħithom ħafna fid-dinja tal-lum. Fost dawn l-ideoloġiji nara partikularment perikoluża dik li tagħti x’wieħed jifhem li kull persuna għandha tiggwadanja għaliha jew tiġġustifika l-valur tagħha, sal-punt li tagħti preġju ikbar lil dawk li huma iżjed effiċjenti jew kapaċi jagħmlu aktar. F’perspettiva bħal din, il-persuna tispiċċa tiġi maqsuma fi tnejn biex tista’ tikseb riżultati, tispiċċa riżorsa biex tiġi użata u sfruttata, u ma tibqax tiġi rikonoxxuta bħala fini fih innifsu, li qatt ma għandu jiġi strumentalizzat. Imma l-valur tal-persuna ma jiddependix minn dak li twettaq jew tipproduċi, u jeżistu drittijiet li huma ta’ kulħadd sempliċiment għax kulħadd hu persuna. L-ebda poter uman ma jista’ leġittimament jiċħadhom jew jillimitahom kif jogħġbu.[59]
52. Meta nitkellmu fuq dinjità, din il-kelma ma nkunux nużawha dejjem bl-istess mod: xi drabi nkunu nirriferu għad-dinjità morali, jiġifieri għall-mod kif persuna torjenta l-għażliet tagħha u l-aġir tagħha; drabi oħra jkollna f’moħħna d-dinjità soċjali, jiġifieri l-kundizzjonijiet ta’ ħajja tal-persuna u r-rispett konkret li tirrikonoxxilha s-soċjetà; f’każi oħra, terġa’, inkunu nifhmu d-dinjità eżistenzjali, jiġifieri l-mod kif persuna tifhem il-valur tagħha nfisha u ta’ ħajjitha. Dawn id-dimensjonijiet tad-dinjità jistgħu jikbru jew jiċkienu. Imma barra dawn it-tifsiriet, hemm livell iżjed profond, l-aktar wieħed importanti, li jikkonsisti fid-dinjità ontoloġika. Hija d-dinjità li għandu kull bniedem sempliċiment għax hu jeżisti, għax ġie mixtieq, maħluq u maħbub minn Alla:[60] l-ebda dnub, l-ebda falliment, l-ebda umiljazzjoni, l-ebda esklużjoni ma tista’ tnaqqas mill-valur profond ta’ ħajja umana li hu ried u sejjaħ fl-eżistenza.[61]
53. Għalhekk, id-dinjità fundamentali ta’ kull persuna mhix ħaġa li tiksibha jew timmeritaha, lanqas għandha bżonn li tintwera. Id-Dikjarazzjoni riċenti Dignitas infinita offriet sinteżi tal-konvinzjonijiet tal-Knisja fuq din it-tema: “Dinjità bla qies, essenzjalment imsejsa fuq l-istess essri tiegħu, għandu kull bniedem, lil hemm minn kull ċirkustanza u f’kull stat jew qagħda li jsib ruħu fiha”,[62] jiġifieri dejjem u b’mod inevitabbli. Din id-dinjità ta’ kull bniedem tista’ tissejjaħ bla qies, kif għamel San Ġwanni Pawlu II,[63] għal żewġ raġunijiet: għax bla qies hi l-imħabba ta’ Alla li jsejjaħlu għall-ħbiberija miegħu, u għax hi assolutament inkundizzjonata, fis-sens li, imqar jekk wieħed jibqa’ jfittex għal dejjem, qatt mhu ħa jsib xejn li jista’ jħassarha jew jiċħadha.
Il-valur l-aktar għoli tad-drittijiet umani
54. Il-Knisja tagħraf bi gratitudni li “l-moviment lejn l-identifikazzjoni u l-proklamazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem hu wieħed mill-aktar sforzi tajbin biex inwieġbu b’mod effikaċi għall-esiġenzi fundamentali tad-dinjità umana”.[64] U, kif stqarr Ġwanni Pawlu II, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, imxandra mill-Ġnus Magħquda fl-10 ta’ Diċembru 1948, għadha sa żmienna waħda mill-ogħla espressjonijiet tal-kuxjenza umana.[65] Hija “pass tassew determinanti fit-triq tal-progress morali tal-umanità”.[66] Għalhekk, fil-perspettiva Nisranija, id-drittijiet umani ma humiex xi żieda esterna għall-persuna, imma traduzzjoni storika tad-dinjità intrinsika tiegħu, li l-komunità internazzjonali hi msejħa tħares u tippromovi.
55. Id-drittijiet umani huma invjolabbli, għax “huma tal-persuna umana u tad-dinjità tagħha”.[67] B’konsegwenza ta’ dan, huma universali u inaljenabbli.[68] Proprju għax imsejsa fuq id-dinjità komuni ta’ kull bniedem, huma jġibu magħhom konsegwenzi prattiċi u effetti ġuridiċi, għax “ma jkun jiswa xejn li nipproklamaw id-drittijiet umani jekk fl-istess waqt ma nqiegħdux fil-prattika dak kollu meħtieġ biex niggarantixxu d-dover li jiġu rispettati, min-naħa ta’ kulħadd, kullimkien u għal kulħadd”.[69] Fost dawn, l-ewwel dritt uman huwa d-dritt għall-ħajja, mit-tnissil sal-għeluq naturali tagħha,[70] li mingħajru impossibbli nħaddmu kull dritt ieħor. Meta dan id-dritt fundamentali jiġi miċħud, kif iseħħ fl-abort ipprovokat, fil-qtil tal-innoċenti u fl-ewtanasja, insibu ruħna quddiem għażliet li l-Knisja tiġġudikahom gravament illeċiti.[71]
56. Meta nħarsu lejn żmienna, ma nistgħux ninjoraw il-fatt li l-ħarsien tad-drittijiet umani huwa llum espost għal żewġ riskji partikularment gravi. L-ewwel wieħed hu dak ta’ dikjarazzjonijiet purament formali tagħhom, meta dawn, flimkien mal-progress teknoloġiku, jibqgħu javvanzaw b’mod mistur jew evidenti vjolazzjonijiet tad-dinjità umana. It-tieni, li fir-realtà qiegħed fl-għeruq tal-ewwel, hu dak li ma nibqgħux nagħrfu l-fundament tal-universalità tagħhom, għax tajna daharna lit-“tiftixa tal-pedamenti l-iżjed sodi li jinsabu fil-bażi tal-għażliet u l-liġijiet tagħna”.[72] Il-Papa Franġisku stedinna ma nissottovalutawx din l-aħħar problema. Fakkarna li meta r-raġuni tistaqsi serjament fuq in-natura umana, tkun kapaċi tiskopri valuri li jgħoddu għal kulħadd, għax ħierġa minnha. Jekk din il-ħidma ta’ tiftix tiġi mwarrba, jista’ jiġri li drittijiet li llum kulħadd jaqbel li ma għandhomx jintmessu, fil-futur, jispiċċaw biex jiġu mqiegħda fid-dubju jew miċħuda minn min ikollu l-poter f’idejh, forsi wara li jkun kiseb kunsens biss apparenti min-naħa ta’ popolazzjonijiet imbeżżgħa jew immanipulati.[73]
57. Flimkien ma’ għarfien ikbar tal-valur ta’ kull persuna umana u tad-drittijiet tagħha, kiber anki l-għarfien tad-drittijiet tal-minoranzi. Madankollu, baqa’ triq twila x’nimxu biex, fid-dinja kollha, ikunu tassew iggarantiti b’mod ugwali d-drittijiet ta’ parti kbira, jiġifieri tan-nisa. Huwa fatt li “doppjament foqra huma n-nisa li qed ibatu minn sitwazzjoni ta’ esklużjoni, trattament ħażin jew vjolenza, għax spiss isibu ruħhom fi ftit li xejn possibbiltajiet biex jiddefendu l-jeddijiet tagħhom”.[74] Allura mhux biżżejjed naffermaw bil-kliem li rġiel u nisa għandhom l-istess dinjità u l-istess drittijiet; hemm bżonn li dan ikun tradott f’għażliet konkreti, fil-liġijiet, fl-aċċess għax-xogħol, fit-tagħlim, fir-responsabbiltajiet soċjali u politiċi, fil-mod li bih is-soċjetà tisma’ u tivvalorizza l-kontribut tan-nisa. Sakemm tibqa’ din id-diskrepanza, ma nistgħux ngħidu li s-soċjetà tirrikonoxxi tassew, għalkollox, li n-nisa għandhom l-istess dinjità tal-irġiel.
58. Dak li jiswa huwa l-persuni konkreti, kull wieħed u waħda minnhom u l-familji tagħhom. Il-movimenti soċjali, il-proklamazzjonijiet politiċi kbar favur il-poplu u l-ideoloġiji komunitarji ma jiswew għal xejn jekk ma jaslux li jorjentaw għall-promozzjoni tal-persuni – irġiel u nisa – bid-drittijiet inaljenabbli tagħhom. Bl-istess mod, mhux biżżejjed neżaltaw il-libertà individwali jew l-inizjattiva privata, jekk imbagħad naċċettaw li għadd kbir ta’ persuni jkomplu jgħixu mingħajr xogħol dinjituż, mingħajr protezzjoni, mingħajr aċċess għall-ġid fundamentali.
Il-prinċipji tad-Duttrina soċjali
Il-prinċipju tal-ġid komuni
59. Li nagħrfu li kull mara u raġel iġorru fihom dinjità inaljenabbli u drittijiet li ebda poter uman ma jista’ jeqred jew jikkanċella jitlob minna li nagħġnu l-mod li bih ngħixu flimkien, l-għażliet ekonomiċi u politiċi tagħna, il-wiċċ konkret tal-bliet tagħna. Minn hawn joħroġ l-ewwel prinċipju kbir tad-Duttrina soċjali li nixtieq infakkar: il-ġid komuni. Nistgħu nfissruh bħala l-għamla soċjali tad-dinjità li kulħadd għandu. Meta Benedittu XVI rrifera għall-valuri mhux negozjabbli li l-Knisja għandha dejjem tiddefendi, inkluda fosthom “it-titjib tal-ġid komuni”.[75] Fil-fatt, għan-Nisrani, li joħroġ mid-dinja ċkejkna tal-interessi tiegħu u jħabrek, fil-limiti tal-possibbiltajiet tiegħu, għall-ġid komuni hu valur mhux negozjabbli, kif inhi l-promozzjoni tal-ħajja.
60. Il-Konċilju Vatikan II stqarr li l-ġid komuni jikkonsisti fil-“ġabra ta’ dawk il-kundizzjonijiet tal-ħajja soċjali li jippermettu kemm lill-għaqdiet kemm lill-membri wieħed wieħed li jiksbu l-perfezzjoni tagħhom aktar sħiħa u aktar malajr”.[76] Din id-defenizzjoni toffrilna l-ewwel orjentament prezzjuż, biex il-ġid komuni ma nħalluhx jirriduċi ruħu għal sempliċi lista ta’ kundizzjonijiet jew ta’ istituzzjonijiet. Mhuwiex il-ġabra tal-vantaġġi ta’ kull individwu, lanqas il-punt fejn jiltaqgħu l-interessi partikulari ta’ kull wieħed u waħda; huwa ġid ikbar, li hu ta’ kulħadd, u li flimkien biss nistgħu nibnuh, inkabbruh u nħarsuh. Nistgħu ngħidu li l-imġiba soċjali tilħaq il-milja tagħha meta timxi lejn dan il-ġid maqsum bejnietna, l-istess kif l-imġiba morali tal-persuna ssib il-milja tagħha fl-għażla ta’ dak li hu tassew tajjeb.[77]
61. F’dan is-sens nistgħu naffermaw li “l-kollox hu wisq iktar mill-parti”[78] u li proprju għalhekk “is-sempliċi ġabra tal-interessi individwali m’għandhiex il-ħila li toħloq dinja aħjar għall-bnedmin kollha”.[79] Hija illużjoni li naħsbu li biżżejjed infittxu l-progress tagħna biex nikkontribwixxu għall-ġid ta’ kulħadd, mingħajr ma jkollna realment għax ninkwetaw għall-oħrajn. Din il-viżjoni tinjora l-valur proprju u speċifiku tal-ġid komuni: dan hu frott tal-“interdipendenza”[80] li tipprovoka xibka ta’ ġid soċjali li jixtered u jħalli effetti fuq il-persuni. Il-ġid komuni hu plus, riżultat tal-interazzjoni u tal-influwenza reċiproka li torbot diversi azzjonijiet, inizjattivi, sforzi u deċiżjonijiet flimkien. Li kellna ngħoddu sempliċiment il-ġid individwali, ma nkunux nistgħu nispjegaw l-eżistenza ta’ dan il-plus li jissuperahom u fl-istess waqt bih jistagħnew.
62. Huwa t-tiftix tal-ġid komuni li jagħti l-ħajja lil poplu, mifhum mhux bħala s-sempliċi ġabra ta’ individwi, imma bħala realtà ħajja fejn il-persuni jitgħallmu jagħrfu li huma marbuta ma’ xulxin u korresponsabbli għar-res publica. F’dan is-sens, kull persuna tagħti sehemha biex tibni l-poplu tagħha b’“ħidma iebsa li tieħu fit-tul u li titlob minna li nintegraw ruħna u nitgħallmu nagħmlu hekk sabiex nistgħu nibnu kultura tal-laqgħa f’armonija ta’ bosta xejriet”.[81] Li naħdmu flimkien biex infittxu l-ġid ta’ kulħadd ifisser li jkollna proġett maqsum bejnietna. Huwa ċar li bejn id-diversi persuni hemm ħafna differenzi ideoloġiċi u prattiċi, hemm interessi differenti u kuntrasti frekwenti, imma dan ma jfissirx li hija impossibbli mixja ta’ djalogu biex naslu għal bażi ta’ kunsens li permezz tagħha nistgħu nibnu proġett għal kulħadd u nimxu flimkien.
63. Huwa xogħol l-Istat li jiggarantixxi koeżjoni, għaqda u organizzazzjoni tajba tas-soċjetà ċivili, biex hekk il-ġid komuni jista’ tassew jiġi mfittex bis-sehem ta’ kulħadd. Fil-konkret, dan ifisser li s-setgħa pubblika għandha d-dmir delikat li “tarmonizza bil-ġustizzja”[82] d-diversi interessi involuti, waqt li tfittex bilanċ bejn il-ġid partikulari u l-ġid ta’ flimkien, mingħajr ma tħalli jaqgħu lura lil dawk l-aktar dgħajfa. Meta l-politika tirrifjuta viżjoni fuq perjodu twil u tirriduċi ruħha għal kalkoli għal żmien qasir jew għal polarizzazzjonijiet sterili, id-diskorsi fuq il-ġid komuni jitilfu l-kredibbiltà tagħhom, u fl-istess waqt jikbru n-nuqqas ta’ ugwaljanza u qsim soċjali.
64. Dan jgħodd ukoll għall-politika internazzjonali. Waqt li d-distanzi bejn il-popli qed jikbru, qed tidħol loġika ta’ kuntrasti u ta’ aggressività, u l-mixja iebsa lejn dinja iktar magħquda u fraterna qed iġġarrab daqqiet ta’ ħarta ġodda u ta’ swied il-qalb. F’dan il-qafas, li wieħed jitkellem dwar mixja flimkien lejn żvilupp aktar ġust għall-familja kollha tal-bnedmin “jinstema’ qisu kien xi ġennata”.[83] Imma ma nistgħux nitilfu t-tama. Nistieden lil kulħadd jaħseb f’għamliet ta’ koperazzjoni u ta’ istituzzjonijiet internazzjonali iżjed effikaċi, li kapaċi jħarsu l-ġid komuni globali mingħajr ma jħassru mill-pluralità leġittima tal-popli u tal-Istati. Fil-fatt, il-promozzjoni tal-ġid komuni qatt ma tista’ tiġi mifruda mir-rispett tal-jedd li għandhom il-popli illi jeżistu, iħarsu l-identità tagħhom u jikkontribwixxu bl-oriġinalità tagħhom b’risq il-familja tal-ġnus.[84] Kull tentattiv jew proġett biex jiġi eliminat jew sottomess xi nazzjon hu gravament immorali u allura inaċċettabbli.
Il-prinċipju tad-destinazzjoni universali tal-ġid
65. “Fost il-bosta implikazzjonijiet tal-ġid komuni, jikseb minnufih importanza l-prinċipju tad-destinazzjoni universali tal-ġid”.[85] Dan il-prinċipju jfakkarna qabelxejn li l-ġid tal-art – il-ħamrija, l-ilma, l-arja, ir-riżorsi naturali – hu mogħti minn Alla lill-familja kollha tal-bnedmin biex tkun ta’ sostenn għall-ħajja ta’ kulħadd, illum u fil-ġenerazzjonijiet li ġejjin, u li kull persuna għandha dritt inerenti għall-użu ta’ dan il-ġid. San Ġwanni Pawlu II fakkarna li “Alla ta l-art lill-familji kollha tal-bnedmin, għall-għajxien tagħhom ilkoll mingħajr ma ħalla ’l ħadd barra jew ipprefera lil xi ħadd”.[86] B’konsegwenza ta’ dan, “mhuwiex skont il-pjan ta’ Alla li dan id-don nużawh b’mod li l-ġid tiegħu jkun biss għall-vantaġġ tal-ftit”.[87] Illum aħna msejħin nirrikonoxxu li din id-destinazzjoni universali ma tmissx biss il-ġid materjali, imma anki l-ġid immaterjali u kulturali.
66. Jeżisti dritt għall-proprjetà privata li għandu t-tifsira u l-funzjoni tiegħu, imma dejjem subordinat għad-destinazzjoni universali tal-ġid. Skont Ġwanni Pawlu II, din is-subordinazzjoni hi r-regola tad-deheb tal-imġiba soċjali u l-“ewwel prinċipju tal-ordinament etiku-soċjali kollu”.[88] It-tradizzjoni tal-Knisja rat fil-proprjetà mezz kif inħarsu u namministraw il-ġid b’mod li jista’ jservi aħjar lill-ġid komuni. Billi “t-tradizzjoni Nisranija qatt ma għarfet bħala assolut jew li ma jistax jintmess id-dritt tal-proprjetà privata”,[89] il-funzjoni soċjali tagħha ma għandhiex titqies bħala sempliċi opinjoni teoloġika, imma duttrina ċerta tal-Knisja, diġà preżenti fl-Iskrittura Mqaddsa u fil-Missirijiet. Għalhekk, il-Papa Franġisku fakkar li s-solidarjetà, meta tingħax b’mod profond, tfisser ukoll “li nagħtu lura lill-fqir dak li hu tiegħu”.[90]
67. Illum, fost il-ġid li hu universalment iddestinat għal kulħadd, irridu ninkludu wkoll l-għamliet ġodda ta’ proprjetà: patents, algoritmi, pjattaformi diġitali, infrastrutturi teknoloġiċi, ‘data’. F’kuntest fejn il-ġid tan-nazzjonijiet qed jiddependi dejjem iżjed minn għarfien u teknoloġiji, meta dan il-ġid jibqa’ kkonċentrat f’idejn il-ftit, mingħajr xejriet adegwati ta’ qsim ma’ oħrajn u ta’ aċċess minn kulħadd, jinħoloq żbilanċ ġdid li jfixkel id-destinazzjoni universali tal-ġid u jkabbar id-diskrepanza bejn dawk inklużi u dawk esklużi, bejn min jista’ jipparteċipa fir-rivoluzzjoni diġitali u min jibqa’ fit-trufijiet tagħha. Barra minn hekk, l-għożża għad-Dar komuni u r-responsabbiltà lejn il-foqra u lejn il-ġenerazzjonijiet futuri jitolbu li l-użu tal-ġid tal-ħolqien u tal-possibbiltajiet ġodda offruti mit-teknoloġija jiġi rregolat b’mod li jkun jirrispetta l-ambjent, jevita l-ħela u xejriet ġodda ta’ ħtif u serq.
Il-prinċipju tas-sussidjarjetà
68. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà jinbet mill-istess ħarsa fuq il-persuna li ggwidat ir-riflessjoni tagħna dwar id-dinjità u dwar il-ġid komuni. Jekk kull mara u kull raġel huma msejħa jsiru protagonisti ta’ ħajjithom u jieħdu sehem fil-bini tas-soċjetà, allura anki l-organizzazzjoni soċjali għandha tirrispetta u tiffavorixxi din ir-responsabbiltà. Id-Duttrina soċjali tal-Knisja ssejjaħ “sussidjarjetà” l-prinċipju li jgħid li dak li jistgħu jagħmlu persuni, familji, komunitajiet lokali u korpi intermedji ma għandux jiġi assorbit minn entitajiet superjuri. L-istituzzjonijiet ta’ livell superjuri għandhom jirrikonoxxu, jipproteġu u jippromovu l-libertà u l-kreattività tal-livelli inferjuri, waqt li jikkordinaw il-kontributi tagħhom biex jikkoperaw b’mod effikaċi għall-ġid komuni.[91]
69. Sa mill-bidu tal-Maġisteru soċjali modern, ibda minn Ljun XIII, il-Knisja saħqet fuq il-fatt li la l-persuna u lanqas il-familja ma għandhom ikunu assorbiti mill-Istat, imma għandhom jitħallew jaġixxu liberament, sa fejn hu possibbli, mingħajr ma ssir ħsara lill-ġid komuni.[92] San Ġwanni Pawlu II reġa’ qabad u niżel fil-fond ta’ din il-perspettiva, u fakkar li l-komunità politika qiegħda hemm għas-servizz tas-soċjetà ċivili u li l-Istat għandu jgħasses fuq il-ġid komuni, jintervieni meta meħtieġ, imma mingħajr ma jieħu post b’mod stabbli r-responsabbiltà tal-korpi intermedji u tar-realtajiet soċjali.[93] Is-sussidjarjetà ma tiġġustifikax l-indifferenza tal-Istat, imma torjenta l-azzjoni tiegħu: l-intervent pubbliku hu mitlub proprju biex jippermetti lis-suġġetti soċjali kollha li jiżvolġu l-missjoni tagħhom mingħajr ma jisfaw mgħaffġa. Hija l-komunità politika li għandha toħloq il-kundizzjonijiet biex persuni, familji, assoċjazzjonijiet u korpi intermedji jistgħu jwettqu l-vokazzjoni soċjali tagħhom, mingħajr ma jiġu sostitwiti jew ridotti għal sempliċi eżekuturi.[94]
70. Dan il-prinċipju jinkuraġġina negħlbu kull xorta ta’ ġestjoni paternalistika jew assistenzjalistika tal-ħajja soċjali, u nippromovu stil ta’ korresponsabbiltà: Stat li jagħti valur lill-inizjattiva taċ-ċittadini, soċjetà ċivili li kapaċi toħloq rabtiet u tagħti l-ħajja lil enerġiji għall-qadi tal-ġid komuni. F’loġika ta’ sussidjarjetà, l-għażliet jittieħdu fuq il-livell l-aktar qrib possibbli tal-persuni involuti, fejn jingħata valur lill-ħajja assoċjattiva, hekk li l-poplu ma jsibx ruħu quddiem deċiżjonijiet diġà meħuda, imma jista’ jidħol fil-mixja li tulha jkunu jitfasslu. Hemm fejn familji, għaqdiet, komunitajiet lokali, realtajiet tal-volontarjat u tal-hekk imsejjaħ “tielet settur” huma rikonoxxuti u mwieżna, il-ħajja soċjali tersaq eqreb lejn il-persuni, is-servizzi juru aktar attenzjoni lejn il-bżonnijiet veri, it-tweġibiet isiru aktar kreattivi u rispettużi tad-dinjità ta’ kull persuna.[95]
71. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà jgħodd b’mod partikulari fil-kuntest tar-rivoluzzjoni diġitali. Hawn il-livell superjuri mhuwiex l-Istat, imma kull attur kbir ekonomiku u teknoloġiku li jeżerċita de facto poter fuq il-kundizzjonijiet tal-ħajja komuni. Il-livell li jassorbi kompetenzi, ‘data’ u ħiliet deċiżjonali hu magħmul minn azjendi u pjattaformi, li jiddefinixxu kundizzjonijiet ta’ aċċess, regoli ta’ viżibbiltà, xejriet ta’ relazzjoni u saħansitra opportunitajiet ekonomiċi. Is-sussidjarjetà titlob li dawn il-proċessi ma jiġux imposti minn fuq b’mod dejjaq u unilaterali, imma jkunu orjentati lejn il-ġid komuni permezz ta’ trasparenza, responsabbiltà u għamliet reali ta’ parteċipazzjoni (verifiki indipendenti, trasparenza fuq l-algoritmi, aċċess indaqs għad-‘data’, strumenti li wieħed jista’ jirrikorri għalihom).[96]
72. F’dan il-qafas, l-Istati u l-istituzzjonijiet sopranazzjonali huma msejħa jiggarantixxu regoli ġusti u ħarsien effikaċi, biex il-komunitajiet lokali, il-korpi intermedji, l-iskejjel, l-universitajiet, ir-realtajiet ekkleżjali u assoċjattivi jista’ jkollhom leħen u jikkontribwixxu b’risq id-dixxerniment dwar l-għażliet li jħallu effett fuq il-ħajja tal-persuni: xogħol, aċċess għas-servizzi, immaniġġjar ta’ ‘data’ u ambjenti diġitali. Fl-għażliet li jmissu l-moviment ekonomiku u l-pjattaformi diġitali, fl-amministrazzjoni tad-‘data’ u tal-algoritmi, ma nistgħux inħallu li l-ftit atturi jorjentaw waħidhom il-proċessi, imma hu meħtieġ li nibnu għamliet ta’ koperazzjoni li jirrispettaw id-diversi livelli tal-komunità dinjija u jirrenduhom korresponsabbli għall-ġid komuni.[97]
Il-prinċipju tas-solidarjetà
73. Wara li qisna l-ġid komuni u s-sussidjarjetà, nixtieq nieqaf fuq il-prinċipju tas-solidarjetà. Dan jinbet mill-viżjoni tal-persuna li titnissel mill-fidi: kull bniedem hu maħluq xbieha ta’ Alla u mdaħħal f’xibka ta’ relazzjonijiet li jorbtuh mal-oħrajn, mal-popli, mal-ħolqien. San Pawlu VI fakkar li l-obbligi ta’ solidarjetà, ta’ ġustizzja u ta’ karità għandhom għeruqhom fil-fraternità umana u sopranaturali li tgħaqqad bejniethom bnedmin u popli.[98] Il-fraternità mhijiex biss aspirazzjoni interjuri ta’ min jemmen, imma għamla soċjali u politika li għandha tiġi inkarnata f’għażliet u mixjiet li nagħmlu flimkien. Allura s-solidarjetà hija l-għarfien konkret li d-destin ta’ kull persuna hu marbut mad-destin ta’ kulħadd: tabilħaqq “ħadd ma jsalva waħdu”.[99] Tidher hekk ċara r-rabta qawwija bejn sussidjarjetà u solidarjetà. Meta s-sussidjarjetà mhix imsieħba mis-solidarjetà, tispiċċa biex tinbidel fis-sempliċi ħarsien ta’ interessi partikulari; meta s-solidarjetà mhix imwieżna mis-sussidjarjetà, tiddeġenra f’assistenzjaliżmu li ma jippromovix ir-responsabbiltà.[100] Din in-nisġa tfakkarna wkoll fir-responsabbiltà ta’ parteċipazzjoni awtentika: is-solidarjetà tesprimi ruħha meta xi ħadd, personalment jew flimkien ma’ oħrajn, jieħu sehem fil-ħajja tal-komunità – jinforma ruħu, jassoċja ruħu, isemma’ leħnu, jikkontribwixxi fid-deċiżjonijiet u fl-għażliet pubbliċi – u jassumi responsabbiltajiet veri biex il-ġid komuni jinbidel f’għażliet maqsuma flimkien.
74. F’ħafna oqsma diġà qed naraw għamla ta’ “solidarjetà de facto”: il-ħajjiet tagħna huma minsuġin flimkien, l-ekonomiji u l-komunikazzjonijiet globali qed iwasslu biex dak li jseħħ f’post jipproduċi effetti mbiegħda, u x-xbieki diġitali jikkollegaw f’ħin wieħed ta’ issa persuni u komunitajiet minn kull parti tad-dinja. Imma din in-nisġa ta’ relazzjonijiet għadha mhix solidarjetà fis-sens sħiħ jekk ma ssirx għażla konxja. Il-fidi tistedinna naqraw din ir-realtà bħala sejħa: ma aħniex sempliċiment qraba ta’ xulxin, imma aħna fdati lil xulxin, biex kulħadd jerfa’, skont kemm jista’, il-ħajja u l-ġrieħi ta’ ħuh u ta’ oħtu. Is-solidarjetà tinbet proprju meta niddeċiedu li ma nibqgħux indifferenti quddiem dak li qed jiġri lill-proxxmu tagħna u nibdlu rabtiet inevitabbli – ekonomiċi, kulturali, teknoloġiċi – f’mixjiet ta’ qsim flimkien, ta’ koperazzjoni u ta’ għożża ta’ xulxin, u nitgħallmu “naħsbu u naġixxu f’termini ta’ komunità”.[101]
75. Il-Maġisteru soċjali saħaq fuq il-fatt li s-solidarjetà hija fl-istess ħin prinċipju u virtù. Bħala prinċipju, hi tesprimi l-ordni oġġettiv tar-relazzjonijiet bejn persuni, gruppi u popli, u tfakkarna fl-għarfien ta’ interdipendenza, fejn il-ġid ta’ kull persuna jgħaddi mill-ġid tal-oħrajn. Mill-banda l-oħra, bħala virtù titlob “rieda soda u kostanti”[102] biex naħdmu għall-ġid komuni, b’attenzjoni partikulari għal dawk l-aktar dgħajfa. Il-Papa Franġisku fakkar li s-solidarjetà hi “mod kif niktbu l-istorja”[103] li jibni popli u mhux sempliċiment mases ta’ individwi. Għalhekk, timplika stili ta’ ħajja sobrji u maqsuma flimkien, il-ħila li nwarrbu vantaġġi immedjati biex niftħu spazji ta’ futur għal oħrajn, disponibbiltà biex inpoġġu f’dubju drawwiet u privileġġi – inklużi dawk marbuta mal-konsum diġitali u mal-użu tat-teknoloġiji – meta dawn iżommu lill-oħrajn milli jgħixu b’dinjità.
76. F’dinja ta’ relazzjonijiet dejjem iżjed stretti bejn il-persuni, il-komunitajiet u n-nazzjonijiet, is-solidarjetà tassumi dimensjoni globali. Benedittu XVI fakkar bil-qawwa r-rabta bejn żvilupp, ġustizzja u responsabbiltà lejn il-ġenerazzjonijiet futuri, u fakkar li l-iżvilupp awtentiku jitlob solidarjetà interġenerazzjonali[104] u attenzjoni għal dak li jorbotna mal-ambjent naturali. Illum din ir-responsabbiltà titwessa’ wkoll għall-infrastrutturi diġitali u informattivi: bħall-ambjent naturali, anki l-“ekosistema diġitali” tista’ tkun imħarsa jew sfruttata, maqsuma flimkien jew immonopolizzata. Is-solidarjetà titlob li l-għażliet fejn jidħlu ‘data’, algoritmi, pjattaformi u intelliġenza artifiċjali jżommu quddiem għajnejhom mhux biss il-vantaġġ immedjat ta’ xi wħud, imma l-impatt fuq il-ġabra tal-popli flimkien u fuq il-ġenerazzjonijiet li għad jiġu.
Il-prinċipju tal-ġustizzja soċjali
77. Għall-komunità Nisranija, il-ġustizzja soċjali hija għamla konkreta ta’ kif timxi wara Ġesù u ta’ fedeltà għall-Evanġelju tiegħu. Fit-Testment il-Ġdid Ġesù jxandar “il-bxara t-tajba lill-fqajrin” (Lq 4:18) u jidentifika ruħu maċ-ċkejknin, il-morda, il-ħabsin, il-barranin (ara Mt 25:31-46). Hekk hu jgħallimna li l-ġustizzja titwieled u sseħħ fil-fraternità, u għalhekk il-mod li bih nersqu qrib ta’ dawk fl-aħħar post u nirrelataw magħhom isir, konkretement, il-kejl tar-relazzjoni tagħna ma’ Alla u ma’ ħutna. Imma l-ġustizzja ma tmissx biss l-imġibiet tal-individwi, imma anki l-mod kif jinħasbu u jiġu organizzati l-istrutturi tal-konvivenza. Il-Konċilju Vatikan II hawnhekk ifakkarna li kull istituzzjoni hi msejħa taqdi lill-persuna umana u d-dinjità tagħha.[105] Allura l-ġustizzja soċjali tingħaraf mill-ħila għal ordni soċjali, ekonomiku u politiku li jippermetti lil kulħadd – u b’mod partikulari lil dawk dgħajfa – li jgħix b’mod tassew uman, mingħajr ma jitħalla ħadd lura.
78. Il-Maġisteru riċenti għafas fuq il-fatt li l-ġustizzja soċjali tesiġi ħarsa li tibda minn dawk li huma fl-aħħar post. San Ġwanni Pawlu II tkellem fuq għażla preferenzjali favur il-foqra[106] li għandha timmarka l-għażliet personali u soċjali, filwaqt li l-Papa Franġisku kkundanna “kultura tal-‘iskart’”[107] li qed toħloq dejjem iżjed xejriet ġodda ta’ esklużjoni. F’din il-perspettiva, il-ġustizzja soċjali titlobna nħarsu lejn il-persuni u lejn il-popli ibda minn min hu l-iżjed vulnerabbli: foqra, migranti, rifuġjati, nies bla saqaf fuq rashom f’arthom stess, vittmi ta’ vjolenza, persuni li jgħixu fil-periferiji urbani jew eżistenzjali.
79. L-idea ta’ “ġustizzja soċjali” tgħinna nagħrfu li l-inġustizzji ma jinbtux biss minn għażliet żbaljati ta’ individwi, imma anki minn strutturi, mekkaniżmi, strutturi ekonomiċi u kulturali li kważi b’mod awtomatiku jipproduċu nuqqas ta’ ugwaljanza. San Ġwanni Pawlu II f’dan is-sens tkellem dwar strutturi tad-dnub,[108] li jeħduha kontra r-rieda ta’ Alla u jitolbu impenn ta’ konverżjoni personali u soċjali. F’din il-perspettiva l-ġustizzja ma tmissx biss it-tqassim aktar ekwu tal-ġid jew it-tiswija tal-inġustizzji preżenti, imma tassumi wkoll dimensjoni riparattiva. Hi timmira li terġa’ tibni rabtiet imfarrka u tintegra mill-ġdid lil min ġie eskluż, waqt li żżomm f’moħħha l-ġrieħi li jħallu warajhom l-inġustizzji: gwerer, kolonjaliżmi, diskriminazzjonijiet razzjali jew tal-ġeneru, vjolenzi kontra popli sħaħ, sfruttament. Dan jista’ jfisser li jintraddu lura dinjità u leħen lil min ġie injorat, jiġu megħjuna mixjiet ta’ fejqan tal-memorja kollettiva, jiġu miġġielda liġijiet u prattiċi diskriminatorji, u jiġi mwieżen b’mod konkret min sal-lum għadu jġorr il-konsegwenzi ta’ ħsara li saritlu fil-passat.
80. Fi żmienna, il-ġustizzja soċjali għandha tikkonfronta ruħha wkoll mal-ambjent maħluq mit-teknoloġiji diġitali. It-tixrid ta’ xbieki globali, pjattaformi u sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali qed jibdel il-mod kif ninformaw ruħna, nikkomunikaw, ikollna aċċess għas-servizzi. Il-ġustizzja tesiġi li ma nħallux jinbtu xejriet ġodda ta’ esklużjoni u tiċħid tal-libertà: persuni u popli li huma mċaħħda jew imxekkla milli jkollhom aċċess għat-teknoloġiji bażiċi, komunitajiet esposti għal sorveljanza invażiva, gruppi soċjali penalizzati minn algoritmi opaki li jirriproduċu preġudizzji u diskriminazzjonijiet. Ordni soċjali ġust fl-epoka diġitali hu dak li jiggarantixxi lil kulħadd aċċess ekwu għall-opportunitajiet, jipproteġi lill-aktar ċkejkna u dgħajfa, jeħodha kontra l-mibegħda u d-diżinformazzjoni, u jqiegħed taħt kontroll pubbliku l-użu tad-‘data’ u tat-teknoloġija, hekk li l-kriterju ma jkunx biss il-profitt imma d-dinjità ta’ kull persuna u l-ġid tal-popli.
81. Prova deċiżiva għall-ġustizzja soċjali llum tippreżentaha l-qagħda tal-migranti, tar-rifuġjati u ta’ dawk li jiġu mġiegħla jiċċaqilqu minn darhom minħabba l-faqar, il-vjolenza, it-tibdil fil-klima u d-diżastri ambjentali. Il-mod kif soċjetà tittrattahom juri jekk l-idea tagħha ta’ ġustizzja hix iggwidata mill-biża’ jew mill-fraternità. Il-Papa Franġisku stedinna nagħrfu fil-migranti mhux sempliċiment problema li rridu nsolvu, imma “xbieha ħajja tal-Poplu ta’ Alla li jinsab miexi”;[109] persuni b’dinjità, riżorsi u ħolm, li għandhom jedd li jiġu ttrattati b’rispett u jitolbu li jsiru parti attiva mis-soċjetajiet li jilqgħuhom. Il-ġustizzja soċjali, f’dan il-qasam, timplika tal-inqas żewġ impenji kumplimentari għal xulxin. Minn naħa, li nħarsu d-dritt li min ikollu jitlaq minn artu għandu għat-tama, u niggarantulu toroq żguri u legali, kundizzjonijiet dinjitużi ta’ akkoljenza, toroq reali ta’ integrazzjoni. Min-naħa l-oħra, nippromovu wkoll id-dritt li wieħed jibqa’ f’artu fis-sliem u s-sigurtà, u naffrontaw il-kawżi profondi li jġagħlu lil min jemigra, inklużi dawk marbuta mal-inġustizzji ekonomiċi u mal-kriżi tal-klima. Meta dawn id-drittijiet jiġu mħarsa, il-migrazzjonijiet jistgħu jsiru okkażjoni ta’ laqgħa u ta’ għana reċiproku bejn il-popli.
82. Fl-Enċiklika Populorum progressio, Pawlu VI stqarr li l-iżvilupp ikun awtentiku biss jekk ikun “integrali”, jiġifieri “jaħseb għall-ġid ta’ kull bniedem u tal-bniedem kollu”.[110] Fl-għexieren ta’ snin li ġew wara, id-Duttrina soċjali tal-Knisja reġgħet qabdet u niżlet fil-fond ta’ din l-espressjoni biex tindika l-mod konkret kif il-prinċipji kbar – dinjità, ġid komuni, destinazzjoni universali tal-ġid, sussidjarjetà, solidarjetà, ġustizzja soċjali – isibu t-twettiq tagħhom fl-istorja. Bi “żvilupp uman integrali” nifhmu proċess fejn il-maturazzjoni tal-persuna u tal-popli tmiss id-dimensjonijiet kollha tal-ħajja u tiftaħ il-futur ukoll għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
83. L-iżvilupp, kemm għall-persuni u kemm għan-nazzjonijiet, hu dmir kif ukoll dritt: dan jitlob kundizzjonijiet minimi li jagħmluha possibbli għal kull persuna u għal kull poplu li jimmaturaw skont id-dinjità tagħhom, mingħajr ma jinżammu dipendenti jew ma jingħatawx aċċess għall-ġid meħtieġ. L-iżvilupp huwa uman meta jqiegħed fiċ-ċentru l-persuni u mhux l-akkumulazzjoni tal-ġid, u meta jmiss anki l-popli, u mhux biss l-individwi. Il-ġustizzja tesiġi r-rikonoxximent tad-drittijiet soċjali u tad-drittijiet tal-popli, u tinkludi r-responsabbiltà lejn min għad jiġi warajna. Għalhekk mhuwiex uman żvilupp li jżid il-konsum ta’ xi wħud u jgħabbi spejjeż u ġrieħi fuq oħrajn, jew li jillimita reġjuni sħaħ għal rwoli subordinati mingħajr ma jħallihom jesprimu l-potenzjalitajiet tagħhom.[111] L-iżvilupp hu integrali meta ma jirriduċix ruħu għall-qasam ekonomiku, imma jippromovi l-kwalità tal-ħajja fid-dimensjonijiet spiritwali, kulturali, morali u relazzjonali tagħha, fir-rispett tad-Dar komuni, tad-diversità tal-popli u tal-modi ta’ ħajja tagħhom.[112]
84. L-idea tal-iżvilupp uman integrali llum isib kriterju deċiżiv ta’ verifika fl-ekoloġija integrali, li saret dimensjoni essenzjali tad-Duttrina soċjali tal-Knisja. Il-kwalità tal-iżvilupp fil-fatt titkejjel skont kemm għandu ħila li jżomm flimkien, mingħajr ma jifridhom, il-ġustizzja mal-persuni u l-ħarsien tad-Dar komuni, waqt li jiffavorixxi kundizzjonijiet ta’ ħajja dinjitużi, aċċess għall-ġid meħtieġ, relazzjonijiet soċjali ġusti, l-għożża tal-ħolqien u l-attenzjoni għall-ġenerazzjonijiet futuri. Minn hawn joħroġ li mhux progress veru dak li jkabbar il-benessri ta’ xi wħud b’dannu għall-ekosistemi, u jixħet spejjeż fuq il-komunitajiet l-aktar vulnerabbli jew jippreġudika l-kundizzjonijiet ta’ ħajja ta’ min se jiġi warajna.
85. Mifhum b’dan il-mod, l-iżvilupp uman integrali huwa x-xefaq li fuqu naqraw il-bidliet ta’ żmienna, inklużi dawk tar-rivoluzzjoni diġitali. L-innovazzjonijiet teknoloġiċi – inkluża l-intelliġenza artifiċjali – ma humiex newtrali: jistgħu jkabbru l-parteċipazzjoni u l-ġustizzja, inkella jżidu n-nuqqas ta’ ugwaljanza, il-kontroll u l-esklużjoni. Għalhekk għandhom jiġu vvalutati b’mistoqsija deċiżiva: qed jikkontribwixxu tassew biex ikabbru l-persuni u l-popli fl-umanità u l-fraternità, fir-rispett lejn id-Dar komuni u l-ġenerazzjonijiet futuri? Huwa hawn li l-prinċipji tad-Duttrina soċjali jsiru kriterji konkreti ta’ dixxerniment għall-oqsma li se naffrontaw fil-kapitli li ġejjin.
Verifika għall-Knisja
86. Bħala għeluq, nixtieq li mmissu punt li hu ħafna għal qalbi. Id-Duttrina soċjali mhijiex biss kelma indirizzata lis-soċjetà: hija wkoll eżami tal-kuxjenza għall-Knisja, dar u skola ta’ komunjoni, li dejjem hi msejħa tivverifika li l-prinċipji esposti f’dan il-kapitlu jingħaxu qabelxejn fi ħdanha. Il-ġid komuni, fil-qasam ekkleżjali, jilbes il-wiċċ ta’ stil sinodali għall-missjoni tal-qadi tas-Saltna. Fil-fatt, il-Knisja hija “s-suġġett komunitarju u storiku tas-sinodalità u tal-missjoni”.[113] Dan jitlob attenzjoni għall-mod kif nieħdu deċiżjonijiet u nħaddmu r-responsabbiltà tagħna. Id-Dokument finali tas-Sinodu, fost il-prattiċi deċiżivi għat-trasformazzjoni missjunarja, jidentifika l-kultura tat-trasparenza, tar-rendikont u tal-evalwazzjoni.[114]
87. F’din il-perspettiva, is-sussidjarjetà ssir kriterju ta’ tmexxija u ta’ ħajja pastorali, li tirrikonoxxi u twieżen ir-responsabbiltà tal-fidili u tal-korpi intermedji ekkleżjali, waqt li tivvalorizza kariżmi u kompetenzi u tevita kull paternaliżmu li jifga l-libertà evanġelika. Konkretement, il-parteċipazzjoni tal-imgħammdin fil-proċessi deċiżjonali u l-korresponsabbiltà fil-missjoni jgħaddu permezz ta’ organiżmi ta’ parteċipazzjoni reali, mhux tal-isem.[115]
88. Għall-komunità Nisranija, is-solidarjetà ssib l-għajn tagħha fil-misteru ta’ Kristu u titmantna bl-Ewkaristija. Hi titwieled mill-komunjoni fil-fidi u fis-Sagramenti: il-Magħmudija u l-Konfirmazzjoni jgħaqqduna fi Kristu, biex jagħmluna ġisem wieħed u spirtu wieħed, qalb waħda u ruħ waħda (ara Efes 4:4; Atti 4:32). L-Ewkaristija, sagrament tal-għaqda, isseddaq l-appartenenza tagħna għall-ġisem ta’ Kristu u tedukana għall-qsim flimkien. Id-diversi sensibbiltajiet preżenti fil-Knisja, il-konvinzjonijiet qawwija li janimaw lil kull persuna, huma għana jekk jibqgħu ankrati fiċ-ċertezza tal-għaqda bħala don li nirċievu u bħala dmir li għandna.
89. Li ngħixu l-ġustizzja fil-Knisja jfisser li nsaffu r-relazzjonijiet u l-istrutturi ekkleżjali minn dak it-tagħwiġ li jġib miegħu nuqqas ta’ ugwaljanza, viżjonijiet dejqa u abbużi ta’ poter. F’dan ir-rigward, is-smigħ tal-vittmi ta’ abbużi spiritwali, ekonomiċi, istituzzjonali, sesswali, ta’ poter, ta’ kuxjenza hu parti integrali minn mixja ta’ ġustizzja, li tinkludi fiha l-għarfien tal-ħsara, it-tpattija ġusta u l-prevenzjoni. Kull poter qiegħed hemm għas-servizz tal-komunjoni u tal-missjoni. Kull awtorità qiegħda hemm għas-servizz tal-poplu ta’ Alla. Din id-djakonija tidher mhux biss fil-fidi li tiġi ċċelebrata u tingħax fis-Sagramenti, u fil-kisba ta’ stil sinodali, imma anki fil-qsim konkret tal-ġid flimkien: fuq l-eżempju tal-Knisja tal-bidu, ir-riżorsi ekkleżjali huma msejħin isiru tabilħaqq komuni, biex fostna ma jkun hemm ħadd li jibqa’ fil-bżonn (ara Atti 4:34) u biex l-amministrazzjoni tagħhom twieżen il-missjoni tax-xandir tal-Evanġelju lill-aktar foqra. Għandna nippromovu għamliet regolari ta’ valutazzjoni tat-tħaddim tar-responsabbiltajiet ministerjali, li ma jkunux ġudizzju fuq il-persuni, imma strumenti ta’ kif nitgħallmu u nikkoreġu orjentati lejn il-missjoni.[116] Skont kemm inkunu miftuħa għall-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, dawn il-prinċipji tad-Duttrina soċjali jitlaħħmu fil-ħajja ekkleżjali. B’dan il-mod il-Knisja jkollha l-ħila toffri lis-soċjetà sinjal kredibbli tal-fatt li meta nfittxu flimkien il-ġid ta’ kulħadd, fil-korresponsabbiltà u fil-fraternità, din ma tkunx utopija, imma possibbiltà reali.[117]
90. Wara li fakkart liema huma dawk il-prinċipji li jdawlu d-Duttrina soċjali, nixtieq li nitfgħu ħarsitna fuq xi sfidi li jmissu mill-qrib il-mod ta’ kif aħna ngħixu llum. Ix-xbieha biblika li qed issieħeb dawn il-paġni hi dik ta’ binja: minn naħa t-torri ta’ Babel, fejn l-opra komuni hi mmexxija minn proġett ta’ dominju li jispiċċa biex ineżża’ mill-umanità (ara Ġen 11:1-9); mill-oħra r-rovini ta’ Ġerusalemm, li taħt Neħemija jerġgħu jinbnew biċċa biċċa, bħala opra ta’ responsabbiltà maqsuma flimkien (ara Neħ 2-6). Aħna msejħin nistaqsu lilna nfusna fuq dan is-sit kbir ta’ kostruzzjoni tal-epoka tagħna: x’qegħdin nibnu? Filwaqt li l-iżvilupp teknoloġiku qed jibdel b’rata mgħaġġla lingwaġġi, relazzjonijiet, istituzzjonijiet u xejriet ta’ poter, aħna li nemmnu għandna u nistgħu nagħżlu liema proġett naħdmu fuqu u b’liema stil nagħmlu dan, biex inħarsu u nivvalorizzaw l-umanità tal-għaġeb li hi mogħtija lilna b’don. Din mhix għażla fuq il-futur tagħna, imma fuq il-preżent tagħna, għax l-intelliġenza artifiċjali u t-teknoloġiji l-oħra li qed jiżviluppaw huma diġà parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum.
91. Inħossni msieħeb mill-konvinzjoni li l-mod konkret kif nistgħu ngħixu r-relazzjonijiet soċjali għad-dawl tal-Evanġelju ma hux ħaġa stabbilita darba għal dejjem, imma jibqa’ ħidma fdata, minn ġenerazzjoni għall-oħra, f’idejn il-komunità Nisranija. Taħt it-treġija tal-Ispirtu s-Santu, il-Knisja tħalli ddawwalha l-Kelma, biex taqra s-sinjali taż-żminijiet u tfittex bi kreattività toroq ġodda biex ir-relazzjonijiet bejn il-persuni u l-popli jsiru iżjed jaqblu mal-esiġenzi tas-Saltna ta’ Alla.[118] Għalhekk jiena nħeġġeġ lil kulħadd, b’mod partikulari lill-fidili lajċi, biex ma nibżgħux inħallu tipprovokana r-realtà, nagħtu widen għal xulxin u nassumu b’rieda soda r-responsabbiltà tagħna fil-bini ta’ soċjetà iżjed umana u fraterna.
Il-paradigma teknokratika u l-poter diġitali
92. Fl-Enċiklika Laudato si’ l-Papa Franġisku kkundanna l-affermazzjoni dejjem tikber ta’ paradigma teknokratika[119] fid-dinja globalizzata: it-tendenza li nħallu li l-loġika tal-effiċjenza, tal-kontroll u tal-profitt tmexxi waħidha l-għażliet personali, soċjali u ekonomiċi. Hekk jidher b’mod iżjed ċar li t-teknoloġija mhijiex sempliċiment strument u li, meta ssir hi l-kriterju, tispiċċa biex tistabbilixxi x’jgħodd u x’jista’ jiġi mormi, u tirriduċi l-ħolqien għal oġġett ta’ sfruttament u l-persuni għal ingranaġġi ta’ sistema li rriduha tagħtina dejjem iżjed.
93. Din il-paradigma nfirxet b’ħeffa fl-aħħar snin, anki b’effett tat-tixrid tal-intelliġenza artifiċjali, tax-xjenzi konjittivi, tan-nanoteknoloġija, tar-robotika u tal-bijoteknoloġija. Fil-verità, dawn l-innovazzjonijiet jistgħu jsiru għajnuna kbira għall-iżvilupp uman integrali u għall-għożża tad-Dar komuni. Imma, proprju minħabba l-poter li għandhom, jistgħu jaġixxu biex ikabbru paradigma teknokratika, u għalhekk jitolbu qafas spiritwali, etiku u politiku ġdid. Iktar potenti ma jfissirx bil-fors li aħjar. F’dan is-sens, jibqgħu attwali l-kelmiet ta’ Romano Guardini: “Il-bniedem modern ma ġiex edukat għall-użu tajjeb tas-setgħa”.[120]
94. Il-periklu li l-umanità ssir vittma tal-istess kisbiet tagħha diġà ttrattah b’mod ċar San Pawlu VI, meta wissa li “l-progressi xjentifiċi l-aktar straordinarji, il-bravuri teknoloġiċi l-aktar sorprendenti, it-tkabbir ekonomiku l-aktar tal-għaġeb, jekk ma jintrabtux ma’ progress soċjali u morali awtentiku, żgur mhux forsi li jispiċċaw jeħduha kontra l-bniedem”.[121] Għalhekk il-progress teknoloġiku, prezzjuż fih innifsu, jitlob dixxerniment fuq il-viżjoni antropoloġika li tmexxih u fuq l-għanijiet li qed ifittex. Jekk l-iżvilupp teknoloġiku jimxi mingħajr maturazzjoni tajba etika u soċjali, jista’ jiġri li jiżdiedu l-mezzi mingħajr ma tikber daqstant ieħor l-umanità: ikollna “aktar” imma ma “nkunux aktar”, u l-persuna tirriskja li tiġi vvalutata l-ewwel u qabel kollox skont il-prestazzjonijiet li tiggarantixxi.[122]
95. Hawn jeħtieġ nirrikonoxxu fatt deċiżiv, li diġà fakkart qabel: f’ħafna każi fil-kuntest diġitali, il-kontroll tal-pjattaformi, tal-infrastrutturi, tad-‘data’ u tal-kapaċità tal-komputazzjoni mhuwiex prerogattiva tal-Istati, imma ta’ atturi ekonomiċi u teknoloġiċi kbar li, fil-fatt, qed jiffissaw il-kundizzjonijiet ta’ aċċess, ir-regoli tal-viżibbiltà u l-istess possibbiltajiet ta’ parteċipazzjoni. Meta poter bħal dan jispiċċa kollu f’idejn il-ftit, it-tendenza tkun li ma jibqax trasparenti u li jiżgiċċa minn taħt il-kontroll pubbliku, u jikber ir-riskju ta’ żvilupp mgħawweġ li jġib miegħu dipendenzi, esklużjonijiet, manipulazzjonijiet u nuqqas ta’ ugwaljanzi ġodda.
96. Quddiem din il-konċentrazzjoni ta’ poter fid-dinja diġitali, il-prinċipji kbar tad-Duttrina soċjali jsiru kriterji biex niġġudikaw u ngħarblu x-xenarju l-ġdid: id-dinjità inaljenabbli tal-persuna, il-ġid komuni, id-destinazzjoni universali tal-ġid, is-sussidjarjetà, is-solidarjetà u l-ġustizzja soċjali. Dawn jitolbu li nivverifikaw jekk il-poter tal-infrastrutturi diġitali u tal-algoritmi hux jiffavorixxi tassew il-parteċipazzjoni u r-responsabbiltà, hux jipproteġi lil min hu l-aktar dgħajjef, hux jiżgura aċċess indaqs għall-opportunitajiet u li jibqa’ ordnat lejn il-ġid ta’ kulħadd. Fuq dawn il-wegħdiet nistgħu issa nħarsu iktar mill-qrib lejn x’inhi l-intelliġenza artifiċjali, liema possibbiltajiet tiftaħ u liema riskji ġġib magħha.
97. Mhijiex l-intenzjoni tiegħi li noffri hawn xi trattat fuq l-intelliġenza artifiċjali, lanqas li ndur biblijografija li issa kibret ħafna; jeżistu diġà kontributi awtorevoli anki fil-qasam ekkleżjali, li għalihom wieħed jista’ jagħmel riferiment.[123] Se nillimita ruħi li nfakkar f’xi elementi essenzjali għal dixxerniment morali u soċjali li jħares il-primat tal-persuna, biex tkun dejjem l-intelliġenza umana, bil-kuxjenza u l-libertà tagħha, li tmexxi l-innovazzjonijiet teknoloġiċi u tistabbilixxi b’responsabbiltà l-użu u l-limiti tagħhom.
98. Jixraq li hawn nagħmlu żewġ kunsiderazzjonijiet: l-ewwel waħda hi li kull affermazzjoni fuq l-IA tirriskja li teqdiem f’qasir żmien, meta tqis il-ħeffa impressjonanti tal-iżvilupp ta’ dawn is-sistemi. It-tieni hi li lkoll kemm aħna, inklużi dawk li jfassluhom, ftit nafu dwar il-funzjonament effettiv tagħhom. Fil-fatt, l-intelliġenzi artifiċjali moderni huma iktar “ikkultivati” milli “mibnija”: l-iżviluppaturi ma jfasslux direttament kull dettall, imma joħolqu arkitettura li fuqha l-IA “tikber”. B’konsegwenza, aspetti xjentifiċi fundamentali – bħalma huma r-rappreżentazzjonijiet interni u l-proċessi komputazzjonali ta’ dawn is-sistemi – sa issa għadna ma nafuhomx. Għalhekk tidher l-urġenza ta’ impenn doppju: minn naħa, approfondiment tar-riċerka xjentifika, mill-oħra, eżerċizzju ta’ dixxerniment morali u spiritwali.
99. Mhux possibbli li nagħtu definizzjoni waħda u kompluta tal-IA. Dak li nistgħu naffermaw hu li rridu nevitaw l-ekwivoku li npoġġu fuq l-istess livell din l-“intelliġenza” u dik umana. Dawn is-sistemi sempliċiment jimitaw xi funzjonijiet tal-intelliġenza umana. Huma u jagħmlu dan, spiss jissuperawha fil-ħeffa u l-kapaċità ta’ komputazzjoni, u joffru benefiċċji konkreti f’għadd ta’ oqsma. U madankollu, din is-saħħa tibqa’ marbuta esklussivament mal-ipproċessar tad-‘data’: l-hekk imsejħa intelliġenzi artifiċjali ma jgħixux esperjenza, ma għandhomx ġisem, ma jġarrbux il-ferħ u n-niket, ma jimmaturawx fir-relazzjoni, ma jafux minn ġewwa xi jfissru l-imħabba, il-ħbiberija, ir-responsabbiltà. Lanqas ma għandhom kuxjenza morali: ma jiġġudikawx it-tajjeb u l-ħażin, ma jifhmux it-tifsira aħħarija tas-sitwazzjonijiet, ma jerfgħux fuqhom il-piż tal-konsegwenzi. Jistgħu jimitaw lingwaġġi, imġibiet, valutazzjonijiet, jistgħu jimitaw l-atteġġjamenti ta’ empatija jew komprensjoni, imma ma jifhmux x’qed jipproduċu, għax ma jgħixux fil-perspettiva affettiva, relazzjonali u spiritwali fejn il-bniedem jikber fl-għerf. Imqar meta strumenti bħal dawn jiġu ppreżentati bħala li kapaċi “jitgħallmu”, il-mod tagħhom ta’ kif jagħmlu dan hu differenti minn dak tal-persuna umana. Mhijiex l-esperjenza ta’ min iħalli l-ħajja ssawru u maż-żmien jikber permezz tal-għażliet, l-iżbalji, il-maħfra, il-fedeltà; pjuttost hi adattament statistiku msejjes fuq ‘data’ u ‘feedback’, li kapaċi jkun effikaċi ħafna, imma ma jimplikax maturazzjoni interjuri.
Għodda prezzjuża li titlob attenzjoni
100. Fid-dawl ta’ dak li għidna, nistgħu nifhmu aħjar għaliex l-IA tista’ tkun għodda prezzjuża u, fl-istess waqt, titlob approċċ sobrju u attent. Fl-aħħar snin l-użu privat tagħha kiber notevolment, u f’ħafna oqsma qed issir riflessjoni fuq l-opportunitajiet u fuq ir-riskji marbuta mat-tixrid mgħaġġel tagħha. Fl-użu personali, tliet aspetti, b’mod partikulari, għandhom jingħataw kunsiderazzjoni xierqa: il-faċilità li biha wieħed jikseb ir-riżultat, l-impressjoni ta’ oġġettività, u s-simulazzjoni tal-komunikazzjoni umana. Il-ħeffa u s-sempliċità li bihom wieħed jista’ jikseb informazzjoni, elaborazzjonijiet kumplessi, kontenut għall-midja u xejriet ta’ assistenza konkreta jissimplifikaw il-ħajjiet tagħna, imma jistgħu wkoll idarruna niddelegaw iżżejjed u nfittxu tweġibiet fil-pront, ħaġa li ddgħajjef il-ġudizzju personali u l-kreattività. L-impressjoni ta’ oġġettività li t-tweġibiet u l-proposti li dawn is-sistemi jistgħu jagħtu tirriskja li tnessina li huma jirriflettu l-parametri kulturali ta’ min fassalhom u ħarriġhom, bil-preġji u d-difetti kollha tagħhom. L-imitazzjoni artifiċjali ta’ komunikazzjoni umana pożittiva – kliem ta’ parir, ta’ empatija, ta’ ħbiberija, ta’ mħabba – tista’ tirriżulta gratifikanti u saħansitra utli, imma lil dawk li jużawha bi ftit li xejn għarfien tista’ ddaħħalhom fl-ingann u tilludihom li qegħdin f’relazzjoni ma’ suġġett personali awtentiku. Meta l-kelma tiġi simulata, din ma tibnix relazzjoni, imma biss dell tagħha. L-imitazzjoni artifiċjali tar-relazzjoni ta’ għożża u ta’ akkumpanjament tista’ ssir partikularment perikoluża meta tindiehes f’kuntesti fejn hemm faqar ta’ relazzjonijiet u ta’ affetti reali: allura r-riskju mhux tant li persuna temmen li qed titkellem ma’ persuna oħra, imma li titlef l-istess xewqa li tfittex tifforma konnessjonijiet ġenwinament umani.
101. Jekk inwessgħu ħarsitna fuq l-użu tal-IA fis-soċjetajiet tagħna, naraw li din issa hi preżenti fil-proċessi deċiżjonali fl-oqsma kollha u fuq diversi livelli: fil-komunikazzjoni, fl-immaniġġjar, fil-kontroll. Il-vantaġġi f’termini ta’ effiċjenza u l-potenzjalitajiet ta’ titjib ta’ xi servizzi huma ċari; madankollu, jekk naddottawha b’mod mgħaġġel u bla kritika ta’ xejn inkunu qed nesponu ruħna għal diversi riskji, fosthom dak li nissottovalutaw l-impatt ambjentali tagħha. Is-sistemi attwali tal-IA jitolbu kwantitajiet kbar ta’ enerġija u ilma, iħallu effett sinifikattiv fuq l-emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju, u jikkunsmaw riżorsi b’mod intensiv. Biż-żieda fil-kumplessità, fuq kollox fil-mudelli kbar lingwistiċi, jikbru wkoll il-bżonnijiet ta’ komputazzjoni b’saħħitha u l-kapaċitajiet ta’ arkivjar, li jistrieħu fuq ġabra ta’ magni, cables, ċentri ta’ ‘data’ u infrastrutturi ta’ enerġija. Għalhekk hu essenzjali li niżviluppaw soluzzjonijiet teknoloġiċi iktar sostenibbli biex nirriduċu l-impatt fuq l-ambjent u nħarsu d-Dar komuni tagħna.[124]
Responsabbiltà, trasparenza u tmexxija tal-IA
102. L-użu tal-IA qatt ma hu fatt purament tekniku: meta jidħol fi proċessi li jħallu effett fuq il-ħajja tal-persuni, huwa jmiss drittijiet, opportunitajiet, reputazzjoni, libertà. Deċiżjonijiet delikati li jmissu x-xogħol, il-mertu, l-aċċess għas-servizzi u r-reputazzjoni tal-persuni jirriskjaw li jiġu fdati għalkollox f’idejn sistemi awtomatizzati li ma jafux “il-kompassjoni, il-ħniena, il-maħfra u, fuq kollox, il-ftuħ għat-tama li persuna tista’ tinbidel”,[125] u għalhekk jistgħu jipproduċu xejriet ġodda ta’ esklużjoni. Jista’ jkun hemm użi li jidher biċ-ċar li huma kontra l-bniedem, bħall-manipulazzjoni tal-informazzjoni jew il-vjolazzjoni tal-privatezza, imma jista’ wkoll ikun hemm periklu inqas ovvju, meta s-sistemi tal-IA, li jippreżentaw ruħhom bħala newtrali jew oġġettivi, jirriflettu jew isaħħu sterjotipi jew pożizzjonijiet ideoloġiċi ta’ min fassalhom jew ħarriġhom.
103. Fil-verità, li nafdaw f’idejn algoritmu l-poter li jagħżel min jimmerita u min le, mingħajr ħadd iżjed ma jibqa’ jassumi l-piż tad-deċiżjoni, ifisser li nkunu nafdawlu l-ħidma li jiddefinixxi mill-ġdid il-konfini tal-possibbiltajiet umani. Dak li jonqos, f’dan il-proċess, mhuwiex biss l-empatija lejn min hu eskluż, li tista’ tiġi imitata artifiċjalment, imma r-responsabbiltà politika, għax it-twarrib ta’ min hu dgħajjef jiġi mgħotti bl-iskuża tan-newtralità u l-oġġettività, li quddiemhom impossibbli li wieħed jipprotesta. U hekk, l-inġustizzja ssir b’mod sieket u l-kompassjoni, il-ħniena u l-maħfra, mhux bħala sempliċi apparenza, imma bħala ġesti politiċi, jgħibu minn fuq ix-xefaq.
104. Minn dan toħroġ konsegwenza sempliċi imma urġenti: ma nistgħux inqisu l-IA bħala moralment newtrali. Fir-realtà, kull għodda teknoloġika ġġib magħha għażliet u prijoritajiet: dak li tkejjel, dak li tinjora, dak li timmassimizza u l-mod kif tikklassifika persuni u sitwazzjonijiet. Jekk sistema tiġi maħsuba jew imħaddma b’mod li tittratta xi ħajjiet bħala inqas denji, jew li teskludi bla possibbiltajiet ta’ appell, din ma tkunx sempliċi strument “biex jintuża tajjeb”: diġà tkun iddaħħal kriterju li jeħodha kontra d-dinjità inaljenabbli tal-persuna. Għalhekk, id-dixxerniment etiku ma jistax jillimita ruħha li jistaqsi jekk aħniex nużaw ċerta sistema għal skop tajjeb jew ħażin, imma għandu jistaqsi wkoll kif din qed tiġi mfassla u liema idea ta’ persuna u ta’ soċjetà hemm miktuba fid-‘data’ u fil-mudelli li jmexxuha.[126]
105. Biex l-IA tirrispetta d-dinjità umana u taqdi tabilħaqq ’il-ġid komuni, huwa essenzjali li jkunu ċari r-responsabbiltajiet f’kull stadju: minn min ifassal u jħarreġ is-sistemi, sa min jużahom u sa min jiddeċiedi li jafda f’idejhom l-għażliet konkreti. Madankollu, f’ħafna każi, il-proċessi interni li jwasslu għal riżultat jistgħu jkunu ftit li xejn trasparenti, u dan jagħmilha iżjed bi tqila li wieħed jattribwixxi r-responsabbiltà jew jikkoreġi l-iżbalji. Huwa hawn li ssir aktar deċiżiva dik li nsejħulha kontabbiltà: il-possibbiltà li nidentifikaw lil min għandu “jagħti kont” tad-deċiżjonijiet, jimmotivahom, jikkontrollahom u, fejn meħtieġ, jikkontestahom u jagħmel tajjeb għall-ħsarat li jirriżultaw minnhom.[127]
106. Meta nitolbu prudenza, verifiki rigorużi, u xi drabi wkoll pass aktar bil-mod fl-adozzjoni tal-IA, ma jfissirx li aħna kontra l-progress, imma li nkunu nħaddmu kura responsabbli lejn il-familja umana. Din l-esiġenza hija aktar u aktar urġenti għax spiss jeżisti żbilanċ bejn il-ħeffa tal-iżvilupp teknoloġiku u r-ritmu li bih jimmaturaw l-għarfien, in-normi, il-kontrolli u l-istituzzjonijiet li kapaċi jrieġu l-effetti tiegħu. Mhux biżżejjed li nirrikorru għall-etika b’mod ġeneriku: hemm bżonn ta’ oqfsa ġuridiċi b’saħħithom, viġilanza indipendenti, edukazzjoni tal-utenti, politika li ma tabdikax mid-dmir tagħha. Inkella, il-bidla tkun imreġija biss minn loġika teknokratika u ppreżentata bħala neċessarja u inevitabbli, u tispiċċa biex timponi regoli ddettati minn min għandu f’idejh id-‘data’, l-infrastrutturi u l-kapaċità komputazzjonali.
107. Ma nistgħux nillimitaw ruħna għall-moralizzazzjoni tal-magna, l-hekk imsejjaħ “allinjament” tal-IA għall-valuri umani, mingħajr ma nsibu l-kuraġġ li npoġġu kundizzjoni oħra: il-possibbiltà li niddiskutu l-kodiċi etiku li għandu jintuża, nissottomettuh għal kriterji ta’ ġustizzja soċjali kondiviżi. Inkella, min jikkontrolla l-IA jispiċċa jimponi l-viżjoni morali tiegħu, li ssir l-infrastruttura inviżibbli tas-sistemi. Għalxejn ikollna IA iżjed morali, jekk din il-morali tiġi deċiża mill-ftit. Li għandna bżonn hu ta’ politika iżjed preżenti, li kapaċi tikkalma r-ritmi meta kollox sar mgħaġġel u tipproteġi l-ispazji li fihom il-komunitajiet għadhom jistgħu jipparteċipaw u jistaqsu.
108. Fil-fatt, kif jiġri fil-każ ta’ kull qabża teknoloġika, it-tendenza tal-IA hi li tkabbar fuq kollox il-poter ta’ min diġà għandu f’idejh riżorsi ekonomiċi, kompetenzi u aċċess għad-‘data’. Fid-dawl tal-ġid komuni u tad-destinazzjoni universali tal-ġid, dan il-fenomenu jġib miegħu tħassib serju: gruppi ċkejknin influwenti ħafna jistgħu jorjentaw informazzjoni u konsumi, jikkundizzjonaw proċessi demokratiċi u jħallu effett fuq id-dinamiċi ekonomiċi għall-vantaġġ tagħhom, hekk li jeħduha kontra l-ġustizzja soċjali u s-solidarjetà bejn il-popli. Għalhekk hu indispensabbli li t-tħaddim tal-IA – fuq kollox meta jinvolvi l-ġid pubbliku u d-drittijiet fundamentali – ikun imsieħeb minn kriterji ċari u kontrolli effettivi, imnebbħa lejn il-parteċipazzjoni u s-sussidjarjetà: il-komunitajiet u l-korpi intermedji ma jistgħux jiġu ridotti għal destinatarji ta’ deċiżjonijiet meħuda band’oħra, imma għandhom ikunu jistgħu jikkontribwixxu għad-dixxerniment u għall-viġilanza. Barra minn dan, il-proprjetà tad-‘data’ ma tistax tiġi fdata biss lill-privat, imma għandha tkun irregolamentata. Din hija l-frott tal-kontribut ta’ ħafna u ma għandhiex tinbiegħ jew tiġi fdata f’idejn il-ftit. Hemm bżonn ta’ kreattività li kapaċi timmaniġġjaha bħala parti mill-ġid komuni jew kollettiv, fil-loġika tal-kondiviżjoni, kif diġà kien issuġġerixxa San Ġwanni Pawlu II, dwar il-ġid kollettiv.[128]
109. Il-prinċipji tad-Duttrina soċjali jgħinuna naqraw din ir-realtà ġdida. F’dinja fejn id-‘data’, il-kapital komputazzjonali u l-kapaċità normattiva huma kkonċentrati bejn ftit suġġetti, li nitkellmu dwar il-ġid komuni jfisser nikxfu l-maskri ta’ din l-asimetrija ġdida epistemika, ekonomika u politika, u nsemmu l-monopolji ġodda tal-IA. Li nitkellmu dwar destinazzjoni universali tal-ġid ifisser li nsibu modi kif niżguraw l-aċċess universali għat-teknoloġiji u għall-formazzjoni. Li nitkellmu dwar sussidjarjetà jfisser li nipproteġu l-kapaċità tal-komunitajiet li jagħżlu u jikkoreġu, mingħajr ma l-intervent tagħhom jiġi limitat għal viġilanza, wara li l-istandards ikunu nkitbu band’oħra. Li nitkellmu dwar solidarjetà jobbligana nirrikonoxxu l-ħidma inviżibbli, spiss sfruttata, li fuqha jistrieħu l-mudelli algoritmiċi. Li nitkellmu fuq ġustizzja jimponi fuqna li nistaqsu dwar il-ġeografiji tal-poter li jiddefinixxu min jista’ jħarreġ il-mudelli u min hu biss oġġett ta’ taħriġ, u nagħrfu li l-ġustizzja soċjali mhijiex biss għan li għandu jiġi mħares wara li jiġu addottati t-teknoloġiji, imma kundizzjoni minn qabel li għandha tiġi pprattikata fl-istess tfassil tagħhom.
110. Nixtieq fl-aħħar nett nuża kelma li hi għal qalbi: “niddiżarmaw”. Niddiżarmaw l-IA jfisser li neħilsuha minn taħt idejn il-loġika tal-kompetizzjoni armata, li llum ma għadhiex biss militari imma saret waħda ekonomika u konjittiva. Hija l-ġirja għal dak l-algoritmu li jaħdem l-aħjar u għall-ħażna ta’ ‘data’ l-aktar vasta, bl-għan li jissaħħaħ vantaġġ ġeopolitiku jew kummerċjali fuq l-oħrajn kollha. Niddiżarmaw ifisser inkissru dik l-ekwivalenza bejn poter teknoloġiku u dritt ta’ tmexxija. Niddiżarmaw ma jfissirx nagħlqu l-bieb għat-teknoloġija, imma li ma nħalluhiex taħkem hi fuq l-uman. Ifisser neħilsuha mill-monopolji, nagħmluha ħaġa diskutibbli, kontestabbli, u allura abitabbli, waqt li rrodduha lura għall-pluralità tal-kulturi umani u tax-xejriet diversi ta’ ħajja. Illum il-ħidma mitluba mhix biss waħda etika jew teknika: hija ekoloġika fis-sens l-aktar radikali, għax issejjaħ għal dimensjoni ġdida tad-Dar komuni tagħna. L-IA hi diġà ambjent li fih aħna mgħaddsa u poter li miegħu rridu nagħmlu l-kontijiet. Għalhekk, mhux biżżejjed nirregolawha: għandna niddiżarmawha u nagħmluha ospitabbli u aċċessibbli.
111. Appell speċjali nixtieq nagħmlu lil dawk li jiżviluppaw l-intelliġenzi artifiċjali. L-innovazzjoni teknoloġika trid tkun, f’ċertu sens, għamla umana ta’ parteċipazzjoni fl-att divin tal-ħolqien. L-iżviluppaturi allura għandhom piż etiku u spiritwali partikulari, għax kull għażla proġettwali tesprimi viżjoni tal-umanità. Kif l-awtur ta’ opra artistika jew letterarja għandu jqis il-valuri li din tesprimi, hekk huma msejħin jittrattaw bis-serjetà dovuta l-valuri li jqiegħdu fil-proġetti tagħhom: bi trasparenza, b’responsabbiltà lejn il-komunitajiet involuti u b’attenzjoni biex jivverifikaw li dak li jiġi kkultivat ikun tassew ta’ ġid.
Dak li ma nistgħux nitilfu
112. Wara li fakkarna x’inhuma l-kwistjonijiet ta’ responsabbiltà u ta’ governanza tal-IA, hemm bżonn li nerġgħu lura għat-tema ċentrali tagħna: kif nieħdu ħsieb ta’ dak li hu uman. Ir-riskju mhuwiex biss li xi teknoloġiji jintużaw b’mod ħażin, imma li l-paradigma teknokratika li fiha aħna mgħaddsa, imsaħħa mir-rivoluzzjoni diġitali u mill-IA, tpinġi bħala tajba u normali viżjoni li teħodha kontra l-bniedem, li l-milja tal-ħajja taraha tikkonsisti f’li jkollok aktar, f’li tnaqqas id-dgħufija, f’li telimina l-imprevist, f’li tikkontrolla kull ħaġa. Meta l-effiċjenza ssir il-kejl tal-valur, il-bniedem hu ttentat jaħseb li hu proġett li għandu jiġi sfruttat bl-aħjar mod possibbli iktar milli bħala ħlejqa msejħa għar-relazzjoni u għall-komunjoni.
113. Fir-realtà, li nassolutizzaw dimensjoni waħda biss tal-bniedem hi dejjem ħaġa żbaljata. Fil-fatt, mhuwiex biss in-nuqqas li jġib id-diżordni. Anki dak li jikber mingħajr qies jista’ jsir għamla ta’ faqar. F’ekosistema, l-armonija titkisser meta speċi waħda biss tikber b’dannu għall-oħrajn; fl-uman, jiġri l-istess meta fakultà tippretendi li ssir hi l-kejl ta’ kollox. Hekk l-intelliġenza, jekk tassolutizza, tispiċċa biex iddallam dimensjonijiet oħra essenzjali tal-ħajja: l-affett, ir-rieda, id-dedikazzjoni u r-relazzjoni. Il-poter teknoloġiku, jekk ma jsibx bilanċ, ma jagħmilniex iktar kapaċi: jagħmilna iktar waħidna, u iktar esposti għal loġika tad-dominju u ta’ esklużjoni. Bl-ebda mod ma aħna ngħidu li għandna neħduha kontra l-intelliġenza, imma rridu niftakru li din, meta tingħalaq fiha nfisha, tinsa li hi magħmula biex taqdi l-ħajja u l-persuna umana.
114. Il-kwalità ta’ ċiviltà titkejjel mhux mis-saħħa tal-mezzi tagħha, imma mill-għożża li taf toffri, mill-ħila li tagħraf lill-ieħor bħala wiċċ u mhux bħala funzjoni. Il-ħila li nagħrfu nieħdu ħsieb ta’ xulxin hija dimensjoni importanti tal-umanità tagħna. Din il-ħila nitgħallmuha u nipperfezzjonawha bl-esperjenza. Li taqra l-ħrejjef lil tfajjel ċkejken, li tagħmel kumpanija lil persuna anzjana, li tagħmel spazju partikulari wieħed li jilqgħek, dawn huma ġesti li ngħixuhom f’ambjent ta’ familja, imma li jgħinuna nifhmu u ninterjorizzaw l-importanza tal-għożża u l-kura fuq livell soċjali u jħarrġuna biex nagħrfu lill-ieħor bħala persuna li jixirqilha l-attenzjoni. It-teknoloġija tista’ twieżen ukoll l-għożża reċiproka bejn il-persuni, ngħidu aħna jekk toffri strumenti li jgħinu biex wieħed jipprevedi u jorganizza, imma mingħajr ma tneżża’ mil-libertà u l-ġudizzju lill-bniedem, suġġett tar-relazzjonijiet u responsabbli għad-deċiżjonijiet.
Narrazzjonijiet fl-isfond: transumaniżmu u postumaniżmu
115. Aħna u nippruvaw nidentifikaw liema huma l-presupposti kulturali li jsieħbu r-rivoluzzjoni diġitali li għaddejja, nixtieq issa niġbed l-attenzjoni għal xi kurrenti li jinterpretaw il-progress bħala superament tal-uman u li nistgħu niġbruhom taħt l-isem ta’ transumaniżmu u postumaniżmu. Huma joħolqu l-isfond ideoloġiku li hemm f’xi ċentri ta’ poter teknoloġiku u jikkolonizzaw l-immaġinarju kollettiv f’għamla simplifikata, speċjalment fil-midja u fix-xbieki soċjali, u hekk iqanqlu l-entużjażmu għat-teknoloġiji ġodda b’viżjoni futuristika ta’ “bniedem potenzjat” jew inkella ta’ “bniedem ibridizzat” bil-magna.
116. It-transumaniżmu u l-postumaniżmu jiġbru fi ħdanhom pluralità ta’ kurrenti u sensibbiltajiet, u diffiċli tagħti deskrizzjoni waħda tagħhom. Jistgħu jiġu mqabbla ma’ arċipelagu ta’ gżejjer kunċettwali differenti, li imma huma marbuta ma’ xulxin bl-istess baħar ta’ presupposti: iċ-ċentralità tat-teknoloġija u l-ħolma li jinqabżu l-limiti tal-qagħda umana. B’mod ġenerali, it-transumaniżmu jimmaġina potenzjament tal-bniedem permezz tat-teknoloġiji (bijomediċina, inġinerija tal-ġisem, strumenti, algoritmi), bl-aspirazzjoni li jkabbar il-prestazzjonijiet u l-ħiliet. Il-postumaniżmu, fuq kollox fil-verżjonijiet l-aktar radikali tiegħu, imur lil hemm minn hekk: jikkritika l-antropoċentriżmu u jħares ’il quddiem lejn għamla ta’ ibridazzjoni bejn essri uman, magna u ambjent, sa ma jimmaġina punt fejn l-umanità għad tissupera lilha nfisha u tidħol fi stadju evoluttiv ġdid. Anki meta dawn l-ipoteżijiet jibqgħu fil-biċċa l-kbira tagħhom spekulattivi, huma jiksbu rilevanza, għax jimmodifikaw l-immaġinarju kollettiv u, b’konsegwenza ta’ hekk, jorjentaw l-għażliet soċjali, ekonomiċi u politiċi.[129]
117. Il-punt kritiku, fid-dawl tad-Duttrina soċjali tal-Knisja, mhuwiex l-użu tat-teknoloġija bħala tali, imma l-viżjoni li ġġorr magħha: jekk il-bniedem hu ttrattat bħala materjal li jrid jiġi pperfezzjonat jew issuperat, allura ssir ħaġa iktar faċli naċċettaw li xi wħud jiġu meqjusa inqas utli, inqas mixtieqa, inqas denji. F’isem il-progress nistgħu naslu biex niġġustifikaw “sagrifiċċji meħtieġa”, u biex inġagħlu lil dawk l-aktar dgħajfa jħallsu l-prezz tal-hekk imsejħa ottimizzazzjoni tal-ispeċi. It-twissija ta’ San Pawlu VI li diġà semmejna tibqa’ allura ta’ viżjoni kbira: tassew li l-kisbiet tax-xjenza u tat-teknoloġija, meta mifruda mill-progress morali u soċjali, jispiċċaw biex iduru kontra l-bniedem.[130] Għalhekk hemm bżonn niddistingwu b’mod ċar: altru nintegraw it-teknoloġiji f’viżjoni umana u relazzjonali, u altru nħallu jmexxina immaġinarju li jiżvaluta l-limitu u jwiegħed “salvazzjoni” purament teknoloġika.
Il-limitu, il-qalb, il-kobor tal-bniedem
118. Ir-relazzjoni tagħna mal-ħajja llum donnha tinsab fi kriżi. Dak kollu li jidher bħala “limitu” – l-inkapaċità, il-mard, ix-xjuħija, it-tbatija, il-vulnerabbiltà – tendenzjalment jiġi interpretat qabelxejn bħala difett li jrid jiġi kkoreġut, iżjed milli bħala post fejn l-uman jimmatura u jinfetaħ għar-relazzjoni. Imma aħna rridu niftakru li l-uman ma jwarradx lil hemm mil-limitu, imma spiss permezz tal-limitu. Viżjoni tar-realtà fid-dawl tal-fidi tgħinna nagħrfu dik li aħna nsejħu l-“kontinġenza” tal-ħwejjeġ ta’ din id-dinja. Jekk minn naħa hu doveruż li nfittxu kif inneħħu t-tbatija li timmarka l-ħajja umana, min-naħa l-oħra jkun għaqli li nagħrfu li minna nfusna aħna limitati, konxji li “l-esperjenza reliġjuża u b’mod partikulari l-fidi Nisranija jipproponu li ngħixu, mingħajr simplifikazzjonijiet, din l-ambivalenza bejn kobor u limitu tal-uman, u naqrawha fid-dawl tar-relazzjoni oriġinali u fundamentali ma’ Alla”.[131]
119. Huwa proprju fil-fatt li aħna limitati li jsibu wisa’ l-kompassjoni, it-tħassib sinċier quddiem il-bżonnijiet tal-oħrajn, il-ġenerożità li tissorprendi mqar qalb id-dalma u l-falliment, l-esperjenza spiritwali u l-adorazzjoni ta’ Alla. Dan narawh f’tant mumenti li fihom il-limitu jsir konkret fil-ħajja tagħna, meta niġu rrifjutati, meta nbatu minħabba mard jew il-mewt ta’ persuna maħbuba, meta nesperjenzaw in-nuqqas ta’ ħila jew il-falliment. Misterjożament, proprju f’dawn is-sitwazzjonijiet nistgħu nsibu għerf ġdid, immissu b’idejna l-imħabba tal-persuna u nduqu l-preżenza tal-Mulej.
120. Imqar meta l-limitu jidher bħala tbatija minn ġewwa, l-għerf uman jgħallimna biex ma niċħduhx u lanqas nifgawh, imma biex nintegrawh. Fl-aħħar mill-aħħar, biex inġibu fix-xejn għalkollox it-tbatija hemm bżonn li nitfu wkoll l-imħabba u x-xewqa. Fil-fatt, min iħobb u jixtieq, ma jistax jevita li jgħaddi mill-prova u t-tbatija, u għalhekk, matul is-snin, aħna ngħożżu fina tagħlim li jimmarkana bħal ferita li tibqa’, memorja tal-mixja li għamilna bejn libertajiet u waqgħat, ħolm u delużjonijiet. Huwa biss grazzi għan-nisġa ta’ dawn l-elementi li, fil-qalb, iseħħu dawk l-għeġubijiet tar-ruħ li jdewquna l-gost l-aktar ħelu tal-fatt li aħna bnedmin.[132] Li niċħdu din l-avventura, drammatika u mill-isbaħ fl-istess ħin, f’isem is-superament li nippretendu li ħa niksbu fuq kull limitu, jista’ jfisser kollox, imma żgur mhux li aħna bnedmin.
121. Il-korruzzjoni morali tal-limitu tagħna bħala ħlejjaq – il-ħażen li b’mod ċar iħabbat il-qalb tal-bniedem – tħassar is-soċjetà u l-ħajja, li tasal saħansitra sal-punt estrem tad-diżumanità. Imma, imqar din ix-xejra kerha ta’ limitu taf tħalli warajha xquq ta’ tjieba. Imqar meta l-bniedem jiddiżumanizza ruħu u jġib b’idejh traġedji, dawl ċkejken jibqa’ jilma fl-umanità u tibqagħlu l-ħila li jerġa’ jitkebbes, bil-grazzja ta’ Alla, f’mixjiet ta’ konverżjoni u ta’ rikonċiljazzjoni. Viktor Frankl ġustament kien jgħid li fil-mument orribbli “wasalna biex insiru nafu l-bniedem x’inhu tassew. Wara kollox, il-bniedem hu dak l-essri li vvinta l-kmamar tal-gass f’Auschwitz; madankollu, huwa wkoll dak l-essri li daħal proprju f’dawk il-kmamar tal-gass bit-talba tal-Mulej jew bix-Shemá Israel fuq fommu”.[133]
122. Il-limitu tal-bniedem, meta jilqgħu fil-verità, ma jfaqqrux imma jiftħu għall-għarfien tal-wiċċ ta’ Alla u tal-oħrajn. Mill-bqija, proprju għax iduq il-limitu tiegħu – il-vulnerabbiltà, it-tbatija, il-falliment – hu jista’ jagħraf id-dinjità tiegħu u tal-oħrajn bħala invjolabbli. U fl-istess esperjenza tal-limitu, jibqa’ kapaċi jintuwixxi fraternità ikbar minnu u jagħraf l-inġustizzja bħala skandlu. Il-kultura u l-arti, meta huma awtentiċi, iħarsu din ix-xrara, u ma jħallux li l-ħażen jiġi normalizzat. Hekk, għandna opri li kisbu valur kważi profetiku: in-Ninth Symphony ta’ Beethoven bħala xewqa għall-għaqda; Guernica bħala kundanna tad-diżumanizzazzjoni; Schindler’s List bħala stedina biex ma ninsew qatt il-passat.
123. L-istorja ma tidhirx biss bħala l-katalgu tal-vjolenzi tagħna, imma anki bħala l-prova li l-uman jaf jiġġenera istituzzjonijiet li kapaċi jipproteġu l-ħajja komuni. Fl-aħħar żewġ sekli dan narawh f’xi kisbiet emblematiċi: it-twelid tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (1863), li n-newtralità operattiva tiegħu tiggarantixxi kura kompassjonevoli għal kulħadd; il-proċess twil li wassal għat-tneħħija tal-iskjavitù, li ma kienx sempliċi bidla ġuridika, imma bidla fil-kuxjenza; it-twaqqif tal-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda (1945) u d-Dikjarazzjoni universali tad-drittijiet tal-bniedem (1948), li ffissaw lingwaġġ komuni biex ngħidu, almenu bħala ideal li naqsmu flimkien, li d-dinjità hija universali; il-Konvenzjoni fuq ir-rifuġjati (1951), li tirrikonoxxi d-dover ta’ protezzjoni lejn min ikun jaħrab minn persekuzzjonijiet u theddid. F’dawn l-eżempji x-xewqa għat-tajjeb tittraduċi ruħha konkretement f’xejriet pubbliċi – normi, istituzzjonijiet, prattiċi – li kapaċi jillimitaw il-forza u jiddefendu lill-vulnerabbli. Imma xejn minn dan ma twieled mingħajr ma sab jiqfulu reżistenzi, interessi egoistiċi u telqa kulturali. Il-kisbiet morali kważi dejjem għandhom il-wiċċ ta’ mixja twila u kollha taħbit, immarkata wkoll minn diżappunti: biżżejjed naħsbu fil-proċessi ta’ paċi mwaqqfin jew fl-impenji ambjentali applikati bil-mod wisq. U safrattant, proprju d-dgħufija ta’ dawn ir-riżultati turi kemm hi prezzjuża r-responsabbiltà ta’ min itellaqhom u jweżinhom.
124. Xi ġrajjiet li seħħu jgħinuna naraw kif l-istorja tista’ tinbidel meta mqar raġel jew mara waħda jieħdu tassew bis-serjetà d-dinjità ta’ kulħadd: il-moviment għad-drittijiet ċivili fl-Istati Uniti tal-Amerika, marbut ukoll max-xhieda ta’ Martin Luther King Jr, jew tmiem l-apartheid fl-Afrika ta’ Isfel wara l-ħelsien ta’ Nelson Mandela u l-għażla tiegħu li ma jitlaqx il-futur f’idejn il-mibegħda. F’kuntesti differenti spikkaw ukoll nisa qalbiena u ġenerużi bħal Santa Laura Montoya, Santa Tereża ta’ Kalkutta, Dorothy Day, Maria Skłodowska-Curie, Maria Montessori, Elisabeth Elliot, Wangari Maathai, Benazir Bhutto u tant oħrajn mill-kontinenti kollha, li bl-impenn tagħhom taw sehem biex l-istorja jagħmluha iktar umana.
125. Flimkien ma’ dawn is-sinjali pubbliċi, hemm nisġa iktar moħbija imma deċiżiva: il-komunitajiet reliġjużi li jagħżlu mkejjen foqra u perikolużi; il-martri tal-fraternità u tal-ġustizzja bħal San Massimiljanu Marija Kolbe, San Oscar Romero u l-Beatu Enrique Angelelli, flimkien ma’ xhieda li, f’qagħdiet ibsin u spiss diżumani, inkarnaw it-tama tal-Evanġelju u d-dinjità tal-bniedem, bħall-Venerabbli François-Xavier Nguyễn Văn Thuận. U, fuq kollox, il-“martri tal-ħajja ta’ kuljum” li jikkuraw, jedukaw, isieħbu, ifarrġu bla ma jagħmlu storbju, bħall-ġenituri, l-infermiera, it-tobba, il-voluntiera, il-persuni li jibqgħu maġenb anzjan jew xi ħadd li safa mwarrab. Ix-xhieda tagħhom turi li t-tajjeb ma jsirx b’mod awtomatiku, imma jitolob perseveranza, memorja, u konverżjoni li tagħtina l-ħila nerġgħu nibdew imqar wara t-telfiet li nġarrbu.
126. Proprju din in-nisġa ta’ istituzzjonijiet tajba, xhieda kredibbli u fedeltà ta’ kuljum iżżomm imkebbsa t-tama u tagħti direzzjoni: inkabbru t-teknoloġija mingħajr ma nixħtu lura l-qalb. Għalhekk l-umanità – tal-għaġeb u midruba – ma għandhiex tħalli x’jeħdilha postha u lanqas jissuperaha: tista’ tilqa’ l-progressi tat-teknoloġija biex ittaffi t-tbatijiet u tiftaħ possibbiltajiet ġodda, sakemm ma tiċħadx dak li jagħmilha dak li hi, jiġifieri l-ħila ta’ relazzjoni u ta’ mħabba. Hawn bilfors irridu nagħmlu mistoqsija: jekk jeżisti b’mod awtentiku dak li hu “iżjed minn uman”, fejn jinsab? Il-fidi Nisranija twieġeb billi turi twettiq li mhux ġej minn divinizzazzjoni teknoloġika, imma minn dak li twettaq il-grazzja ta’ Alla li nirċievu fi Kristu.
Il-veru “iżjed minn uman”: grazzja u umaniżmu Nisrani
127. L-espressjoni “iżjed minn uman” mhix biss parti mil-lingwaġġ tal-wegħdiet teknoloġiċi. Sa minn sekli ilu, it-tradizzjoni Nisranija tistqarr li l-bniedem mhuwiex magħluq fil-konfini tan-natura tiegħu, imma hu msejjaħ jittraxxendi lilu nnifsu: mhux biex jaħrab mir-realtà jew għax jistkerrah il-limitu, imma biex ikun sħiħ fl-imħabba. Il-fidi taf dak il-“lil hinn” li jinbet mid-don ta’ Alla. Din it-trasformazzjoni hi opra tal-Ispirtu s-Santu. Kif għallem San Tumas ta’ Aquino, dan il-proċess ta’ elevazzjoni u trasformazzjoni “jegħleb il-ħila tan-natura”,[134] għax hemm distanza bla tarf[135] bejn in-natura tagħna u l-ħajja ta’ Alla. Madankollu, nistgħu nidħlu fi ħdan dik il-ħajja li ma tintemmx, imqar aħna u mexjin qalb il-limiti ta’ din id-dinja. U jista’ jagħmel possibbli din il-mixja biss l-Infinit li jingħata: hu Alla nnifsu li jegħleb l-isproporzjon “infinit”.[136] Hekk iseħħ il-ħolqien mill-ġdid tal-uman: “Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal il-ġdid” (2 Kor 5:17).
128. Meta bil-grazzja ta’ Alla nilqgħu din il-possibbiltà li nittraxxendu lilna nfusna, ma nkunux niċħdu lilna nfusna, ma nsirux inqas umani. Bil-maqlub, kif fisser il-Papa Franġisku, “naslu għall-milja tagħna ta’ bnedmin meta nkunu iżjed minn bnedmin, meta nħallu lil Alla joħroġna barra minna nfusna biex naslu għal dak li tassew aħna fil-verità”.[137] Hawn qiegħda d-differenza radikali mill-ħolm Prometeiku: dak li jsalva l-bniedem mhuwiex l-awtosuffiċjenza potenzjata, imma relazzjoni li teħles, komunjoni li tibdel. Quddiem dan, teknoloġija li tikklassifika u timmassimizza dak li diġà jeżisti tista’ ssir, bla ma trid, xkiel għall-bidla u għall-maturazzjoni. Għal algoritmu, l-iżball hu xi ħaġa li trid tiġi kkoreġuta; għal persuna, jista’ jkun il-bidu ta’ bidla profonda. Il-futur ta’ persuna ma jaqax taħt il-kalkolu, imma hu fdat lil-libertà tagħha, merfugħa mill-grazzja divina u bla tarf u għar-rabtiet li tikkultiva.
129. L-umaniżmu Nisrani ma jirrifjutax ix-xjenza u t-teknoloġija, imma jagħmilhom tiegħu bi gratitudni u realiżmu, u jpoġġihom “b’saqajhom mal-art” fi ħdan vokazzjoni ogħla. L-intelliġenza kreattiva tal-bniedem hija don li jista’ jtaffi tbatijiet u jiftaħ possibbiltajiet ġodda, imma din għandha tibqa’ ordnata lejn il-ġid komuni, il-ġustizzja, l-għożża tad-dgħajfin u tal-ħolqien. F’dan is-sens, il-vera alternattiva mhix bejn entużjażmu u biża’, imma bejn żewġ modi ta’ kif nibnu: progress li jservi l-persuna u l-popli, inkella progress li jbaxxihom għal xi loġika jew oħra ta’ poter. Fl-aħħar mill-aħħar, il-mistoqsija deċiżiva tibqa’ dik li wriena San Ġwanni Pawlu II: l-IA qed “tagħmel il-ħajja tal-bniedem fuq l-art ‘ħajja aktar umana’ f’kull aspett tagħha? Tagħmel il-ħajja tal-bniedem aktar ‘tixraq lill-bniedem’?”.[138] Jekk it-tweġiba hija “iva”, allura nistgħu nagħrfu fiha possibbiltà tajba li nwettqu b’responsabbiltà, f’mixja li fiha bis-sabar u flimkien nerġgħu nibdew nibnu, fuq il-mudell tat-twelid mill-ġdid ta’ Ġerusalemm irrakkuntat fil-ktieb ta’ Neħemija. Imma jekk is-saħħa tikber imma l-qalb tixraf u r-rabtiet jitkissru, allura ninsabu quddiem Babel ġdida: binja grandjuża, imma diżumana.
130. Li nistħarrġu lilna nfusna fuq din l-alternattiva ta’ progress u fuq il-mod ta’ kif ninterpretawha u ngħixuha, fil-verità, ifisser dejjem li nistħarrġu wkoll il-qalb tagħna. Fil-fatt, il-mod kif naħsbu u nistrutturaw ir-relazzjonijiet, ix-xogħol, l-istituzzjonijiet, juri liema huma l-valuri fundamentali tagħna u, fl-aħħar mill-aħħar, jinbet minn dak li hu l-aktar għal qalbna. Hija mħabba li tmexxina: dak li nħobbu tassew, kemm bħala individwi u kemm bħala soċjetà, jorjenta l-ħajja tagħna u l-imġiba tagħna. Santu Wistin ifisser l-istorja umana bħala post ta’ taqbida bejn żewġ imħabbiet, li bnew żewġ modi ta’ kif ngħixu fid-dinja u ma’ xulxin, żewġt “ibliet”: minn naħa l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu, mill-oħra l-imħabba lejna nfusna biss. “Żewġ imħabbiet sawru żewġt ibliet: il-belt ta’ din l-art hi l-imħabba tagħna nfusna sal-istmerrija ta’ Alla, il-belt tas-Sema l-imħabba ta’ Alla sal-istmerrija tagħna nfusna”.[139] Bħal fl-istorja kollha tal-bniedem, illum ukoll dawn iż-żewġ imħabbiet jitqabdu fil-qalb tagħna għal min ħa jaħkimha. Iż-żmien tal-IA ma jistax jaħrab minn din ir-regola: il-bini ta’ Babel jew dak ta’ Ġerusalemm jibda f’kull wieħed u waħda minna.
131. Wara li għarbilna x-xefaq li fuqu tinsab l-isfida tat-trasformazzjoni teknoloġika, b’mod partikulari dik marbuta mal-IA u mal-kurrenti transumanisti u postumanisti, ma nistgħux nibqgħu fuq il-livell tal-analiżijiet ġenerali biss. Meta jinbidlu l-lingwaġġi u l-istrumenti, jinbidlu wkoll il-ġesti ta’ kuljum u r-relazzjonijiet soċjali. Għalhekk jeħtieġ nieqfu fuq xi oqsma li fihom dawn it-trasformazzjonijiet għandhom riperkussjonijiet konkreti ħafna, minn xi daqqiet drammatiċi. Fid-dawl tal-prinċipji tad-Duttrina soċjali tal-Knisja, it-trasformazzjoni diġitali titlobna niskopru mill-ġdid il-verità bħala ġid komuni, u nħarsu d-dinjità tax-xogħol u l-libertà kontra kull dipendenza u kummerċjalizzazzjoni.
Il-verità bħala ġid komuni
Verità u demokrazija
132. L-użu tal-pjattaformi diġitali u tas-sistemi tal-IA jgħaġġel iktar il-bidliet profondi fil-komunikazzjoni pubblika u politika. Strumenti li jistgħu jgħinu l-konfront u l-parteċipazzjoni spiss jintużaw biex jibnu narrazzjonijiet mgħawġa u jgerfxu l-konfini bejn veru u falz, u jħalltu ‘data’ u opinjonijiet. Id-diżinformazzjoni ma nibtitx mal-IA, imma llum qed issib fiha multiplikatur b’saħħtu. Il-possibbiltà li jiġu mmanipulati kontenuti, immaġni u filmati tesponi ċ-ċittadini għal perspettivi parzjali jew qarrieqa. Il-problema tolqot id-dimensjoni kulturali u morali, għax il-kwalità tal-komunikazzjoni pubblika tiddipendi direttament mill-fiduċja soċjali u tinfluwenzaha. Fil-fatt, informazzjoni veritiera ma tiġix minn kontroll ċentralizzat jew awtomatizzat. Fid-diskors pubbliku, il-verità tal-fatti għandha dimensjoni razzjonali, għax titlob verifika, konferma tal-għejun u responsabbiltà argumentattiva; imma, aktar minn hekk, hija relazzjonali: tinbena permezz ta’ rabtiet ta’ fiduċja u prattiċi li naqsmu bejnietna, f’konfront onest mal-oħrajn u mad-dinja. Huwa biss jekk infittxu flimkien il-verità tal-fatti, mifhuma bħala ġid komuni, li jista’ jkollna komunikazzjoni tajba.
133. Dawk li għandhom f’idejhom riżorsi teknoloġiċi u ekonomiċi b’saħħithom – u, magħhom, anki bosta riżorsi umani biex jintervienu – għandhom kapaċità importanti li jwasslu għal bidliet kulturali u, fl-aħħar mill-aħħar, li jikkonvinċu għadd sinifikattiv ta’ persuni dwar liema hi l-verità fuq il-bniedem, fuq id-dinja, fuq is-sens tal-eżistenza, fuq il-familja, saħansitra fuq Alla. Dan hu purament poter nieqes mill-verità, li jimponi b’mod sottili jew miftuħ dak li jridu li l-oħrajn iqisuh bħala veru. Wara dan kollu hemm għerq marid li diffiċli nagħrfuh: il-fatt li “l-bniedem modern għandu l-konvinzjoni ħażina li hu l-awtur waħdieni tiegħu nnifsu, ta’ ħajtu u tas-soċjetà. Din hija preżunzjoni li tiġi mill-għeluq egoistiku fih innifsu”.[140] Għaldaqstant huwa jaħseb li jista’ jibni r-realtà u li dak li jadatta ruħu l-aħjar għall-pretensjonijiet tiegħu huwa validu. San Ġwanni Pawlu II rrifletta fuq il-konsegwenzi tal-“kriżi dwar il-verità”, u wasal biex afferma li “meta tintilef il-fehma tal-verità universali ta’ dak li hu tajjeb, verità li l-bniedem jista’ jagħraf bil-ħila tiegħu, bilfors tinbidel ukoll il-fehma dwar il-kuxjenza”.[141] Hekk, jonqos l-għarfien ta’ veritajiet universalment validi li qegħdin hemm qabilna, u li l-kuxjenza għandha taċċetta. Dan wassal lill-Papa Franġisku biex jistaqsi realistikament: “X’inhija l-liġi mingħajr il-konvinzjoni, milħuqa f’mixja twila ta’ riflessjoni u ta’ għerf, li kull bniedem hu qaddis u invjolabbli?”, u biex jikkonkludi: “Biex soċjetà jista’ jkollha futur, hemm bżonn li tkun trawmet f’rispett qawwi lejn il-verità tad-dinjità umana, li għaliha nbaxxu rasna. Allura ma noqtlux lil xi ħadd mhux biss biex nevitaw l-istmerrija tas-soċjetà u l-piż tal-liġi, imma b’konvinzjoni. Hija verità fundamentali li nagħrfuha bir-raġuni u nilqgħuha bil-kuxjenza. Soċjetà hija nobbli u rispettabbli anki għaliex trawwem fi ħdanha t-tiftixa tal-verità u għax torbot qalbha mal-veritajiet fundamentali”.[142]
134. It-tiftix tal-verità hu element essenzjali għad-demokrazija, li hija stess hi strument ta’ parteċipazzjoni fil-ġid komuni. Meta nitilfu l-interess fil-mistoqsija fuq x’inhu veru, u jaqbad l-art pragmatiżmu li jikkuntenta ruħu b’dak li jidher ta’ siwi jew effikaċi, il-ħajja demokratika tiddgħajjef. Fil-fatt, hi ma sserraħx biss fuq ir-regoli u l-proċeduri, imma qabelxejn fuq relazzjoni leali mal-fatti u fuq orjentament reali lejn il-ġid tal-persuni u tal-qasam soċjali. In-nuqqas ta’ interess fil-verità jwassal bil-mod il-mod imma bla dubju ta’ xejn biex niżolqu lejn it-totalitarjaniżmu, li għalih, kif kitbet il-filosfa Hannah Arendt, is-sudditi ideali mhumiex tant dawk ideoloġikament konvinti, imma “n-nies li għalihom id-distinzjoni bejn ħaġa fattwali u ħaġa vvintata (jiġifieri, ir-realtà tal-esperjenza) u d-distinzjoni bejn veru u falz (jiġifieri, il-kanoni tal-ħsieb) ma għadhiex teżisti”.[143]
Komunikazzjoni u immaġinarju kollettiv
135. F’dan ix-xefaq, importanti niftakru li l-komunikazzjoni “mhijiex biss trażmissjoni ta’ informazzjoni, imma hi l-ħolqien ta’ kultura”.[144] Il-kontenuti li jiċċirkolaw fl-ambjenti diġitali jinfluwenzaw il-mod kif il-persuni jħarsu lejn id-dinja u jintroduċu fil-kuxjenza komuni immaġni u rakkonti li jorjentaw ix-xewqat u jinfluwenzaw l-għażliet ta’ kuljum. “Mhijiex dinja parallela jew purament virtwali”,[145] għax dak li jfeġġ fuq l-internet illum il-ġurnata sar jagħmel parti mill-ħajja tal-persuni, fuq kollox taż-żgħażagħ u ċ-ċkejknin.
136. Għalhekk, min jikkontrolla l-pjattaformi diġitali u l-mezzi ta’ komunikazzjoni għandu f’idejh kapaċità mhux żgħira li jinfluwenza l-immaġinarju kollettiv u li jipproponi bħala xi ħaġa mixtieqa ċerta viżjoni tar-realtà. Huwa poter li jitlob li jiġi kontinwament imdawwal mit-tiftix tal-verità u tar-rispett tad-dinjità umana, biex il-kultura li tiġi ġġenerata fuq l-internet ma ssirx strument ta’ distrazzjoni żejda, ta’ omoġenizzazzjoni jew ta’ ħakma, imma spazju fejn jistgħu jimmaturaw libertà interjuri u ħsieb kritiku.
Lejn ekoloġija tal-komunikazzjoni
137. L-ewwel dmir li għandna hu dak li ma niddemonizzawx u lanqas nidolizzaw l-istrumenti, imma li nħaddmuhom b’punt tat-tluq sod: il-verità hi ġid komuni u mhux proprjetà ta’ min għandu l-poter jew il-viżibbiltà. Mela jeħtieġ nippromovu ekoloġija tal-komunikazzjoni: mil-lenti tar-regoli pubbliċi, dan ifisser li nistabbilixxu normi li jagħmlu iktar trasparenti l-loġika li biha l-kontenuti jiġu magħżula u mkabbra u li tħares id-‘data’ personali; imma mil-lenti soċjali u kulturali, timplika li nsaħħu l-korpi intermedji, ġurnaliżmu serju u postijiet ta’ konfront fejn iktar jiswew l-argumentazzjoni u l-verifika milli r-reazzjoni immedjata; mil-lenti tal-iskola u tal-familja, il-maturazzjoni tal-esiġenza ta’ għarfien ġdid edukattiv u l-formazzjoni tal-użu korrett u kritiku tal-għodod diġitali, tal-IA, tal-pjattaformi ta’ akkwist u ta’ investiment; mil-lenti tal-università, l-isfida l-kbira tal-integrazzjoni tal-għerf, b’taħriġ kemm tal-ħila li wieħed jorbot u jgħaqqad flimkien l-oqsma tal-għerf biex jaqra dak li hu aktar kumpless, u kemm lejn strumenti għall-verifika tal-fatti.
138. Il-komunitajiet Insara wkoll għandhom iħabirku b’risq komunikazzjoni trasparenti u fit-tiftix leali tal-fatti. B’xorti ħażina, mhux dejjem kien hekk. Assistejna mriegħxa u b’għafsa ta’ qalb għall-iskoperta ta’ veritajiet li jnikktuna mqar dwar membri tal-Knisja u dwar realtajiet ekkleżjali. B’mod partikulari, xi ġurnalisti appassjonati għall-verità kellhom rwol fundamentali biex kixfu inġustizzji u abbużi. Lilhom nixtieq intenni l-kelmiet li qal il-Papa Franġisku meta tkellem mal-Vatikanisti: “Nirringrazzjakom ukoll għal dak li tirrakkuntaw dwar dak li fil-Knisja mhux sejjer sew, għal kemm tgħinuna ma nżommuhx mistur taħt it-tapit u għal-leħen li tajtu lill-vittmi ta’ abbuż”.[146] Madankollu, il-viġilanza u t-trasparenza huma qabelxejn responsabbiltà serja tal-Knisja nfisha u ma għandniex noqogħdu nistennew li jkunu oħrajn li jġagħluna naffrontaw veritajiet skomdi dwarna nfusna.
Patt edukattiv għall-era diġitali
139. Fi żmien fejn il-verità spiss hi mgħawġa skont l-interessi u l-istrateġiji komunikattivi, id-dinja tal-edukazzjoni tassumi importanza deċiżiva. Imma l-bidliet teknoloġiċi mgħaġġla jikxfu kemm ma aħniex ippreparati fuq il-livell edukattiv. Il-mod pervasiv kif il-media diġitali tinfed kullimkien inissel kultura tal-immedjatezza u tal-iperstimulazzjoni, li ġġib magħha għeja, nuqqas ta’ aptit u apatija quddiem it-taħbit meħtieġ biex wieħed ifittex il-verità.
140. Imma l-proċessi edukattivi jridu ż-żmien biex jimmaturaw, biex jikkonfrontaw ruħhom mar-realtà lil hemm mill-apparenzi, u jeħtieġu mixja bis-sabar. Il-kwistjoni hi radikali, għax kull teknoloġija teduka lil min jużaha. Allura, li nedukaw għall-użu tal-IA jimplika li nedukaw għal deċiżjoni meta wieħed għandu u għalxiex ma għandux jużaha. Il-veloċità u l-faċilità li bihom niksbu tweġiba jew sinteżi jirriskjaw li jitfu x-xewqa li nagħmlu mistoqsijiet, li fuq medda ta’ żmien twil biss tista’ tħalli frott. Kif jikteb Platun, il-ħwejjeġ l-aktar profondi u importanti nitgħallmuhom biss wara ħafna żmien u bosta taħbit, billi nħabirku fid-diskussjoni mal-oħrajn biex “inħabbtu ma’ xulxin” il-kunċetti u l-esperjenzi bħallikieku kienu ċagħak taż-żnied, sakemm titkebbes fina x-xrara tal-għarfien.[147] Jeħtieġ nedukaw lilna nfusna kif insumu mill-IA u nipproteġu liż-żgħażagħ tagħna mill-wegħda tal-magna perfetta, minn dik il-ħajra sottili li ġġagħalna naħsbu li l-ħsieb uman hu inutli proprju meta hu l-aktar meħtieġ.
141. Fl-aħħar snin il-letteratura psikoloġika u psikjatrika ddokumentat b’insistenza dejjem tikber kif espożizzjoni bikrija u mingħajr superviżjoni għal apparat diġitali u għall-midja soċjali tista’ tħalli effetti negattivi fuq l-irqad, l-attenzjoni, il-kontroll tal-emozzjonijiet u r-relazzjonijiet, fuq kollox fl-etajiet l-aktar vulnerabbli, b’konsegwenzi li xi kultant huma drammatiċi. Ma’ dan inżidu l-faċilità ta’ aċċess għal xeni vjolenti u kiefra, li jfieru s-sensibbiltà, għal kontenuti pornografiċi u ipersesswalizzati, għal messaġġi li jibbanalizzaw il-ġisem u l-affettività, għal proposti li jinnormalizzaw imġibiet riskjużi. Fuq l-internet mhumiex rari fenomeni ta’ avvanzi, rikatti jew sfruttamenti sesswali tal-minuri, li jagħmlu iktar ħsara bl-użu ta’ profili foloz, ta’ algoritmi li jamplifikaw kuntatti perikolużi u ta’ strumenti tal-IA li kapaċi jimmanipulaw ritratti u filmati. Meta wieħed, wisq kmieni f’ħajtu, ikollu mowbajl personali u jużah bla ebda kontroll mill-adulti, dan jista’ jaċċentwa d-dgħufija u jiffavorixxi d-dipendenzi fl-adolexxenti, waqt li jesponihom għal dinamiċi ta’ iżolament, ta’ bulliżmu, anki fuq l-internet, ta’ pressjoni biex jaqsam ritratti intimi jew ‘data’ sensittiva.
142. Huwaq diffiċli għall-ġenituri li jirreżistu waħidhom għall-kundizzjonament ta’ mudelli kummerċjali li jagħmlu l-flus minn fuq l-attenzjoni u l-ħin. Għalhekk huwa indispensabbli patt bejn il-politika, l-istituzzjonijiet edukattivi u l-familji, li kapaċi jwieżen konkretement lill-adulti fil-ħidma tagħhom. B’għażliet pubbliċi b’viżjoni fit-tul, jeħtieġ neħduha kontra l-interess immedjat tal-pjattaformi – ikkonċentrati f’idejn il-ftit – meta dan ma jaqbilx mal-ġid tat-tfal. F’din il-perspettiva, huma opportuni interventi leġiżlattivi li jiffissaw limiti ta’ età, jirresponsabbilizzaw lil min iforni s-servizzi – mingħajr ma jixħtu l-piż tal-limitazzjoni fuq il-familji – u jipprevedu ħarsien speċifiku kontra kull xorta ta’ sfruttament u vjolenza sesswali fuq l-internet, biex hekk jipproteġu tassew it-tfulija u l-adolexxenza bħala ġid prezzjuż fdat lill-għożża tagħna.[148] Fl-istess waqt, jeħtieġ nedukaw lit-tfal, l-adolexxenti u ż-żgħażagħ biex jitgħallmu jagħrfu fejn ikun hemm manipulazzjonijiet, jiddefendu d-dinjità tagħhom u jirrispettaw dik tal-oħrajn anki fl-ambjenti diġitali.[149]
Iċ-ċentralità tal-iskola
143. L-iskola hija l-post fejn il-ġenerazzjonijiet ġodda jistgħu jitgħallmu jfittxu u jħobbu l-verità, u jistaqsu dwar is-sens tal-ħajja u dwar id-dinjità ta’ kull persuna. Għalhekk ħafna ġenituri, li jixtiequ li wliedhom jikbru b’kapaċità li jirrelataw, li jkollhom sens kritiku, u valuri sodi, jistennew ħafna minnha, bħala alleata prezzjuża fl-edukazzjoni ta’ wliedhom. Fil-fatt, hu tal-ġenituri d-dritt primarju u inaljenabbli li jagħżlu x’xorta ta’ istruzzjoni u ta’ formazzjoni jagħtu lil uliedhom, b’mod koerenti mal-konvinzjonijiet morali, kulturali u reliġjużi tagħhom. Id-dinja tal-iskola llum għandha quddiemha xi sfidi li ma tistax twarrab għal iktar tard.
144. L-ewwel sfida hi soċjopolitika. Kemm fi ħdan in-nazzjonijiet partikulari u kemm bejn id-diversi reġjuni tad-dinja, għadu qawwi n-nuqqas ta’ ugwaljanza fl-aċċess għat-tagħlim bażiku u għall-istudji superjuri. Mhux f’pajjiż wieħed jew tnejn l-Istat għadu ma investiex fir-riżorsi meħtieġa biex jiggarantixxi lil kulħadd edukazzjoni ta’ kwalità, kemm biex jgħin b’mod xieraq lis-sistema skolastika pubblika u kemm biex ikun ta’ sapport għall-istituzzjonijiet privati li joffru dan is-servizz fundamentali. Meta parti relevanti mit-tagħlim, fuq diversi livelli, tiġi fdata lil istituti privati, jista’ jiġri li l-aċċess għall-iskola jiġi jiddependi wisq mill-possibbiltajiet ekonomiċi tal-familji, fin-nuqqas ta’ għajnuna pubblika adegwata. Imma quddiem dan ir-riskju, irridu nirrikonoxxu u nwieżnu l-kontribut ta’ bosta opri edukattivi Kattoliċi li, imqar jekk huma istituzzjonijiet privati, jiggarantixxu akkoljenza inklużiva lil tfal u żgħażagħ ta’ kull provenjenza, anki meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-familji ma jippermettux dan.
145. It-tieni sfida kbira hi pedagoġika. Ħafna sistemi formattivi jsibuha bi tqila li jaġġornaw ruħhom għar-ritmu tal-bidliet u biex iwieżnu l-maturazzjoni integrali tal-istudenti. L-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-informatika u tal-IA malajr qed jirrendi inadegwati programmi ta’ studju li kienu maħsuba għal epoka oħra, waqt li l-organizzazzjoni tal-iskola, l-ispazji, il-metodi ta’ evalwazzjoni u l-istess figura tal-għalliem jitolbu ħsieb ġdid fid-dawl ta’ edukazzjoni realment integrali, miftuħa għad-dimensjonijiet kollha tal-persuna. Hemm bżonn li nwieżnu l-formazzjoni kontinwa tal-għalliema matul il-medda kollha tal-ħajja professjonali, biex jagħrfu jiddjalogaw b’mod pożittiv mat-teknoloġiji ġodda, u jgħinu lill-istudenti jużawhom b’mod responsabbli, kritiku u kreattiv, u biex ma jiġux influwenzati minnhom b’mod passiv.
146. It-tielet sfida kbira hija intellettwali u sapjenzali. Jekk ma noqogħdux attenti, tista’ tissawwar sistema edukattiva mingħajr imħabba għall-verità, fejn l-influss bla waqfien ta’ informazzjoni jieħu post it-taħriġ tar-riċerka, tar-riflessjoni u tad-dixxerniment. Joktor l-għarfien frammentat, imma jsir iżjed diffiċli li wieħed jifhem ir-realtà fil-ġabra sħiħa tagħha, jagħmel mistoqsijiet dwar is-sens, jiżviluppa ħsieb kritiku u kreattiv awtentiku. Ħafna edukaturi diġà qed iħossu s-sinjali ta’ dik li tista’ tkun diżumanizzazzjoni, fejn il-persuni “jafu ħafna ħwejjeġ” imma jsibuha bi tqila jagħtu orjentament lil ħajjithom, anki minħabba n-nuqqas ta’ ħila li jorbtu flimkien l-informazzjoni u l-għarfien, u li ma jitilfux ix-xefaq tas-sens tagħhom. Irridu nippromovu iġjene vera tal-attenzjoni: ritmi li jipprevedu silenzju, studju fil-fond, qari, konfront tal-ħsieb; mingħajr dawn l-elementi l-libertà interjuri tista’ tisfa kompromessa.
147. Id-Duttrina soċjali tal-Knisja tistieden familji, skejjel, komunitajiet Insara u istituzzjonijiet pubbliċi għal patt edukattiv imġedded. Hi tikkonkretizza ruħha meta l-prinċipji fundamentali jiġu mlaħħma f’miri edukattivi: li nedukaw għas-sobrjetà u għas-sens tal-limitu; li nedukaw għall-għarfien tad-dritt tal-ieħor u ta’ min għad jiġi warajna li jgawdi mill-ġid li hu mogħti lilna, jew li l-ġenju uman jagħmel disponibbli; li nedukaw għal-libertà u għar-responsabbiltà; li nedukaw għas-sens ta’ traxxendenza u għall-ġid komuni. L-iskola mhix imsejħa tħuf wara l-ħeffa tad-dinja diġitali, imma biex toffri dak li d-diġitali waħdu ma jistax jagħti: ħin imqatta’ flimkien biex nistgħu nitgħallmu u relazzjonijiet li tista’ torbot fuqhom.
Id-dinjità tax-xogħol fit-tranżizzjoni diġitali
148. Sa mit-twelid tad-Duttrina soċjali, bir-Rerum novarum, il-Knisja ġibdet l-attenzjoni fuq il-protezzjoni tal-ħaddiema u fuq il-ħtieġa li neħduha kontra kull għamla ta’ sfruttament. Imma, fuq kollox, il-Maġisteru għaraf fix-xogħol “il-fus ewlieni”[150] biex nistgħu nifhmu l-kwistjoni soċjali kollha, biex permezz tiegħu l-persuna tiżviluppa ħafna dimensjonijiet tal-ħajja tagħha. F’din il-perspettiva nifhmu wkoll l-intuwizzjonijiet kbar ta’ San Benedittu ta’ Norcia, li rabat flimkien talb u xogħol, u wera kif il-ħidma ta’ kuljum hija parti mit-tweġiba tal-persuna għas-sejħa ta’ Alla. Maħluqin xbieha tal-Ħallieq, permezz tal-opri tagħna aħna b’xi mod intawlu l-opra tiegħu: nagħtu sehemna b’risq il-progress tas-soċjetà u l-bini tal-ġid komuni, nagħmlu frott mill-ħiliet li rċivejna, intejbu u nsebbħu d-dinja, inwieżnu lill-familji tagħna, nidħlu f’relazzjoni ta’ koperazzjoni u nitgħallmu nibnu flimkien, fis-smigħ u fid-djalogu, xi ħaġa li ħadd ma jista’ jasal għaliha waħdu.
149. Għal dawn ir-raġunijiet ix-xogħol ma hux sempliċi strument, imma jesprimi u jseddaq id-dinjità tal-ħajja tagħna. Huwa esiġenza minquxa fil-qagħda tal-bniedem, mixja ordinarja lejn il-maturità, l-iżvilupp u r-realizzazzjoni personali. F’din l-ottika, l-għajnuniet ekonomiċi lill-foqra jibqgħu xi drabi meħtieġa fl-emerġenzi, imma ma jistgħux isiru l-unika tweġiba, għax l-għan hu li lil kull persuna nagħtuha l-kundizzjonijiet biex tgħix b’mod dinjituż permezz tax-xogħol tagħha.[151]
150. Illum, in-nisġa bejn awtomatizzazzjoni, robotika u IA qed tibdel b’mod mgħaġġel l-istess struttura tax-xogħol. Nisimgħu jingħad li dan se jġib titjib kbir għal kulħadd. Fir-realtà, il-“modi ġodda” ta’ xogħol mhux bilfors huma aħjar, għax “filwaqt li l-IA twiegħed li tagħti imbuttatura lill-produttività billi tieħu fuqha l-ħidmiet ordinarji, il-ħaddiema spiss ikollhom jadattaw ruħhom għall-veloċità u għal dak li jitolbu minnhom il-magni, pjuttost milli jkunu dawn li jiġu mfassla biex jgħinu lil min qed jaħdem. Għalhekk, kuntrarjament għall-benefiċċji tal-IA kif jiġu ppubbliċizzati, l-approċċi attwali għat-teknoloġija paradossalment jistgħu jiddekwalifikaw lill-ħaddiema, jassoġġettawhom għal sorveljanza awtomatizzata u jirrelegawhom għal funzjonijiet riġidi u ripetittivi. Il-bżonn li nżommu l-pass mar-ritmu tat-teknoloġija jista’ jherri s-sens li l-ħaddiema jaġixxu huma u jifga l-ħiliet innovattivi li dawn huma msejħa jiddedikaw fix-xogħol tagħhom”.[152] Proprju biex nevitaw li nispiċċaw hekk, hemm bżonn infasslu sistemi li jduru mal-persuna u mhux biss mal-prestazzjoni.
Il-problema tal-qgħad
151. San Ġwanni Pawlu II fakkar li l-qgħad hu xi ħaġa serjament ħażina u li, fuq kollox meta jassumi dimensjonijiet kbar ħafna, jista’ jsir traġedja soċjali vera, li tisfida b’mod speċjali r-responsabbiltà tal-Istat.[153] Illum, fir-“raba’ rivoluzzjoni industrijali”, dan it-tħassib qed ikompli jikber, għax l-innovazzjoni spiss tiġi milqugħa biss skont kemm ħa tnaqqas spejjeż u żżid profitti.[154] F’xi kuntesti hu realistiku li nibżgħu li jkun hemm tnaqqis sinifikattiv u mgħaġġel tal-postijiet tax-xogħol disponibbli, b’effett li jkompli jirdoppja u jolqot b’mod qawwi lil familji, żgħażagħ u ekonomiji lokali. F’ħafna setturi dan diġà qed jittraduċi ruħu f’xejriet ġodda ta’ prekarjetà u nuqqas ta’ ugwaljanza, b’rimunerazzjonijiet għoljin sew għal minoranza speċjalizzata ħafna u pagi dejjem iżgħar għal parti kbira mill-popolazzjoni attiva.
152. Ċertament nixtiequ li t-teknoloġija terfa’ lill-bniedem minn xogħlijiet partikularment iebsa, repetittivi jew perikolużi u li toffri għajnuna intelliġenti lill-ħidma tal-bniedem, imma r-regola ġenerali għandha tibqa’ l-ħarsien tal-postijiet tax-xogħol u tar-rwol insostitwibbli tal-persuna. L-għan li jkun hemm profitti ogħla ma jistax jiġġustifika għażliet li jissagrifikaw sistematikament l-impjiegi, għax il-persuna umana hi fini u mhux mezz, u l-ordni ekonomiku għandu jibqa’ indirizzat lejn id-dinjità tiegħu u lejn il-ġid komuni.
153. Fl-istess waqt, irridu nirrikonoxxu li kull tranżizzjoni reali timxi b’diskontinwità: hi diżugwali, frammentarja, xi drabi kunflittwali. Mela ma jeżistix mudell uniku ta’ bidla, lanqas soluzzjoni globali: jeżistu territorji u stejjer li jitolbu tweġibiet differenti. Meta tqis in-nuqqas ta’ ugwaljanza li tikkaratterizza lid-dinja tagħna, it-tixrid tal-IA u tas-sistemi komputazzjonali jipproduċi effetti differenti fid-diversi postijiet. Is-soċjetajiet għonja qed jiġu awtomatizzati b’ritmu mgħaġġel u kaotiku, u dan inaqqas mill-bżonn tax-xogħol tal-idejn, u jipproduċi oqsma ta’ qgħad u tensjonijiet istituzzjonali. Imma reġjuni vasti fid-dinja qed jibqgħu maqfula f’ekonomiji ibridi, fejn ix-xogħol uman mhux imħallas kif imiss u teknoloġiji limitati jgħixu flimkien mingħajr qatt jaslu għal trasformazzjoni vera. Dawn it-territorji jsiru postijiet ta’ xogħol manwali prekarju u ħġejjeġ ta’ instabbiltà u ta’ migrazzjonijiet forzati. Għalhekk, is-soluzzjonijiet għandhom jinstabu fuq livell nazzjonali u lokali, u jinvolvu lill-komunitajiet intermedji. Huma meħtieġa strumenti li kapaċi jadattaw ruħhom: mudelli artikulati, sperimentazzjonijiet lokali, tqassim mill-ġdid b’mod progressiv, drittijiet ġodda ta’ aċċess għall-ġid essenzjali. Mingħajr ma nfittxu xi armonija astratta, qalb it-trasformazzjoni rridu nibnu għamliet konkreti ta’ konvivenza umana.
154. Ix-xogħol jibqa’ dimensjoni fundamentali tal-esperjenza umana: mhux biss mezz ta’ għajxien, imma post ta’ espressjoni, ta’ relazzjonijiet, ta’ kontribut lill-komunità. Għalhekk, il-problemi marbuta max-xogħol ma jolqtux biss id-dħul meħtieġ għall-għajxien tal-familji. Soċjetà li tiggarantixxi x-xogħol biss lil parti ċkejkna mill-popolazzjoni tispiċċa tesponi lil ħafna għal qagħda ta’ inattività imposta, ta’ assenza ta’ responsabbiltà, ta’ nuqqas ta’ impenn u stimolu fil-ħajja ta’ kuljum, b’riżultati ta’ tfaqqir uman u kulturali f’kuntrast mal-livell elevat ta’ żvilupp teknoloġiku. Nispiċċaw insibu ruħna quddiem paradoss ta’ progress materjali u rigress antropoloġiku, fejn jonqsu l-kundizzjonijiet għal paċi soċjali ġusta u stabbli. Għalhekk id-Duttrina soċjali tal-Knisja tisħaq fuq il-fatt li l-aċċess għax-xogħol għal kulħadd għandu jibqa’ għan prijoritarju tal-politika pubblika u tal-proċessi ekonomiċi, kriterju ta’ ġudizzju biex nivvalutaw il-kwalità umana ta’ mudell ta’ żvilupp.[155] Mill-bqija, f’dawk il-partijiet tad-dinja fejn ix-xogħol tendenzjalment qed jonqos jew jinbidel radikalment, minħabba l-proċessi teknoloġiċi u organizzattivi li jiżgiċċaw minn taħt il-kontroll demokratiku, hemm bżonn nibnu ħsieb ġdid dwar ix-xogħol innifsu u r-relazzjoni tiegħu maċ-ċittadinanza, biex in-nuqqas ta’ mpjiegi ma jippreġudikax il-parteċipazzjoni soċjali.
155. Fid-dawl ta’ din il-konvinzjoni nistgħu nerġgħu naqraw ukoll l-istorja tad-Duttrina soċjali tal-Knisja wara r-Rerum novarum. L-inizjattivi li nibtu warajha – assoċjazzjonijiet, trejdunjins, koperattivi, opri assistenzjali – għenu b’mod deċiżiv biex tejbu l-leġiżlazzjoni fuq ix-xogħol, biex jipproteġu lill-aktar vulnerabbli u jippromovu kundizzjonijiet iżjed umani.[156] Imma llum dawn l-għodod waħidhom mhumiex biżżejjed quddiem it-trasformazzjonijiet li ġabu l-IA, l-organizzazzjoni ġdida tas-swieq u l-kompetittività li qajla tagħti kas tas-sostenibbiltà soċjali. Hemm bżonn ta’ sforz ġdid fi qbil bejn ir-responsabbli politiċi, organizzazzjonijiet ta’ ħaddiema, id-dinja intraprenditorjali u l-komunità xjentifika biex jelaboraw f’qasir żmien regoli u ħarsien adegwat u maqsum flimkien, anki fuq livell internazzjonali.[157] L-organizzazzjonijiet trejdunjonistiċi, li l-Knisja dejjem appoġġjat, huma msejħa jinfetħu għal xejriet ġodda ta’ xogħol u lejn il-ħaddiema ġodda, biex jirrappreżentawhom u jiddefenduhom f’xenarju li fih, mingħajr għażliet kuraġġużi, se jixterdu iktar faqar u nuqqas ta’ ugwaljanza, b’għadd ta’ esklużi mdawrin minn magni u sistemi awtomatizzati li ħadulhom posthom.
156. F’din it-tranżizzjoni mhux biżżejjed li nirreaġixxu meta l-postijiet ikunu ntilfu, imma jrid ikollna minn qabel kontroll tat-trasformazzjoni. Triq prattika hi dik li qabelxejn niffissaw kriterji soċjali għall-innovazzjoni: kull introduzzjoni ta’ awtomatizzazzjoni u ta’ IA għandha tkun imsieħba minn għażliet verifikabbli ta’ ħarsien tal-impjieg, ta’ taħriġ ġdid u ta’ parteċipazzjoni tal-ħaddiema, biex it-teknoloġija tkun tista’ torjenta l-ħin u l-ħiliet umani lejn il-libertà, u mhux tipproduċi esklużjoni. It-tieni nett, hemm bżonn li politika attiva tagħmel aċċessibbli għal kulħadd formazzjoni kontinwa u passaġġi professjonali, mingħajr ma tixħet fuq l-individwi l-prezz sħiħ tal-adattament għat-trasformazzjonijiet. Fl-aħħar nett, hemm bżonn ta’ responsabbiltà ta’ intrapriża li tinkludi l-kwalità u d-dinjità tax-xogħol fost l-indikaturi ta’ suċċess. Meta dawn il-kundizzjonijiet huma preżenti, l-innovazzjoni tista’ ssir alleata ta’ xogħol iżjed sigur, iżjed kreattiv u iżjed dinjituż; meta jonqsu dawn, it-tendenza tkun li hi tinbidel f’aċċelerazzjoni tal-inġustizzja.
Ekonomija li tagħti valur lid-dinjità
157. Is-suq tax-xogħol hu wieħed mill-oqsma fejn ir-riskji tat-teknoloġiji ġodda joħorġu b’mod iżjed ċar. Għalhekk irridu niftakru li l-libertà ekonomika mhijiex assoluta u għandha dejjem titkejjel fuq il-ġid komuni u fuq id-dinjità ta’ kull persuna. L-inizjattiva intraprenditorjali tista’ tkun vera vokazzjoni, li kapaċi tnissel għana u ttejjeb il-ħajja ta’ kulħadd, bil-kundizzjoni li tagħraf il-ħolqien ta’ xogħol dinjituż u ta’ valur bħala parti essenzjali mis-servizz tagħha lis-soċjetà u mhux bħala varjabbli li jiddipendi biss mill-profitt.[158]
158. Bi spirtu profetiku, il-Papa Franġisku wissiena dwar libertà ekonomika pproklamata biss bil-kliem, filwaqt li l-kundizzjonijiet reali jżommu lil ħafna milli jgawdu tassew minnha.[159] Il-mudelli ekonomiċi li jeżaltaw l-effiċjenza u s-suċċess individwali għandhom it-tendenza li jqisu bla siwi u ftit li xejn konvenjenti li wieħed jinvesti fuq il-persuni li jibdew minn sitwazzjonijiet żvantaġġati jew ikollhom jieħdu iktar fit-tul biex jikbru, kważi bħallikieku d-destin tagħhom kellu jiddependi esklussivament minn kemm għandhom ħila jżommu l-istess pass tar-rebbieħa. Fir-realtà, soċjetà ġusta titlob Stat preżenti u istituzzjonijiet ċivili li kapaċi jegħlbu l-loġika tal-effiċjenza waħidha, u li jorjentaw espliċitament riżorsi, kreattività u normi b’risq dawk l-aktar vulnerabbli.[160] Flok noqogħdu nistennew il-benefiċċji ta’ tkabbir li “fl-aħħar” jista’ jmiss ukoll lill-foqra, hemm bżonn ta’ għażliet li sa mill-bidu jagħmlu t-tkabbir xi ħaġa inklużiva. L-esperjenzi tal-aħħar għaxriet ta’ snin juru li, fil-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji, huma dejjem il-foqra li jħallsu l-ogħla prezz, waqt li t-teoriji li jwiegħdu benessri ġenerali awtomatiku spiss huma illużorji.
159. Hu meħtieġ li nissuperaw il-parametri attwali ta’ kif inkejlu l-livell ta’ żvilupp – li għal iktar minn tmenin sena kienu ankrati fil-kunċett ta’ Prodott Gross Domestiku – li jħallu barra kważi sistematikament profili essenzjali għall-benessri sħiħ tal-persuni u tal-ambjent. Fl-istess waqt, dawn jivvalorizzaw attivitajiet li jħallu impatt fil-qosor jew fit-tul fuq il-ħajja tal-pjaneta tagħna. It-tħaddim ta’ parametri u kejl kumplimentari għall-PGD hu deċiżiv biex itejjeb id-‘data’ bażika utilizzata biex isiru analiżijiet, jittieħdu deċiżjonijiet politiċi u ta’ politika ekonomika, u jintgħażlu l-prijoritajiet reġjonali, nazzjonali u internazzjonali. L-introduzzjoni ta’ parametri ġodda tista’ tgħinna nivvalutaw, b’ħarsa usa’ u li tixraq aktar lil żminijietna, l-effetti tad-deċiżjonijiet leġiżlattivi u regolamentarji fuq id-dinjità tax-xogħol, il-ġid ta’ kulħadd flimkien, it-tnaqqis fin-nuqqas ta’ ugwaljanza, il-ħarsien tal-ambjent. Hi tista’ tħalli effett fuq il-kunċett ta’ żvilupp innifsu, fuq il-proċessi formattivi, fuq il-mentalità u l-opinjonijiet pubbliċi, u anki fuq il-paċi, li hi vera biss jekk imsejsa fuq il-ġustizzja.
160. Fl-aħħar snin id-dinja finanzjarja kisbet rilevanza dejjem ikbar u rat innovazzjoni qawwija anki wara l-introduzzjoni tal-muniti kripto. Ir-riflessjonijiet u l-indikazzjonijiet fil-Maġisteru tal-Predeċessuri tiegħi, b’mod partikulari fl-Enċikliċi, urew kif il-funzjonament tal-intermedjazzjoni finanzjarja “meta ġie maqtugħ minn fundamenti adegwati antropoloġiċi u morali, mhux biss ipproduċa abbużi u inġustizzji ovvji, imma wera wkoll li kapaċi joħloq kriżijiet sistematiċi u ta’ saħħa dinjija”.[161] U hu daqshekk ieħor minnu li d-dħul minn kapital jirriskja li jieħu post id-dħul minn xogħol, spiss mixħut fil-ġenb tal-interessi prinċipali tas-sistema ekonomika. U safrattant, it-tfaddil li jinbidel fi kreditu għall-ekonomija reali, u allura biex joħloq xogħol kemm dipendenti u kemm awtonomu, jibqa’ ċentrali għall-iżvilupp u għall-investimenti li għandhom isieħbu t-tranżizzjonijiet li għaddejjin. Il-funzjoni soċjali tal-kreditu tibqa’ insostitwibbli. Il-finanza indirizzata għall-finanza hi differenti mill-finanza għall-iżvilupp u għall-ħolqien u l-evoluzzjoni tax-xogħol.
161. Din il-perspettiva għandha tidħol f’ħarsa usa’ fuq id-dinamika globali. Il-ġid li hawn fid-dinja kiber f’termini assoluti, imma ġiet aċċentwata l-konċentrazzjoni f’idejn il-ftit u twessgħu l-iżbilanċi, kemm bejn il-pajjiżi u kemm fi ħdan kull pajjiż: “Il-ftit għandhom ħafna u l-ħafna għandhom ftit, din hija l-loġika tal-lum”.[162] Il-progressi xjentifiċi u teknoloġiċi, anki fil-qasam tal-mediċina, ma humiex faċilment aċċessibbli għall-parti l-kbira tal-popolazzjoni, kif deher b’mod drammatiku tul il-pandemija ta’ dan l-aħħar. Filwaqt li f’xi reġjuni jsiru investimenti fuq interventi superfluwi jew fuq ħolmiet ta’ potenzjament individwali li ftit persuni biss jifilħu għalihom, f’partijiet oħra tad-dinja għadhom neqsin l-għodod essenzjali biex isalvaw miljuni ta’ ħajjiet umani. Jekk naħsbu li t-teknoloġiji ġodda se jġibu awtomatikament benefiċċju għal kulħadd, inkunu ninjoraw evidenza: jekk it-trasformazzjonijiet ma jiġux imreġija bl-għan prijoritarju jkun, diġà fil-fażi tat-tfassil, il-prevenzjoni ta’ differenzi oħra ġodda, il-progress teknoloġiku jipproduċi awtomatikament nuqqasijiet ta’ ugwaljanza strutturali. Il-ġustizzja llum tgħaddi wkoll mill-aċċess għall-benefiċċji tal-innovazzjoni: kura, għarfien, għodod, opportunitajiet.
162. Ċertament huma meħtieġa liġijiet ġusti u strumenti ta’ ridistribuzzjoni li jsewwu l-iżbilanċi, anki permezz ta’ sistemi fiskali li jħaffu l-piż minn fuq dawk l-aktar dgħajfa u jitolbu iżjed minn min għandu iktar riżorsi f’idejh. Imma ma rridux inqisu t-tiftix tal-ġustizzja soċjali bħala tema separata u tiġi wara l-produzzjoni tal-għana, bħallikieku l-ekonomija kellha sempliċiment toħloq valur u l-politika tintervieni biss iktar tard biex tqassmu. Bil-maqlub, il-ġustizzja tmiss il-fażijiet kollha tal-attività ekonomika, tal-lokalizzazzjoni tar-riżorsi għall-finanzjament, tal-produzzjoni għall-konsum, u kull għażla għandha konsegwenzi morali.[163]
163. Bir-raġun kollu, fiż-żmien tal-IA u tar-robotika ma għadux possibbli nafdaw lilna nfusna biss fl-“id inviżibbli” tas-suq:[164] il-politika għandha d-dmir li torjenta d-dinamika ekonomika-teknoloġika lejn il-ġid komuni, tippromovi xogħol dinjituż, inklużjoni sojċali u tqassim indaqs tal-benefiċċji tal-innovazzjoni. Billi ħafna deċiżjonijiet ekonomiċi jmorru lil hemm mill-konfini tal-Istati, hi meħtieġa wkoll koperazzjoni internazzjonali li kapaċi tiddefinixxi strateġiji komuni, fuq kollox għall-ġid tal-pajjiżi u tal-gruppi l-aktar vulnerabbli, biex tippromovi l-iżvilupp u tissupera l-assistenzjaliżmu. Il-loġika li tnebbaħ dawn l-għażliet hi dik tad-dinjità bla tarf ta’ kull persuna, tal-ġid komuni u ta’ dinja tassew maħsuba għal kulħadd. L-interdipendenza bejn paċi u żvilupp, kif kiteb profetikament fl-1967 San Pawlu VI,[165] illum tista’ tiġi aġġornata: il-prosperità tista’ tikkontribwixxi biex tibni u ssaħħaħ il-paċi biss jekk hi mifruxa, inklużiva u sostenibbli.
164. F’termini konkreti, li norjentaw l-ekonomija għad-dinjità jfisser li nassumu ċerti kriterji ta’ azzjoni soda anki fl-epoka tal-IA. Qabelxejn, trasparenza u kontabbiltà: meta d-‘data’ u l-algoritmi jaffettwaw it-tqassim tal-kreditu, l-għażla tal-impjegati, l-aċċess għal servizzi jew opportunitajiet, jeħtieġ li d-deċiżjonijiet ikunu komprensibbli, kontestabbli u taħt kontroll, biex il-persuna ma tiġix ridotta għal profil. It-tieni nett, inklużjoni u aċċess: il-benefiċċji tal-innovazzjoni għandhom ikunu msieħba minn investimenti f’kompetenzi, infrastrutturi u servizzi essenzjali, hekk li t-teknoloġija ma twessax il-qasma bejn min għandu u min ma għandux. Fl-aħħar nett, miżuri ta’ ekwità: is-sistema fiskali, il-protezzjoni soċjali u politika industrijali għandhom jikkoreġu l-iżbilanċi maħluqa mill-konċentrazzjoni ta’ ġid u poter. Dawn il-kriterji ma humiex ilġiem għall-innovazzjoni: fir-realtà, jagħmluha aktar post fejn wieħed jista’ jgħix u uman.
Familja u żgħażagħ: kundizzjonijiet soċjali tat-tama
165. Il-familja hi ġid soċjali primarju. Imsejsa fuq l-għaqda stabbli bejn raġel u mara, hija l-ewwel ambjent li fih kull persuna tiżviluppa l-potenzjalitajiet tagħha, tagħraf id-dinjità tagħha u titgħallem l-ewwel għamliet ta’ verità u ta’ tjieba, waqt li tinterjorizza drawwiet li jħejju għall-ħajja fis-soċjetà.[166] L-ewwel soċjetà naturali, mogħnija bi drittijiet sa mill-bidu, il-familja hija ċ-ċellola fundamentali u insostitwibbli ta’ kull organizzazzjoni komunitarja.[167] B’konsegwenza ta’ dan, meta l-proġetti politiċi u d-deċiżjonijiet ekonomiċi l-kbar jirrelegawha għal rwol marġinali jew sekondarju, tiġi kompromessa l-maturazzjoni awtentika tal-korp soċjali kollu.[168]
166. Imma l-familja hija ġid soċjali fraġli, li tiġi affettwata b’mod immedjat mit-trasformazzjonijiet ekonomiċi u teknoloġiċi li qed jibdlu x-xogħol, u li titlob sostenn kulturali, ġuridiku u ekonomiku. Huwa magħruf l-impatt devastanti tal-qgħad u tal-prekarjetà fuq it-tessut tal-familja. Fuq żmien qasir jista’ jidher ta’ vantaġġ li nnaqqsu l-ispiża tax-xogħol u nżidu kemm nistgħu l-effiċjenza finanzjarja, imma fuq perjodu itwal dan jhedded l-istess bażi tal-konvivenza: waqt li niċċelebraw is-suċċessi teknoloġiċi, l-istruttura soċjali titherra ftit ftit bħal minn virus silenzjuż.
167. Għaż-żgħażagħ, il-prekarjetà tax-xogħol hi partikularment drammatika. Kif ifakkruna l-Isqfijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika, ix-xogħol mhuwiex biss għajn ta’ dħul, imma qasam deċiżiv li fih tissawwar l-identità, jintisġu ħbiberiji u relazzjonijiet, jiġu mgħallma responsabbiltajiet konkreti u wieħed jgħarbel il-vokazzjoni tiegħu.[169] Meta l-aċċess għax-xogħol hu mxekkel minn rati għoljin ta’ qgħad, minn sistemi formattivi inadegwati jew minn ħitan strutturali, ħafna żgħażagħ jaraw imblukkata l-mixja tagħhom ta’ realizzazzjoni umana u professjonali. Il-bżonn li nibdlu l-impjieg aktar minn darba tul ħajjitna jitlob mixjiet ta’ aġġornament u taħriġ mill-ġdid b’mod permanenti, biex il-ġenerazzjonijiet il-ġodda jkunu kapaċi, b’kompetenza u awtonomija, jidħlu għar-riskji ta’ kuntest ekonomiku li qed jinbidel u li spiss hu imprevedibbli.[170]
168. Minn hawn toħroġ responsabbiltà pubblika speċifika. L-Istat għandu d-dmir li jwieżen l-attività tal-intrapriżi u joħloq kundizzjonijiet favorevoli għall-impjiegi, jippromovi x-xogħol fejn hu nieqes u jiddefendih fi żminijiet ta’ kriżi, għax dan hu ġid primarju għall-familji u għas-soċjetà.[171] B’mod partikulari, fi żmien ta’ trasformazzjonijiet teknoloġiċi qawwija, hemm bżonn ta’ kreattività politika favur ix-xogħol li jqiegħed fiċ-ċentru lill-familja u l-ġenerazzjonijiet il-ġodda, jekk ma rridux li l-progressi ekonomiċi jinbidlu f’xejriet ġodda ta’ inċertezzi u ta’ esklużjoni.
169. Li nwieżnu familji u żgħażagħ f’din it-tranżizzjoni jitlob għażliet li jwasslu għall-istabbiltà. Kif diġà ngħad hawn fuq, hemm bżonn ta’ politika tax-xogħol li tiffavorixxi kontinwità u kwalità tal-impjiegi, teħodha kontra l-prekarjetà bħala kundizzjoni normali tal-ħajja u tippromovi mixjiet realistiċi ta’ dħul u maturazzjoni fil-ħajja professjonali. It-tieni nett, hemm bżonn ta’ miżuri li jiggarantixxu ritmi umani: mingħajr bilanċ bejn ix-xogħol, is-servizzi u l-mistrieħ, il-familja tiddgħajjef u ż-żgħażagħ isibuha bi tqila biex jikbru fir-responsabbiltà. Barra minn hekk, hu deċiżiv li ninvestu f’formazzjoni u taħriġ ġdid aċċessibbli, biex il-mobbiltà professjonali mitluba mill-ekonomija diġitali ma ssirx selezzjoni kiefra bejn min jiflaħ jaġġorna ruħu u min le. Fl-aħħar nett, għandhom jiġu mwieżna r-rabtiet soċjali: xbieki u komunitajiet edukattivi li jsieħbu l-għażliet ta’ ħajja u ma jħallux l-inċertezza tipproduċi solitudni u dipendenzi. Hekk it-trasformazzjoni teknoloġika tista’ ssir mingħajr ma tkisser dak li jgħin soċjetà tkun ġenerattiva: il-ħila li tibni l-futur tagħha.
Inħarsu l-libertà mid-dipendenzi u l-kummerċjalizzazzjoni
170. Wara li ħarisna lejn il-verità u l-edukazzjoni, ix-xogħol u l-familji, irridu nitkellmu fuq l-effett tar-rivoluzzjoni diġitali fuq il-libertà umana, u nqisu kif għandna naffrontaw kemm ir-riskji marbuta mal-psikoloġija individwali u kemm it-traġedji soċjali l-kbar. Ma nistgħux nissottovalutaw ix-xejriet aktar sottili ta’ dipendenza marbuta mal-ekonomija diġitali tal-attenzjoni, fejn pjattaformi u servizzi huma mfassla biex jattiraw il-ħin u l-ħarsa ta’ dawk li jagħmlu użu minnhom, jisfruttaw id-dgħufijiet tagħhom u jdgħajfu l-libertà interjuri. Meta mudelli intraprenditorjali jagħmlu suċċess minn fuq dahar id-dgħufija umana, il-persuna hi ttrattata bħala mezz u mhux bħala fini, u min jipproġetta jew jiffinanzja dawn is-sistemi jassumi responsabbiltà morali li ma jistax jaħrab minnha. Huwa urġenti li nippromovu użu tat-teknoloġiji li jsaħħaħ il-libertà interjuri: edukazzjoni għas-sobrjetà diġitali, protezzjoni tal-minuri, u oppożizzjoni għal mudelli li jistagħnew minn fuq dahar il-vulnerabbiltà.
171. Riskju ieħor, li ma tantx jagħti fil-għajn imma li mhux inqas gravi, hu dak tal-kontroll soċjali, li hu possibbli grazzi għall-ġbir massiv ta’ ‘data’ u għall-użu ta’ sistemi algoritmiċi. Meta kull ġest iħalli marka warajh – ċaqliq minn post għall-ieħor, akkwisti, relazzjonijiet, preferenzi – jinħoloq poter ġdid: dak li nistgħu nsegwu l-passi, nipprevedu u norjentaw l-imġibiet, spiss mingħajr ma l-persuni jkollhom għarfien sħiħ ta’ dan. Jekk din id-‘data’ tiġi użata biex jittieħdu deċiżjonijiet li jinfluwenzaw opportunitajiet konkreti (aċċess għall-kreditu, selezzjonijiet tal-impjegati, servizzi), inkunu nirriskjaw li nipperikolaw il-libertà u niddiskriminaw ma’ min hu l-aktar vulnerabbli. Barra minn hekk, il-kontroll ma jgħaddix biss minn projbizzjonijiet espliċiti, imma mill-arkitettura tal-viżibbiltà: dak li jiġi amplifikat jew magħmul inviżibbli, dak li hu ppremjat jew ippenalizzat, jispiċċa biex isawwar opinjonijiet u għażliet, u jġib konformiżmu u awtoċensura. Għalhekk din il-libertà, fl-era diġitali, mhijiex biss fatt interjuri: hija wkoll kwistjoni pubblika, li titlob regoli ċari, trasparenzi, possibbiltajiet ta’ rikors u limiti proporzjonati għall-użu ta’ teknoloġiji invażivi, biex it-teknoloġija tibqa’ għas-servizz tal-persuna u ma ssirx xi għamla ta’ dominju fuq il-kuxjenzi.
172. Fl-għerq ta’ dawn il-problemi hemm mentalità teknokratika u postumanista, li tendenzjalment tqis lill-persuna bħala oġġett li jista’ jiġi mmanipulat jew riżorsa li wieħed jixrob kemm jista’ minnha,[172] waqt li xxejjen dak kollu li jqiegħed limiti għall-massimizzazzjoni tal-profitt: dak li jiswa hu l-effiċjenza, u mhux ir-rispett tal-libertà u tad-dinjità umana. Xi kurrenti postumanisti jaslu saħansitra li jipotizzaw li hemm bnedmin “tat-tieni klassi”, funzjonali għall-interessi ta’ grupp elitista li jħossu superjuri: perspettiva inkwetanti, iktar u iktar gravi jekk tgħaqqadha ma’ strumenti teknoloġiċi li jkabbru b’mod mhux żgħir il-poter ta’ kontroll u ta’ selezzjoni. Anki ċerta loġika ta’ dejn strutturali, li żżomm popli sħaħ f’kundizzjonijiet ta’ dipendenza, tikxef l-istess mentalità li taċċetta, f’xejriet ġodda, relazzjonijiet ta’ subordinazzjoni li joqorbu lejn il-jasar.
Inkissru l-ktajjen tal-jasar ġdid
173. Din il-viżjoni mgħawġa tal-persuna llum il-ġurnata tittraduċi ruħha f’diversi xejriet ta’ tjassir marbuta direttament mal-ekonomija diġitali. Xejn, fid-dinja tal-IA, ma hu immaterjali jew maġiku. Kull tweġiba li tidher immedjata u perfetta ġejja minn katina twila ta’ medjazzjonijiet, minn xibka mwessgħa ta’ riżorsi naturali, ta’ infrastrutturi enerġetiċi u, fuq kollox, ta’ persuni. Parti sinifikattiva minn kif taħdem l-ekonomija diġitali tistrieħ fuq ix-xogħol sieket ta’ miljuni ta’ bnedmin, impjegati f’ħidmiet li ftit li xejn jidhru imma huma essenzjali: l-għoti ta’ tikketti lid-‘data’, il-moderazzjoni ta’ kontenuti – spiss mill-agħar –, it-taħriġ tal-mudelli. F’ħafna każi dawn ikunu żgħażagħ, l-iktar nisa, li jaħdmu f’kundizzjonijiet ibsin għal kumpens ċkejken. Ma’ dan it-taħbit inviżibbli jiżdied dak, wisq aktar brutali, tal-estrazzjoni tar-riżorsi meħtieġa għall-produzzjoni tal-apparat u tal-mikroproċessuri li fuqhom tistrieħ l-IA. F’xi reġjuni tad-dinja, adolexxenti u tfal jaħdmu f’kundizzjonijiet perikolużi jkissru l-materjal li minnu jinġabru elementi rari mill-art. Il-ġisem ta’ dawn il-persuni jispiċċa miġruħ, imbiċċer u mfarrak biex ir-rata li biha ssir il-komputazzjoni ma tiġix interrotta. Barra minn hekk, xbieki kriminali jinqdew bi pjattaformi fuq l-internet, sistemi ta’ messaġġi li jintbagħtu, metodi ta’ ħlasijiet anonimi u teknoloġiji ta’ profilazzjoni biex jiġbdu, jikkontrollaw u jispostjaw vittmi ta’ traffikar, ħafna drabi minuri, u jibdlu rġiel u nisa f’“data” x’tinstab u f’“pakketti” biex jiġu ttrasferiti fi ħdan l-istess ċirkwiti diġitali li jwieżnu parti kbira mill-ekonomija globali. Din ir-realtà tisfida bil-kbir il-kuxjenza morali ta’ żmienna. Mhux biżżejjed indaħħlu fin-nofs l-effiċjenza, lanqas li niċċelebraw il-benefiċċji tal-innovazzjoni, jekk dawn huma mibnija fuq katina ta’ sfruttament li tinżamm apposta inviżibbli. Jekk teknoloġija twiegħed emanċipazzjoni imma tipproduċi għamliet ġodda ta’ subordinazzjoni globali, tkun qed twaqqa’ l-prinċipju fundamentali tad-dinjità tal-persuna.
174. It-taqbida kontra x-xejriet ġodda ta’ jasar hi post deċiżiv ta’ prova għad-dixxerniment etiku tal-IA u tat-trasformazzjoni diġitali. Fi ħdan it-tradizzjoni mnedija minn Ljun XIII, il-Knisja ġġedded il-kundanna soda tagħha ta’ kull xorta ta’ jasar, traffikar u kummerċjalizzazzjoni tal-persuni, u ssejjaħ għall-urġenza ta’ moviment wiesa’ ta’ riflessjoni u ta’ azzjoni li jqiegħed fiċ-ċentru tiegħu d-dinjità inaljenabbli ta’ kull bniedem u l-ġid komuni, bħala għanijiet tas-soċjetà u bħala kriterji ta’ kull għażla personali, soċjali u politika. Mingħajr din ir-riflessjoni etika u umanizzanti, inkunu nirriskjaw li l-poter dejjem jikber tas-sistema diġitali jeħodna għal attroċitajiet ġodda, mhux inqas ta’ mistħija minn dawk tal-imgħoddi li llum nikkundannaw, aħna u nkomplu nippreżentaw ruħna bħala soċjetajiet “avvanzati” u “ċivilizzati”.
175. It-traffikar għandu jiġi rikonoxxut bħala għamla ta’ jasar ta’ żmienna u bħala vjolazzjoni gravi tad-dinjità umana; jekk ma nweġbux b’id soda jew nittolleraw b’xi mod jew ieħor dawn il-prattiċi, ifisser li, ftit jew wisq, inkunu kompliċi llum fil-ħtijiet li twettqu lbieraħ, meta l-jasar kien jiġi ġġustifikat jew imsikket.[173]
176. Fil-maturazzjoni tad-duttrina tagħha, il-Knisja ftit ftit bniet kuxjenza dwar il-gravità ta’ dawn ir-realtajiet. Huwa minnu li l-ġrajjiet tal-imgħoddi ma jistgħux jiġu ġġudikati ’l barra mill-kuntest storiku tagħhom, bħallikieku l-kriterji kollha li mmaturaw fiż-żmien kienu disponibbli sa minn dejjem. Madankollu, ma nistgħux niċħdu jew nimminimizzaw kemm ħadu fit-tul il-Knisja u s-soċjetà biex ikkundannaw il-flaġell tal-jasar. Jekk fl-Antikità u fil-Medjuevu ħafna persuni u istituzzjonijiet ekkleżjastiċi kellhom l-ilsiera, diġà fil-modernità s-Sede Appostolika Rumana, imħeġġa mit-talbiet tas-sovrani, interveniet iktar minn darba biex tirregola u tilleġittimizza l-modi ta’ sottomissjoni u, f’xi każi, ta’ tnaqqis fil-jasar tal-“infidili”.[174] Kellna nistennew is-seklu 19 biex insibu kundanna formali, assoluta u universali tal-jasar, b’mod partikulari ma’ Ljun XIII.[175] Dan huwa eżempju ċar ta’ kemm kiber l-għarfien, min-naħa tal-Knisja, tal-veritajiet dejjiema tar-Rivelazzjoni li hija tħares. Imqar jekk ma nsibux omoġenjità fil-kwistjoni fiha nfisha – wara li għal żmien twil ittollerat il-jasar u biss aktar tard li waslet biex tikkundannah b’mod assolut –, hemm kontinwità matul l-istorja kollha fejn tidħol il-konvinzjoni dwar id-dinjità ta’ kull bniedem, maħluq xbieha ta’ Alla, imqar jekk ma rnexxilhiex, fi 18-il seklu, tespliċita b’mod uffiċjali l-inkompatibbiltà sħiħa tagħha mal-jasar. Din hija ġerħa fil-memorja Nisranija li ma nistgħux inqisu ruħna barranin għaliha.[176] Ma nistgħux nevitaw li nħossu niket qawwi meta nqisu t-tbatija u l-umiljazzjoni enormi li l-jasar fisser għal tant persuni, f’kuntrast mad-dinjità bla tarf tagħhom, maħbuba bla qies mill-Mulej. Għalhekk, f’isem il-Knisja, minn qalbi nitlob maħfra.
177. Proprju għalhekk, il-memorja tal-kompliċità u tal-għama tal-bieraħ għall-inġustizzja tal-jasar issir għalina sejħa biex ngħassu: dak li tgħallimna għandu jinbidel f’dixxerniment u responsabbiltà fil-preżent. Jekk fil-futur ma rridux nitolbu maħfra talli ma konniex fidili għat-teżor tad-dinjità umana li l-fidi tagħna tiġbor fiha, illum imiss lilna li nkunu diretti u sodi fil-kundanna tagħna kontra t-traffikar fid-diversi manifestazzjonijiet tiegħu u f’li nwieżnu, pass wara l-ieħor, flimkien ma’ dawk kollha li jħabirku fihom, mixjiet reali ta’ prevenzjoni, protezzjoni, liberazzjoni u riabilitazzjoni.
178. Il-kolonjaliżmu fi żmienna qed juri wiċċ ġdid li ma rajniex bħalu qabel. Ma jaħkimx biss fuq il-ġisem, imma jaħtaf taħt idejh id-‘data’, u jibdel il-ħajjiet personali f’informazzjoni sfruttata. Territorji sħaħ, fuq kollox dawk b’rilevanza ġeopolitika iżgħar u dgħufija strutturali ikbar, bħalissa qed jiġu maħkuma minn loġika ġdida ta’ estrazzjoni: dik ta’ trasferimenti ta’ tagħrif fuq is-saħħa, profili epidemjoloġiċi, mapep ġenetiċi u ‘data’ demografika. Dawn huma l-“artijiet rari” ġodda tal-poter: informazzjoni vitali li, meta miġbura u mqabbla, tista’ tintuża biex tħarreġ mudelli ta’ previżjoni, tiggwida strateġiji ta’ investiment, tantiċipa l-kriżijiet u fuq kollox tagħżel x’jiswa u le. Min għandu f’idejh id-‘data’ fuq is-saħħa ta’ popolazzjonijiet sħaħ, illum spiss miġbura bl-iskuża ta’ għajnuna, tar-riċerka u tal-innovazzjoni, fir-realtà għandu lieva strutturali fuq il-futur: jista’ jsawwar hu liema huma l-bżonnijiet u s-swieq. U jista’ jiddeċiedi, qabel oħrajn, għal min ikunu indirizzati prodotti farmaċewtiċi, investimenti, protezzjonijiet. Hawn għandna fin-nofs waħda mill-kwistjonijiet morali l-aktar urġenti ta’ żmienna: li nibdlu l-għarfien li naqsmu flimkien f’ġid komuni, u mhux f’vantaġġ ta’ dominju; irroddu lill-popli mhux biss id-‘data’ li tiddeskrivihom, imma anki l-possibbiltà li jiddeċiedu kif se tintuża, minn min u għal min. Inkella, l-era diġitali ma tkunx postkolonjali, imma kolonjali taħt bixra differenti.
179. Il-ktajjen ekonomiċi u l-infrastrutturi diġitali jkabbru x-xejriet ġodda ta’ jasar. Mela rridu naħdmu f’iktar minn direzzjoni waħda: qabelxejn biex nagħmlu iżjed esiġenti t-trasparenza tal-ktajjen li jsostnu l-industrija teknoloġika u l-ekonomija diġitali, biex ebda vantaġġ kompetittiv ma jinbena fuq l-isfruttament inviżibbli. It-tieni nett, jeħtieġ li intrapriżi u investituri jassumu kriterji ċari ta’ verifika etika preventiva (due diligence), u jinkludu fost il-prijoritajiet tagħhom il-ħarsien tal-ħaddiema, il-ġlieda kontra x-xogħol forzat u l-impatt soċjali tal-mudelli ta’ negozju msejsa fuq id-‘data’. Barra minn hekk, il-pjattaformi diġitali għandhom jiġu msejħa jikkoperaw b’mod responsabbli mal-awtoritajiet u mas-soċjetà ċivili biex ma jħallux li l-istrumenti ta’ komunikazzjoni, ħlas u profilazzjoni jsiru kanali ta’ reklutaġġ u kontroll tal-vittmi. Meta dawn l-għażliet jiltaqgħu flimkien, l-ambjent diġitali jista’ jinbidel minn spazju ta’ esplojtazzjoni għal spazju ta’ ħarsien, prevenzjoni u promozzjoni tad-dinjità.
Responsabbiltà li naqsmu flimkien
180. Id-diversi oqsma li ħarisna lejhom – it-tiftix tal-verità fil-ħajja pubblika, l-edukazzjoni fl-ambjent diġitali, it-trasformazzjonijiet tax-xogħol, id-dgħufija tal-familji u x-xejriet ġodda ta’ jasar – ma humiex fenomeni mifruda minn xulxin. Huma qed juruna l-istess riskju: jekk it-teknoloġija ssir kriterju assolut, il-persuna tirriskja li tiġi ttrattata bħala ‘data’, ingranaġġ jew prodott għall-bejgħ; imma jekk it-teknoloġija tiġi mħaddna fi ħdan xefaq ta’ għerf, tista’ ssir okkażjoni ta’ maturazzjoni, ta’ ġustizzja u ta’ fraternità.
181. F’din il-perspettiva, id-Duttrina soċjali tal-Knisja tipproponi responsabbiltà li naqsmuha flimkien. Titlob li dawn il-proċessi jitmexxew ’il quddiem b’viżjoni fit-tul: minn istituzzjonijiet li kapaċi jirregolaw mingħajr ma jifgaw, u jipproteġu mingħajr ma jissostitwixxu; minn intrapriżi li fix-xogħol u fid-dinjità jagħrfu kriterju ta’ suċċess; minn korpi intermedji u komunitajiet edukattivi li jerġgħu jibnu l-fiduċja u r-rabtiet ma’ xulxin; minn ċittadini li jrawmu responsabbiltà, sobrjetà, dixxerniment u sens ta’ dak li hu veru. Hekk biss l-innovazzjoni tista’ ssir tabilħaqq żvilupp uman integrali u mhux fattur ta’ esklużjoni u dominju; u hekk biss il-wegħda tal-progress tista’ tiġi rikonoxxuta bħala vera, għax imkejla fuq id-dinjità invjolabbli ta’ kull raġel u mara.
182. Wara li rajna kif l-IA qed tibdel ċerti dimensjonijiet tal-ħajja u tas-soċjetà, b’effetti serji fuq id-dinjità umana, jeħtieġ issa ndawru ħarsitna fuq qasam iktar u iktar drammatiku: il-gwerra. Hawn il-kwistjoni ma tmissx biss l-effiċjenza ta’ għodod ġodda, imma r-riskju li t-teknoloġija, mifruda mill-etika u mir-responsabbiltà, tagħmel iktar mgħaġġla u impersonali d-deċiżjoni fuq il-ħajja u fuq il-mewt, u tippreżenta l-fatt li wieħed jirrikorri għall-forza bħala għażla immedjata u prattikabbli. F’dinja dejjem aktar interdipendenti, il-paċi mhijiex tema fost l-oħrajn, imma hi kundizzjoni għall-ġid komuni universali u post ta’ prova għall-maturità morali tal-popli, speċjalment ta’ min hu msejjaħ għar-responsabbiltà li jiggverna.
183. Ir-rivoluzzjoni diġitali qed timmodifika l-grammatika tal-kunflitti. Mal-gwerra li tidher, qed jiżdiedu xejriet imħallta: attakki ċibernetiċi, manipulazzjoni tal-informazzjoni, kampanji ta’ influwenza, awtomazzjoni ta’ deċiżjonijiet strateġiċi. L-IA tidħol f’dawn il-proċessi bħala fattur ta’ aċċellerazzjoni, f’qafas fejn ħafna teknoloġiji huma intrinsikament ambivalenti: dak li jinħoloq għad-difiża malajr jista’ jinbidel f’offiża, u l-konfini bejn protezzjoni u aggressjoni donnhom qed jisfumaw fix-xejn. L-IA tista’ ssaħħaħ id-difiża u l-protezzjoni taċ-ċivili, imma tista’ wkoll tagħti iktar lok għall-użu tal-forza, iddallam ir-responsabbiltajiet, tkabbar kultura li fiha l-għadu hu ridott għal ‘data’ u l-vittma għal “dannu kollaterali”. Quddiem dawn il-bidliet, irridu nfakkru x’inhuma l-prinċipji tad-Duttrina soċjali – dinjità tal-persuna, ġid komuni, destinazzjoni universali tal-ġid, sussidjarjetà, solidarjetà, ġustizzja – bħala kriterji biex niġġudikaw jekk it-teknoloġiji humiex jaqdu tassew lill-umanità, inkella humiex jispiċċaw biex ijassruha, u nqisuhom bħala orjentamenti għall-għażliet tagħna.
184. Għalhekk, f’dan il-kapitlu nixtieq nikkonfronta loġika ma’ oħrajn li huma opposti, u li diġà evokajt bi xbihat bibliċi: minn naħa, it-tentazzjoni li nibnu t-torri ta’ Babel, aħna u nafdaw fil-poter u fil-kburija tagħna nfusna; mill-oħra, is-sabar li nibnu mill-ġdid lil Ġerusalemm, bħal fi żmien Neħemija, “biċċa biċċa”, aħna u nħarsu lill-bniedem u l-ġid komuni.
185. Jekk inħarsu lejn id-dinamika li biha taħdem id-dinja tagħna, nagħrfu dejjem iżjed b’mod ċar kemm qed tikber kultura tal-poter, magħmula minn polarizzazzjonijiet u vjolenzi. Babel tal-lum mhix biss il-paradigma teknokratika globalizzata, imma wkoll it-tilwim mill-bogħod bejn imperjaliżmi kontra xulxin, bejn potenzi li jridu jikkonservaw il-primat tagħhom u potenzi li jaspiraw li jiksbuh, b’għadd ta’ kunflitti lokali. Hija wkoll il-ġirja biex jiżviluppaw teknoloġiji dejjem iżjed b’saħħithom, jew biex jiżguraw il-kontroll tagħhom, skont dinamika diżumanizzanti li donnha ma tafx b’limiti. U sadattant, biswit din id-devjazzjoni, nistgħu nilmħu parti kbira mill-umanità li qed tfittex li tibqa’ umana u li tħabrek biex tibni l-belt tal-konvivenza u tal-paċi. Tagħha aħna lkoll spiss aħna bennejja bla ma nafu u arkitetti mingħajr għaqda bejnietna, b’ħila li nagħmlu qabżiet ġenerużi imma nieqsa minn viżjoni ta’ flimkien: hu xogħol ta’ bini li jieħu iktar fit-tul, jidher inqas u jiġbed l-għajn inqas, li qed jistenna li jiġi mifhum aħjar u kkordinat aħjar, biex hekk isir l-impenn konxju u artikulat ta’ kull komunità, mill-familja għat-tmexxija governattiva tal-Istati u għar-relazzjonijiet ta’ bejniethom. Huwa lil dan ix-xefaq ta’ impenn, lil dan is-sit ta’ kostruzzjoni ta’ tama, li nagħtu l-isem ta’ “ċiviltà tal-imħabba”.
Iċ-ċiviltà tal-imħabba fl-era diġitali
186. Meta San Pawlu VI introduċa l-espressjoni “ċiviltà tal-imħabba”,[177] id-dinja kienet milquta mill-Gwerra l-Bierda, mill-ġirja għall-armamenti u minn żbilanċi ekonomiċi qawwija. F’dak il-kuntest, il-Knisja wriet triq alternattiva għall-oppożizzjoni ideoloġika bejn sistemi, u stħajlet ordni soċjali fejn ġustizzja u karità jkunu nisġa waħda u l-imħabba ssir prinċipju ta’ organizzazzjoni tal-ħajja ekonomika, politika u kulturali. Illum jeħtieġ nirkupraw bil-qawwa din il-viżjoni: iċ-ċiviltà tal-imħabba mhix utopija inġenwa, imma proġett esiġenti. Tikkonsisti f’li nittraduċu l-karità fi strutturi ta’ ġustizzja, li nlibbsu b’qafas istituzzjonali l-fraternità u li nqisu lill-ieħor – sew jekk hu persuna jew poplu – bħala alleat meħtieġ għall-bini tal-ġid komuni. Kif fakkritna l-Enċiklika Fratelli tutti, hija biss din l-imħabba soċjali, li kapaċi ssir kultura u norma, li tista’ tnissel ordni internazzjonali stabbli, u tibdel il-konvivenza minn sempliċi koeżistenza armata għal komunità b’futur komuni.[178]
187. Illum, fil-kuntest tal-qabża diġitali, din l-intuwizzjoni qed tidher aktar deċiżiva. Ix-xbieki diġitali, l-ekonomija globalizzata u l-iżvilupp tal-IA qed joħolqu rabtiet dejjem aktar stretti, u jorbtu fl-istess mument deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu f’post mal-effetti li dawn jipproduċu band’oħra. Għalhekk għadhom attwali l-kelmiet tal-Konċilju Vatikan II dwar l-interdipendenza dejjem tikber bejn il-popli: il-ġid komuni qed jassumi dejjem aktar dimensjoni universali, bi drittijiet u dmirijiet li jmissu l-familja sħiħa tal-bnedmin.[179] Il-proġett taċ-ċiviltà tal-imħabba hawnhekk għandu l-ħidma deċiżiva li jibdel din l-interdipendenza li wieħed bilfors iġarrab, f’solidarjetà li wieħed irid u jagħżel. Dan huwa l-kriterju biex norjentaw il-proċessi teknoloġiċi: mhux biżżejjed li l-IA tagħmilna iktar effiċjenti jew konnessi, imma għandha sservi biex tibni dik il-familja universali tal-bnedmin, bi drittijiet u dmirijiet maqsuma flimkien, fejn il-qrubija diġitali ssir okkażjoni reali ta’ laqgħa u ta’ għożża ta’ xulxin.
Il-kultura tal-poter
188. Fiż-żmien li qed ngħixu fih qed tkompli tissaħħaħ kultura tal-poter, fejn tendenzjalment id-disponibbiltà tal-mezzi u l-ħila li niddominaw jiddettaw l-aġenda u l-kriterji tad-deċiżjonijiet, u hekk jixħtu l-ġid komuni tal-umanità fl-isfond u jirriduċu t-traġedja konkreta tal-popli fi gwerra għal varjabbli sekondarju ħdejn l-interessi strateġiċi. Din il-kultura tal-poter tinfed is-soċjetà, timmodifika relazzjonijiet u mġibiet, titwessa’ hija u tinnormalizza l-gwerra, tiġri wara poter militari dejjem ikbar, tapprofitta mill-kriżi tal-multilateraliżmu u titma’ realiżmu falz li dejjem jirrepeti li alternattivi ma jeżistux.
In-normalizzazzjoni tal-gwerra
189. Fl-1965 dwiet qawwija l-karba ta’ San Pawlu VI quddiem l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda: “Daqshekk gwerra, daqshekk gwerra!”.[180] Irridu nagħrfu li, minkejja x-xewqat u l-proklami ta’ paċi, l-aħħar 60 sena kienu mmarkati minn kunflitti ta’ ħruxija impressjonanti, li spiss involvew b’mod massiċċ il-popolazzjonijiet ċivili, ikkawżaw vittmi innoċenti, mewġiet ta’ maħruba, destabbilizzazzjoni soċjali u ġrieħi li ma jagħlqux malajr. Madankollu, fid-diskors pubbliku, kienet komuni l-konvinzjoni li l-gwerra kellha tibqa’ l-aħħar possibbiltà, imdawra minn limitazzjonijiet etiċi u ġuridiċi rigorużi, u allura minn xefaq politiku orjentat lejn il-paċi. Wara l-iżviluppi li seħħu fil-perjodu ta’ bejn iż-żewġ Gwerer, wara t-Tieni Gwerra Dinjija seħħet żvolta: il-paċi tqiegħdet fiċ-ċentru tal-ordni internazzjonali, kif tixhed b’mod partikulari l-Karta tal-Ġnus Magħquda, li tipproponi li “nsalvaw il-ġenerazzjonijiet futuri mill-flaġell tal-gwerra”;[181] ħafna Kostituzzjonijiet nazzjonali, fuq l-istess linja, kienu llimitaw l-użu tal-armi għal każijiet estremi u definiti b’mod rigoruż. Anki matul il-Gwerra l-Bierda, imqar jekk qalb kunflitti gravi, kien hemm l-għarfien li jeħtieġ nevitaw b’kull mod kunflitt dinji ieħor.
190. Imma llum qed nassistu għal bidla vera ta’ paradigma fid-diskors pubbliku u fl-għażliet ta’ min qed jerġa’ jinvesti fl-armi, b’riabilitazzjoni preokkupanti tal-gwerra bħala strument ta’ politika internazzjonali, waqt li qed jitherrew proprju dawk il-kriterji etiċi li kienu llimitaw l-użu tagħhom. Kunflitti reġjonali li jibqgħu jkarkru maż-żmien, eskalazzjoni ta’ tensjonijiet u theddid reċiproku saru kważi ħaġa li drajna biha, u qed jerġgħu jitfaċċaw xejriet ta’ kunflitt dwar l-espansjoni territorjali li konna ħsibna li ġew superati. L-opinjoni pubblika ftit ftit qed tiġi orjentata u mdorrija tisma’ narrattivi medjatiċi polarizzanti, spiss minfuħa minn algoritmi li jivvalorizzaw il-konfrontazzjoni u t-tilwim.
191. Qed nassistu wkoll għal telfien preokkupanti ta’ memorja storika. Il-fatt li qed jonqsu dawk li xehdu direttament għax-Shoah u għaż-żewġ gwerer dinjija jiffaċilita l-kitba mill-ġdid tal-imgħoddi b’mod selettiv jew mgħawweġ, fi klima fejn l-aħbarijiet foloz u l-manipulazzjonijiet narrattivi jċajpru l-lezzjonijiet li tgħallimna minnhom. Mingħajr memorja ħajja tal-orruri tal-gwerra, id-deċiżjonijiet politiċi jirriskjaw li jittieħdu skont kalkoli ta’ forza, neqsin minn viżjoni tal-konsegwenzi fit-tul.
192. Ma’ dan kollu jiżdied element ġdid u deċiżiv: id-dimensjoni medjatika u diġitali. Ix-xbieki ta’ komunikazzjoni, l-ambjenti informattivi frammentati u l-algoritmi li jippremjaw il-konfrontazzjoni jistgħu jkabbru l-polarizzazzjoni u r-rabja, iżidu l-propaganda u jagħmluha iktar diffiċli li jkun hemm dixxerniment komuni. Hekk il-gwerra mhux biss tiġi miġġielda, imma anki mħejjija kulturalment permezz ta’ narrazzjonijiet simplifikanti, il-loġika ta’ ħabib-għadu, diżinformazzjoni u biża’. Meta tonqos il-memorja storika u jiddgħajfu l-kriterji etiċi li jipproteġu l-popolazzjoni ċivili u dawk l-aktar dgħajfa, isir aktar faċli li nippreżentaw il-vjolenza bħala meħtieġa, inevitabbli jew saħansitra “nadifa”. Hu f’din il-klima li l-umanità qed tiżloq fil-kultura vjolenti tal-poter, fejn il-paċi ma tibqax tidher bħala ħidma li għandna nagħmluha tagħna, imma bħala intervall temporanju bejn il-kunflitti. Illum huwa importanti iktar minn qatt qabel li ntennu li hi superata t-teorija tal-“gwerra ġusta”, wisq ta’ spiss invokata biex tiġġustifika kull ġlied, waqt li jibqa’ sħiħ id-dritt għad-difiża leġittima mifhuma fis-sens l-aktar strett tal-kelma.[182] L-umanità għandha għodod aktar effikaċi u li kapaċi jippromovu l-ħajja umana biex taffronta l-kunflitti, bħad-djalogu, id-diplomazija, il-maħfra. Li nirrikorru għall-forza, għall-vjolenza u għall-armi jfisser faqar relazzjonali li għandu dejjem konsegwenzi diżastrużi fuq il-popolazzjonijiet ċivili.
193. Element deċiżiv tal-panorama attwali hu t-tkabbir tal-industrija tal-gwerra, li saret settur importanti fl-ekonomija ta’ xi pajjiżi. Ir-rabta stretta bejn interessi ekonomiċi, apparati militari u deċiżjonijiet politiċi tiġġenera “nazzjon armat”, fejn il-gwerra tidher kważi bħala prosekuzzjoni naturali tal-politika u s-suq tal-armi jsir mutur awtonomu ta’ għażliet ta’ ġlied. Ma nistgħux ninjoraw l-interessi ekonomiċi enormi li hemm moħbija wara l-gwerra. L-industriji tal-armamenti u l-pajjiżi li jfornu l-armi jagħmlu profitt minn suq li jikber proprju grazzi għall-kunflitti. F’dan is-sens, hemm ukoll loġika ekonomika li tikkontribwixxi biex tkabbar tensjonijiet f’diversi reġjuni tad-dinja.
194. L-armi militari qed igawdu minn attenzjoni ġdida. Fl-imgħoddi, ir-rikonoxximent tat-theddida tal-armi li kapaċi jeqirdu l-umanità kollha kien għen biex jinbdew mixjiet ta’ tnaqqis u ta’ negozjati fuq id-diżarmamenti. B’xorti ħażina ħriġna minn dan ix-xefaq, u l-evoluzzjoni tal-armamenti nukleari – inkluża l-perspettiva tal-użu “tattiku” tagħhom – tpinġi l-użu ta’ dawn l-armi bħala possibbiltà dejjem inqas remota. F’dan il-kuntest, id-dħul fis-seħħ fl-2021 tat-Trattat għall-projbizzjoni tal-armi nukleari, imħaddan minn fuq 70 pajjiż, jirrappreżenta sinjal importanti, imma jirriskja li jibqa’ fil-parti l-kbira tiegħu simboliku, sakemm il-potenzi atomiċi prinċipali ma jimxux miegħu. Xterdet il-konvinzjoni, żbaljata, li d-deterrent nukleari huwa kundizzjoni indispensabbli ta’ sigurtà, bir-riżultat li dan qed iżid fil-ġirja ġdida u ftit li xejn kontrollabbli għall-armamenti, imsieħba miż-żarmar ftit ftit tal-ftehim fuq it-tnaqqis tal-armi nukleari u tal-iżvilupp tal-armi “minjaturizzati”, li jagħmilha aktar faċli li wieħed jikkunsidra l-użu tagħhom bħala għażla prattika.
195. L-istess loġika niltaqgħu magħha fil-kunflitti konvenzjonali: il-forza militari, l-inizjattivi diplomatiċi dgħajfin u l-interessi kumplessi li hemm f’dan kollu jiffavorixxu kunflitti b’tendenza li jsiru ħaġa kronika, bi prezz uman u ambjentali għoli qatigħ. Huwa ħafna iktar sempliċi nibdew gwerra milli nwaqqfuha, u madankollu r-riflessjoni fuq il-prevenzjoni tal-kunflitti tibqa’ drammatikament imwarrba għall-ġenb.
196. Ix-xena ssir iktar instabbli bil-preżenza ta’ atturi armati ġodda – gruppi Ġiħadisti, milizzji privati, xbieki kriminali – li huma t-tmiem tal-monopolju statali tal-użu tal-forza. Spiss dawn is-suġġetti jħalltu ma’ xulxin motivazzjonijiet ideoloġiċi vagi ma’ interessi ekonomiċi konkreti ħafna, u jibdlu l-gwerra f’mod veru ta’ ħajja għal ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ żgħażagħ u tfal: l-għan ma għadux wieħed ta’ rebħa definittiva, imma l-perpetwazzjoni tal-kunflitt bħala għajn ta’ poter u profitt.
Armi u IA
197. Ma’ dan ix-xenarju jintrabat l-iżvilupp bla waqfien ta’ sistemi ta’ armamenti, b’mod partikulari tal-armi marbuta mal-IA. Is-Santa Sede riċentement osservat li l-faċilità dejjem tikber li biha jistgħu jiġu mħaddma sistemi ta’ armamenti b’awtonomija operattiva qed jagħmel il-gwerra iżjed “prattikabbli” u inqas suġġetta għall-kontroll uman, kuntrarju għall-prinċipju illi wieħed jista’ jirrikorri għall-forza armata bħala l-aħħar possibbiltà f’każ ta’ difiża leġittima.[183] Għalhekk l-iżvilupp u l-użu tal-IA fil-qasam tal-gwerra għandhom jitqiegħdu taħt l-aktar regoli etiċi rigorużi, f’rispett lejn id-dinjità umana u s-sagralità tal-ħajja, filwaqt li nevitaw il-ġirja għall-armamenti.[184]
198. Xi drabi tisma’ minn jitkellem fuq “aġenti morali artifiċjali”, bħallikieku magna setgħet tiggarantixxi, b’koerenza ikbar minn ta’ bniedem, id-distinzjoni bejn tajjeb u ħażin. Imma l-ġudizzju morali mhuwiex riduċibbli għal kalkolu: dan jimplika kuxjenza, responsabbiltà personali u rikonoxximent tal-ieħor bħala persuna. Għalhekk mhuwiex leċitu li nafdaw f’idejn sistemi artifiċjali deċiżjonijiet letali jew imqar dawk irriversibbli. Ma jeżisti l-ebda algoritmu li jista’ jagħmel il-gwerra moralment aċċettabbli. L-IA ma tneħħix id-diżumanità intrinsika tal-kunflitt: tista’ biss tagħmilha iktar mgħaġġla u impersonali, u hekk wieħed jista’ aktar malajr jirrikorri għall-vjolenza, u d-difiża tinbidel fi previżjoni operattiva, bil-vittmi ridotti għal ‘data’. Għalhekk huwa importanti ħafna li npoġġu valuri u ġudizzju prudenti fil-programmazzjoni tas-sistemi artifiċjali li nibnu, li jistgħu jikkontribwixxu għal ekosistema morali fejn il-bnedmin ikunu f’pożizzjoni aħjar li jagħtu widen għall-kuxjenza tagħhom u fejn il-mudelli tal-IA ikollhom limitazzjonijiet xierqa.
199. Mhux biżżejjed li ninvokaw l-etika b’mod ġeneriku: irridu nindikaw kriterji preċiżi ta’ dixxerniment. L-ewwel wieħed hu dwar ir-responsabbiltà personali. Meta d-deċiżjoni li jintlaqat xi ħadd tkun awtomatizzata jew mhux ċara, jikber ir-riskju ta’ deresponsabilizzazzjoni. Għalhekk il-katina tar-responsabbiltajiet għandha tibqa’ identifikabbli u verifikabbli: min qed jipproġetta, min qed iħarreġ, min qed jawtorizza, min qed iħaddem irid ikun f’pożizzjoni li jagħti kont tal-għażliet tiegħu. It-tieni kriterju jmiss iż-żmien tal-ġudizzju morali. L-IA għandha t-tendenza li tgħaġġel iż-żminijiet deċiżjonali; imma, fil-gwerra, deċiżjonijiet irriversibbli ma jistax ikollhom bħala kriterji supremi tagħhom il-ħeffa u l-effiċjenza. It-tielet kriterju hu d-distinzjoni u l-protezzjoni taċ-ċivili. Kull teknoloġija li tagħmilha iktar faċli li wieħed jolqot mingħajr ma jara l-wiċċ tal-ieħor tkun qed tbaxxi l-aspett morali tal-kunflitt. L-għażla tal-miri u t-tħaddim tal-forza ma jistgħux iħalltu flimkien lil min hu involut fil-ġlied ma’ min mhuwiex, lanqas jistgħu jinjoraw l-impatt fuq il-popolazzjonijiet li m’għandhomx biex jiddefendu ruħhom.
200. Minn dawn il-kriterji joħorġu xi esiġenzi essenzjali. Qabelxejn, għal kull sistema mħaddma fil-qasam tal-ġlied għandu jkun hemm il-garanziji ta’ traċċabbiltà u l-possibbiltà li wieħed jagħmel rikostruzzjoni tad-deċiżjonijiet, hekk li r-responsabbiltà u l-ħtijiet eventwali ma jisfumawx fix-xejn “f’magna”. It-tieni nett, l-għażla li wieħed iħaddem il-forza letali ma tistax tiġi delegata għal proċessi ftit li xejn ċari jew awtomatizzati, imma għandha tibqa’ taħt kontroll uman effettiv, konxju u responsabbli. Fl-aħħar nett, iridu jiġu stabbiliti regoli flimkien, anki fuq livell internazzjonali, li jrażżnu l-ġirja għall-armamenti teknoloġiċi u jiżguraw ħarsien partikulari tal-popolazzjonijiet ċivili u tal-infrastrutturi essenzjali għall-għajxien tagħhom.
201. Il-kultura tal-poter ġejja wkoll mill-kriżi tas-sistema multilaterali. L-istituzzjonijiet li nibtu biex iħarsu l-idea ta’ futur komuni tal-popli u ta’ ġid komuni dinji jidhru li ġew imdgħajfa, mhux biss minħabba limitazzjonijiet strutturali, imma wkoll għax spiss tonqos ir-rieda ta’ kulħadd flimkien li jweżinhom, jirriformahom u jagħraf l-awtorità morali tagħhom. Flok ’il quddiem, mexjin lura meta tipparaguna mal-iżvolta storika tas-seklu 20. Wara l-1989, meta fl-Ewropa kkrollaw ir-reġimi Komunisti, kien hemm ukoll globalizzazzjoni prevalentement ekonomika, nieqsa minn arkitettura politika xierqa li setgħet twieżen id-djalogu u l-paċi. Ingħatat fiduċja kważi għamja lis-swieq biex jipproduċu huma l-benessri, id-demokrazija u l-istabbiltà, meta fir-realtà l-globalizzazzjoni ma ġabitx awtomatikament għaqda u paċi, imma qanqlet reazzjonijiet fundamentalisti, identitarji u nazzjonalistiċi. Ir-riżultat huwa mbiegħed minn multilateraliżmu awtentiku: pjuttost jidher bħala multipolariżmu diżordinat u kunflittwali, fejn iktar qed jirbaħ is-suspett f’xulxin.
202. Terġa’ titfaċċa t-tentazzjoni li nibnu l-identità kollettiva kontra għadu, u nrewħu narrattivi fejn kulħadd jippreżenta ruħu bħala vittma li għandha jedd tpattiha. Is-simplifikazzjoni fi skemi – “l-ewwel jien”, “ħabib-għadu”, “aħna-intom” – tiffaċilita deċiżjonijiet li spiss huma irresponsabbli, u jheddu l-fiduċja reċiproka bejn in-nazzjonijiet. U hekk minflok il-forza tad-dritt internazzjonali jkollna l-pretensjoni tad-“dritt ta’ min hu l-aktar b’saħħtu”, u l-istrumenti tiegħu – mit-tribunali kompetenti fuq l-atti kriminali tal-gwerra għall-qrati msejħa biex itemmu l-kontroversji bejn l-Istati – spiss jiġu injorati jew imdgħajfa, b’konsegwenzi devastanti fuq il-kultura politika u fuq il-konvivenza.[185]
203. F’dan il-kuntest, il-bini tal-paċi għadda għat-tieni post: il-koperazzjoni fl-iżvilupp, it-tneħħija tal-armi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-bini tal-fiduċja reċiproka jitwarrbu għall-ġenb, f’isem loġika ta’ poter. Hekk jiddgħajfu wkoll il-kisbiet tad-dritt umanitarju: il-prinċipju ta’ proporzjonalità fit-tweġiba għall-aggressjonijiet, il-ħarsien tal-aċċess għal ilma, ikel u ġid essenzjali, ir-rispett għall-ħajja tal-popolazzjonijiet ċivili u tat-tfal jiġu ttrattati bħala reminixxenzi inġenwi tal-passat.
204. Qed ngħixu fi żmien ta’ għama kbir spiritwali u kulturali. Jeżisti pragmatiżmu falz li jistedinna ninqatgħu mill-għeruq tal-memorja, bħallikieku nistgħu nniedu xi għamla ta’ “ħolqien ġdid” maqtugħ mill-passat; imqar min jemmen fil-prinċipji morali kbar jista’ jaqa’ f’dan in-niħiliżmu storiku, bl-illużjoni li l-attroċitajiet tas-seklu 20 ma jistgħux jirrepetu ruħhom aktar. Fir-realtà, l-istess dinamiċi qed jerġgħu jitfaċċaw taħt xejriet ġodda. Donnha qed terġa’ timponi ruħha l-loġika tal-bilanċ fl-armamenti u tad-deterrenti. Imma, kuntrarju għax-xenarju bipolari tal-Gwerra l-Bierda, illum l-għadd jikber ta’ atturi u ta’ frontijiet ta’ kunflitti qed idgħajjef dejjem iżjed din il-loġika. Il-kunflittwalità kontinwa qed timbotta lejn gwerer asimetriċi u “ibridi”, miġġielda wkoll fuq l-art ekonomika, finanzjarja u informatika, bl-użu ta’ diżinformazzjoni u kampanji li jżidu l-biża’, biex jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika. F’ħafna pajjiżi, anki fin-Nofsinhar tal-globu, iż-żieda fl-ispejjeż militari qed tiġi ppreżentata bħala l-unika tweġiba għal futur inċert jew għal perċezzjoni ta’ theddid, waqt li l-prezz veru huwa piż fuq dawk l-aktar foqra, li qed jaraw jonqsu r-riżorsi ddestinati għas-saħħa, it-tagħlim u s-servizzi soċjali.
205. Fuq dan kollu hemm “realiżmu” falz, imsejjes mhux biss fuq il-loġika mifruxa tal-forza, imma anki fuq konvinzjoni kulturali u antropoloġika, bħallikieku l-gwerra kienet inevitabbilment parti min-natura umana. Tisma’ min jgħid li dejjem hekk kien, ħlief għal parentesijiet qosra, u dejjem hekk ħa jibqa’ jkun! Mela, il-problema m’għadhiex aktar il-paċi, li tlifnieha bħala punt ta’ riferiment fuq ix-xefaq internazzjonali, imma kif u meta se naġixxu militarment, waqt li ssib ukoll min jisħaq li tkun ħaġa irresponsabbli li ma nħejjux ruħna għall-konfront. Imma, dak li hu tassew irresponsabbli hu r-Realpolitik, din l-għamla ta’ “realiżmu” politiku, li tiżra’ fil-kuxjenzi u fil-kultura r-rassenjazzjoni għal gwerra inevitabbli, u tikkwalifika l-paċi u d-djalogu bħala pożizzjonijiet utopiċi jew irrazzjonali, li jinjoraw ir-riskji f’dan il-qasam. Bil-maqlub, il-paċi mhijiex tama inġewna u lanqas sempliċiment l-assenza tal-gwerra: hija frott, dejjem possibbli, tal-ġustizzja u tal-imħabba.
206. F’din il-klima, niħiliżmu u pragmatiżmu jispiċċaw biex jintisġu ma’ xulxin u jinnormalizzaw żbalji gravi ħafna: estremiżmi reliġjużi u fanatiżmi identitarji jsiru alleati ta’ viżjoni ekonomika irrazzjonali, waqt li l-politika tibda tirrikorri b’ħeffa għad-diżinformazzjoni, għat-twaqqigħ għaċ-ċajt tal-avversarju u għall-bini sistematiku ta’ biżgħat u rabja. Hekk id-diversità tal-ieħor dejjem tingħax bħala theddida, u dan irewwaħ xewqa ta’ pussess, rieda ta’ dominju, ambizzjonijiet ta’ ħakma, abbużi ta’ poter u biża’ mid-differenzi, u jħejji l-art li fuqha kunflitti ġodda jistgħu jikbru kważi mingħajr ma nintebħu.[186]
207. Dan hi art għammiela fejn jistgħu jinbtu gwerer ġodda, forsi aktar perikolużi minn dawk li għaddew, għax it-tendenza issa hi li jwarrbu kull limitu etiku. Dak li darba kien meqjus inaċċettabbli llum jista’ jsir kważi bla ma wieħed joqgħod jaħsibha, waqt li r-reazzjoni internazzjonali tadegwa ruħha għall-konvenjenza tal-gvernijiet partikulari iktar milli għall-gravità oġġettiva tal-fatti. Id-deċiżjonijiet donnhom issa huma mdawla kważi esklussivament mill-kalkoli ekonomiċi, difiżi permezz ta’ illużjonijiet medjatiċi, ewforiji artifiċjali u “ħolm” li inevitabbilment jisfa mkisser, u jnissel frustrazzjonijiet u vjolenza ġdida. Meta nipperswadu ruħna li xejn ma hu tassew minnu u li l-“prinċipji” mhumiex għajr qoxra vojta, in-niċċa ta’ splużjonijiet ġodda ta’ intolleranza u aggressività tieħu fl-istess qalb tal-persuni.
208. F’dan ix-xenarju, il-mistoqsija fuq il-garanziji veri kontra vjolenzi ġodda tibqa’ miftuħa. Meta kultura tinnormalizza u tiġġustifika l-kunflitt, tinfetaħ triq għal devjazzjoni perikoluża: dak li llum donnu ma nimmaġinawx li jista’ jseħħ, għada jista’ jsir aċċettabbli skont il-kalkoli tas-siwi u tas-sigurtà. F’pajjiżi fejn hemm tensjonijiet soċjali kbar, ma nistgħux neskludu li xi ħadd jispiċċa biex iqis kunflitt bl-armi bħala mod effikaċi kif iwarrab l-attenzjoni minn fuq il-problemi interni u bħala għodda ta’ ġestjoni ċinika tad-diffikultajiet.
209. Responsabbiltà partikulari hi dik ta’ min jaħdem fid-dinja tar-riċerka. Il-protagonisti kollha ta’ dan il-qasam – xjenzati, intraprendituri, investituri, awtoritajiet akkademiċi, politiċi u oħrajn – huma msejħa jaħdmu b’loġika ta’ trasparenza u ta’ responsabbiltà, u jżommu ħaj l-għarfien tal-qafas wiesa’ li fi ħdanu hemm il-progressi teknoloġiċi li għalihom jikkontribwixxu, inklużi dawk marbuta mal-IA. Meta nillimitaw ruħna li nħarsu biss lejn is-settur tagħna, ngħixu fl-illużjoni li qed niżvolġu ħidma moralment newtrali u nevitaw il-mistoqsijiet dwar l-għanijiet aħħarija li jorjentaw sperimentazzjonijiet partikulari: hekk inkunu nirriskjaw li nikkoperaw, forsi mingħajr ma rridu, fi proġetti mudlama li jkattru xejriet ġodda ta’ vjolenza, manipulazzjoni u ħakma.
210. Il-bini ta’ dinja fi stat ta’ ġlied permanenti hu ħaġa ta’ ħsara, u għandna nsejħulu b’ismu. Dan il-mod ta’ kif niddeskrivu r-realtà li ngħixu fiha jista’ jidher mudlam u pessimista, imma nħoss li hu kundanna li jeħtieġ nagħmlu. Imma l-perspettiva Nisranija ma tiqafx mal-kundanna tal-ħażen. Aħna nħarsu lejn l-istorja fid-dawl tal-Mislub Irxoxt, li l-Missier tah “kull setgħa fis-sema u fl-art” (Mt 28:18). Aħna ma ninterpretawx il-preżent bħala destin magħluq, imma bħala kamp miftuħ għall-konverżjoni personali u kollettiva. U nemmnu fil-qawwa tas-Saltna, li tiżviluppa fiċ-ċokon ta’ żerriegħa tal-mustarda, dik li, ladarba miżrugħa, tinbet u tikber (ara Mk 4:26-32). Filwaqt li aħna mdawrin mill-għagħa tal-konfużjoni, it-tajjeb jikber ħiemed mill-art. Bil-kelmiet tal-profeta: “Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida: feġġet issa; għadkom ma ttendejtux?” (Iż 43:19).
211. Dan jikkonfermah qari attent tal-istorja. Imqar fl-iljieli l-aktar mudlama, il-Mulej iqanqal irġiel u nisa b’ħila li ma jirrassenjawx ruħhom u li jipperseveraw fit-tajjeb: persuni li jipproteġu lid-dgħajfa u jiftħu possibbiltajiet ta’ rikonċiljazzjoni. It-tifkira tal-qaddisin u tal-ġusti, tal-bennejja tal-paċi spiss minsija, turi li l-grazzja ma teqridx il-kunflitt b’xi ġest maġiku, imma tnissel reżistenza ħabrieka kontra l-ħażen u kreattività sorprendenti fit-tajjeb. L-Insara jaraw id-dlamijiet quddiemhom u jsejħulhom b’isimhom, imma ma jibqgħux ċassi jikkontemplawhom: jagħrfu d-dawl u jafu li d-dlamijiet ma laqgħuhx u ma jistgħux jegħlbuh (ara Ġw 1:5). Għalhekk, huma jaqdu lit-tajjeb anki fejn it-tbatija tidher li għandha l-aħħar kelma, imwieżna minn tama teologali li tagħti lir-realtà xefaq u direzzjoni.
Ilkoll għandna l-parti tagħna x’nagħmlu
212. Imma hawn naraw tindiehes tentazzjoni sottili: nibdew naħsbu li l-problemi huma kbar wisq u aħna ċkejknin wisq, u li allura l-għażliet tagħna mhuma se jċaqilqu xejn. Hija għamla eleganti ta’ ċediment, spiss taħt il-maskra tar-realiżmu. Ċertament, mhux kulħadd għandu l-istess poter li jinfluwenza r-realtà: hemm min jiggverna, min jiddeċiedi fuq investimenti, min imexxi istituzzjonijiet, min jagħmel ir-riċerka, min jeduka, min jinforma, min jipproduċi; u hemm min donnu għandu biss il-ħajja tiegħu ta’ kuljum. Madankollu, ħadd mhu mingħajr responsabbiltà. Kulħadd għandu l-qasam tiegħu ta’ azzjoni, u hemmhekk – mhux band’oħra – hu msejjaħ jagħżel jekk isaħħaħx il-loġika tal-forza (imqar sempliċiment bl-indifferenza, iċ-ċiniżmu, il-gideb, il-mibegħda), jew iħarisx il-loġika tal-paċi (bil-verità, is-sobrjetà, il-qrubija, l-għożża).
213. Kittieb Kattoliku tas-seklu 20, John Ronald Reuel Tolkien, b’fomm wieħed mill-protagonisti tar-rumanz tiegħu, fisser hekk ir-responsabbiltà tagħna x’inhi: “Mhux xogħolna li naħkmu l-imwieġ kollha tad-dinja; xogħolna hu li nagħmlu li nistgħu għas-salvazzjoni tas-snin li fihom ngħixu, neqirdu l-ħażen mill-għelieqi li nafu, biex inħallu lil dawk li għad jiġu warajna art b’saħħitha u nadifa x’jikkultivaw”.[187] Iċ-ċiviltà tal-imħabba ma tinbitx minn ġest uniku u spettakolari, imma minn ġabra ta’ fedeltajiet ċkejkna u determinati, li jieqfu kontra d-diżumanizzazzjoni. Għalhekk nagħmlu sew li nieqfu u nqisu xi aspetti kif, kull wieħed u waħda fil-qasam tiegħu, nistgħu nikkollaboraw fil-bini tagħha. Mingħajr ma nippretendi li nista’ nkopri t-tema kollha, nipproponi ħames toroq ta’ responsabbiltà fil-ħajja ta’ kuljum u dik pubblika: niddiżarmaw il-kliem, nibnu l-paċi fil-ġustizzja, nagħmlu tagħna l-ħarsa tal-vittmi, inrawmu realiżmu san, inniedu mill-ġdid id-djalogu u l-multilateraliżmu.
214. L-ewwel kontribut li nistgħu nagħtu b’risq ċiviltà iktar umana hu li noqogħdu attenti għall-istess kliem li ngħidu. “Niddiżarmaw kliemna u hekk inkunu ngħinu biex inżarmaw id-dinja mill-armamenti”.[188] Il-poter li għandu l-kliem hu qawwi u dan nagħmlu esperjenza tiegħu fil-komunikazzjoni ta’ kuljum, meta xi ħadd jgħid xi ħaġa li tibdel il-burdata tagħna, b’mod pożittiv jew negattiv. “Il-paċi tibda minn kull wieħed u waħda minna: mill-mod kif inħarsu lejn l-oħrajn, nisimgħu lill-oħrajn, nitkellmu fuq l-oħrajn; u, f’dan is-sens, il-mod li bih nikkomunikaw hu ta’ importanza fundamentali: jeħtieġ ngħidu ‘le’ għall-gwerra tal-kliem u tal-immaġni, jeħtieġ nirrifjutaw il-mudell tal-gwerra”.[189] Mela lkoll kemm aħna rridu nagħmlu eżami tal-kuxjenza fuq il-kliem li nużaw, fuq il-preġudizzji li fihom hu mgħaddas u fuq l-aggressività, miftuħa jew mistura, li jkun hemm fih. Għandna possibbiltà reali li nagħtu sehemna b’risq dak li hu tajjeb kull darba li ngħidu l-verità, li nagħtu parir għaqli, li nwieżnu lil min ikollu bżonn tal-wens, li nikkundannaw inġustizzja, li nagħtu leħen lil min m’għandux.
215. Ilkoll kemm aħna, fuq kull livell, nistgħu nagħtu sehemna biex nibnu pedament sod għall-paċi, li hija l-ġustizzja. Fil-fatt aħna m’aħniex infittxu paċi kienet li kienet, nuqqas ta’ kunflitt ikun xi jkun il-prezz, imma dik il-paċi vera li titnissel mill-ġustizzja. “Teżisti rabta stretta bejn il-ġustizzja ta’ kull persuna u l-paċi ta’ kulħadd”.[190] Huwa u jikkummenta l-versett tas-salm “il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu” (Salm 85:11b), Santu Wistin jikteb: “Ma hemm ħadd li jrid jaħrab mix-xewqa tal-paċi, mentri għall-kuntrarju mhux kulħadd hu lest li jħaddem il-ġustizzja. […] Imma int wettaq l-opri ta’ ġustizzja: żomm quddiem għajnejk li l-ħaqq u s-sliem jitbewsu, ma jitlewmux. Għaliex int trid titlewwem mal-ġustizzja? Arak, ngħidu aħna, meta l-ġustizzja titolbok li ma tisraqx, imma int ma tagħtihiex widen; li ma tagħmilx adulterju, u int tagħmilha ta’ trux; li ma tagħmilx lill-oħrajn dak li ma tridx li jsir lilek; li ma tgħidx, dwar il-proxxmu, dak li ma tridx li jingħad fuqek. […] Trid mela tfittex il-paċi? Ħaddem il-ġustizzja!”.[191] Ejjew mela ma negħjewx infittxu l-ġustizzja!
Ikollna l-ħarsa tal-vittmi
216. Hemm sitwazzjonijiet li fihom, biex nibqgħu umani, jeħtieġ ma noqogħdux naħsbuha żżejjed imma naqbdu u nieħdu pożizzjoni. Hemm kunflitti fejn mhuwiex ġust li nibqgħu newtrali u mhuwiex biżżejjed ngħidu li “m’aħniex kompliċi”.[192] Meta għandna quddiemna bumbardamenti fuq popolazzjonijiet ċivili, attakki kontra sptarijiet, skejjel u infrastrutturi vitali, vjolenzi li jolqtu tfal, ninsabu quddiem skandli li jidorbu l-istess umanità. Għalhekk ma nistgħux nibqgħu fuq livell ta’ analiżijiet astratti. Kif fakkar il-Papa Franġisku, jeħtieġ “immissu l-laħam” ta’ ġisem min qed ibati:[193] inħarsu fl-uċuħ, nisimgħu l-istejjer, nagħrfu li hemm il-ġrieħi. Il-ġrajjiet ta’ tbatija għandhom bżonn kemm ta’ storja u kemm ta’ memorja, waħda biex tfittex tirrakkonta l-fatti, l-oħra biex tagħti xhieda ta’ dak li seħħ.
217. Li fl-informazzjoni u fl-edukazzjoni nagħtu spazju lill-ħarsa u lil-leħen tal-vittmi jgħinna nsiru tabilħaqq konxji mill-abbiss tal-ħażen li hemm miġbur fil-gwerra u, b’mod ġenerali, f’kull vjolenza; biex ma naċċettawx bħala ħaġa normali l-loġika tal-kunflitt; biex ma ndawrux ħarsitna band’oħra meta qed tiġi midruba d-dinjità umana; u biex lil dawk milquta rroddulhom id-dinjità li jiġu magħrufa u mismugħa.[194] L-attenzjoni għal dawn l-ilħna tkabbar il-konvinzjoni li, lil hemm minn xi minoranzi vjolenti, l-umanità ma tixtiqhiex il-gwerra. Il-Knisja tista’ tkun b’mod speċjali post ta’ memorja ħajja tal-vittmi. Kif fakkar San Pawlu VI, hi tħoss li għandha tagħmel tagħha kemm il-leħen tal-mejtin tal-gwerer l-imgħoddija u kemm dak tal-ħajjin li għadhom iġorru l-ġrieħi tagħhom, biex karbithom issir appell għall-paċi u għall-ftehim u mhux preludju għal kunflitti ġodda.[195]
Nikkultivaw realiżmu san
218. Għandna bżonn ta’ realiżmu san, li jevita kemm l-idealiżmu politiku, u kemm iċ-ċiniżmu. Fil-fatt jeżisti idealiżmu li, biex isalva l-viżjoni tiegħu tad-dinja, jagħżel minn qalb il-fatti, ibenġilhom, jagħtihom isem ieħor, u jispiċċa biex jgħix f’realtà mibnija skont il-qies tal-konvinzjonijiet tiegħu. Min-naħa l-oħra jeżisti wkoll realiżmu degradat li jibdel l-osservazzjoni mar-rassenjazzjoni: ladarba l-forza hi dik li tiddomina, jikkonkludi li għandu jiddomina. Ir-realiżmu awtentiku ma jċedix milli jipprova jibdel id-dinja: jibda billi jara b’mod ċar liema huma l-interessi, il-biżgħat, ir-rabtiet u r-relazzjonijiet mibnija fuq il-forza, proprju biex jista’ jikkalkula x’inhu possibbli jikseb u minn liema toroq għandu jgħaddi. Ma jirriduċix il-politika għall-moralità, imma lanqas iħalli f’idejn il-vjolenza: ifittex toroq prattikabbli biex il-paċi tkun iżjed minn kelma, jiġifieri istituzzjonijiet kredibbli, garanziji verifikabbli, negozjati paċenzjużi, prevenzjoni ta’ kunflitti u ħarsien tal-popolazzjonijiet ċivili.
Inniedu mill-ġdid id-djalogu
219. Biex nibnu ċ-ċiviltà tal-imħabba jeħtieġ inħaddmu d-djalogu. Dan huwa l-għodda ewlenija tal-għixien flimkien bejn il-persuni u bejn il-popli, u hu l-alternattiva għall-kunflitt miftuħ. Dan diġà kien fakkru Piju XII lejlet it-Tieni Gwerra Dinjija, meta afferma li bil-paċi xejn ma jintilef, waqt li bil-gwerra jista’ jintilef kollox, u li l-bnedmin għandhom jerġgħu jibdew jitkellmu ma’ xulxin, għax konfront sinċier u perseveranti dejjem jiftaħ il-possibbiltà ta’ soluzzjoni onorevoli.[196]
220. Id-djalogu hu dimensjoni ordinarja tal-ħajja umana, u ma jmissx biss ir-relazzjonijiet bejn l-Istati. Ifisser li jkollna attitudni biex nibnu rabtiet ta’ fraternità, mibnija fuq is-smigħ, fuq ħarsiet sinċieri, żmien dedikat lil xulxin, saħansitra ħin mitluf flimkien. Għax jekk nagħmlu esperjenza tal-laqgħa awtentika mal-ieħor, li hu differenti, barrani, migrant, insibuha ħafna iktar bi tqila li mqar nistħajlu l-gwerra.
221. Fuq livell politiku, huwa urġenti li ngħaddu mill-“kultura tal-poter” għal “kultura tan-negozjar” li tkun awtentika, fejn id-djalogu u r-relazzjonijiet diplomatiċi jsiru t-triq ordinarja biex naffrontaw il-kunflitti, kif awgura Giorgio La Pira: “Flok il-metodu tal-gwerra, jeħtieġ inħaddmu l-metodu tal-paċi: il-metodu tan-negozjar, tal-laqgħa, tal-konverġenza: jiġifieri l-metodu awtentikament uman!”.[197] L-għarfien ta’ destin komuni tal-popli jitlob li l-kultura tan-negozjar issir dejjem iżjed impenn ta’ kulħadd flimkien, politiku u kulturali, li ftit ftit kapaċi jbiegħed lill-bnedmin miċ-ċirku vizzjuż tal-vjolenza.
222. Lil dawk li għandhom l-unur u l-piż li jiggvernaw, nixtieq intennilhom xi kelmiet li għidt fil-bidu tal-Pontifikat tiegħi: “Il-popli tad-dinja tagħna jixtiequ l-paċi, u jien nappella lill-mexxejja tagħhom b’qalbi kollha: ejjew niltaqgħu, ejjew nitkellmu, ejjew ninnegozjaw! Il-gwerra dejjem tista’ tiġi evitata. L-armi jistgħu u għandhom jissikktu, għax dawn ma jsolvux il-problemi iżda jżiduhom biss. Dawk li jagħmlu l-istorja huma dawk li jġibu l-paċi, u mhux dawk li jiżirgħu ż-żerriegħa tat-tbatija. Il-ġirien tagħna mhumiex qabelxejn għedewwa tagħna, imma huma ħutna; mhux kriminali li għandna nobogħduhom, iżda persuni li nistgħu nitkellmu magħhom. Ejjew niċħdu l-kunċetti Manikeisti tant tipiċi ta’ din il-mentalità tal-vjolenza li tifred id-dinja bejn in-nies tajba u n-nies ħżiena”.[198]
223. Filwaqt li jiċħad il-loġika tal-vjolenza, id-djalogu bejn ir-reliġjonijiet għandu rwol deċiżiv, għax fiċ-ċentru tal-mixjiet spiritwali l-kbar hemm messaġġ ta’ paċi.[199] Min jinqeda bl-isem ta’ Alla biex jilleġittimizza terroriżmu, vjolenza jew gwerra, ikun jittradixxi l-wiċċ tiegħu: fir-realtà, meta niġġieldu f’isem ir-reliġjon inkunu nfieru lir-reliġjon infisha.[200] L-“ispirtu ta’ Assisi”, imqanqal minn San Ġwanni Pawlu II u li tkompla fl-impenn tal-Papa Franġisku – ngħidu aħna fid-djalogu mal-Imam il-Kbir ta’ al-Azhar –, juri li dawk li jemmnu jistgħu jfittxu mill-ġdid l-għejun l-aktar awtentiċi tat-tradizzjonijiet spiritwali tagħhom, fejn ma hemmx lok għall-“mibegħda sagralizzata”.
Il-bżonn tad-diplomazija u tal-multilateraliżmu
224. Fir-relazzjonijiet internazzjonali, id-djalogu huwa l-istrument insostitwibbli tad-diplomazija biex nipprevenu l-kunflitti u ninsġu mill-ġdid rabtiet ta’ fiduċja. Kontra l-komunikazzjonijiet impulsivi, ir-rettorika aggressiva u l-loġika ta’ poter li jimmarkaw iż-żminijiet tagħna, “il-vokazzjoni tad-diplomazija hi dik li taħdem b’risq id-djalogu ma’ kulħadd, inklużi l-interlokuturi meqjusa l-aktar ‘skomdi’ jew li ma humiex meqjusa li għandhom jedd leġittimu li jinnegozjaw”,[201] aħna u nużaw sal-aħħar nett l-umiltà u l-paċenzja biex inħitu mill-ġdid flimkien imqar l-aktar sinjali dgħajfa ta’ rieda tajba tal-partijiet f’kunflitt, biex hekk tibda l-paċifikazzjoni.
225. Anki l-ispazju ċibernetiku sar post ta’ konfront: attakki informatiċi, manipulazzjoni ta’ ‘data’, kampanji ta’ influwenza orkestrati bl-għajnuna tal-IA jistgħu jiddestabbilizzaw pajjiżi sħaħ diġà sa minn qabel ma jasal il-ġlied miftuħ bl-armi. Imbagħad, f’dan il-qasam, spiss ma tistax tkun ċert lil min tattribwixxi r-responsabbiltajiet: meta mhuwiex ċar min wettaq l-attakk, jikber ir-riskju ta’ reazzjonijiet sproporzjonati, żbalji ta’ valutazzjoni u ċrieki vizzjużi ta’ eskalazzjoni. Għalhekk hi meħtieġa diplomazija li kapaċi taħdem imqar f’dan l-ambjent ġdid, tinnegozja regoli miftiehma flimkien dwar l-użu tat-teknoloġiji diġitali, u tipproteġi l-popolazzjonijiet ċivili u l-aktar vulnerabbli minn xejriet ta’ vjolenza inviżibbli imma mhux b’inqas reali.
226. L-organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikulari l-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda, jibqgħu strumenti essenzjali biex nippromovu ċiviltà tal-imħabba, inwieżnu d-djalogu bejn in-nazzjonijiet, is-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti, l-iżvilupp integrali tal-popli, il-ħarsien tal-persuni l-aktar vulnerabbli, it-tneħħija tal-armi u l-għożża tal-ħolqien. B’dawn il-modi l-komunità internazzjonali tista’ tfittex li tnaqqas in-nuqqas ta’ ugwaljanzi, tiddefendi d-drittijiet tar-rifuġjati u tal-minoranzi, teħles riżorsi mill-armamenti biex tiddestinahom għall-promozzjoni umana u tipproteġi d-Dar komuni. Is-Santa Sede twieżen u ssieħeb dan l-impenn, imqar jekk tagħraf li d-dgħufija attwali tal-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda u tas-sistema politika internazzjonali tikxef il-ħtieġa ta’ riformi qawwija: m’aħniex qed nitkellmu biss fuq tiswijiet tekniċi, ladarba l-kriżi ta’ konvinzjonijiet u ta’ valuri tmiss ukoll il-fundamenti etiċi tal-ħajja tan-nazzjonijiet u tagħmilha iżjed diffiċli li norjentaw il-multilateraliżmu għall-veru ġid komuni.[202]
227. Fil-kuntest internazzjonali, id-diplomazija tas-Santa Sede tħaddem il-prinċipju evanġeliku tal-ħniena bħala kriterju konkret tal-aġir politiku. Dan hu wieħed mill-modi kif is-Santa Sede tagħti servizz lill-umanità, waqt li ssejjaħ il-kuxjenzi għall-karità u l-verità, tiddefendi d-dinjità ta’ kull persuna u ssir leħen għall-foqra, għall-migranti u għall-vittmi tal-gwerer. B’dan il-mod, id-diplomazija pontifiċja tesprimi l-kattoliċità tal-Knisja u tgħin fit-tiswir ta’ ċiviltà tal-imħabba fejn anki t-teknoloġiji ġodda jkunu orjentati għall-ġid komuni.
Nitolbu u nittamaw
228. Dawn it-toroq ta’ impenn jisseddqu bit-talb u jsostnuh ukoll. Fil-fatt, għalina l-paċi qabelxejn “ġejja minn Alla, Alla li jħobbna lkoll bla kundizzjonijiet”.[203] Hija don li Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu dakinhar tal-Għid: “Il-paċi magħkom! Din hija l-paċi ta’ Kristu Rxoxt, paċi bla armi u paċi li żżarma, umli u perseveranti”.[204] B’dawn il-kelmiet jiena sellimt lill-Knisja u lid-dinja dakinhar tal-elezzjoni tiegħi fuq is-siġġu ta’ Pietru, u nixtieq intennihom biex nistieden lil kulħadd jitlob li jirċievi dan id-don. Ejjew ma nehdewx nitolbu għall-paċi u nħabirku biex inwettquha fir-relazzjonijiet tagħna u fis-soċjetà.
GĦELUQ
229. “Iqis kull wieħed kif jibni” (1 Kor 3:10): dan hu kliem San Pawl, li jħeġġeġ lill-Insara ta’ Korintu biex jieħdu ħsieb l-għaqda. Għeżież ħuti, staqsejna lilna nfusna dwar x’dinja qed nibnu, dwar xi jfisser li nieħdu ħsieb tal-bniedem fiż-żmien tal-intelliġenza artifiċjali. Fl-għeluq ta’ din il-mixja, nixtieq noffrilkom itinerarju ta’ ħajja Nisranija sobrja u esiġenti li nistgħu nħaddnu fid-dawl tal-Evanġelju qalb din il-bidla epokali. Hija mixja li titwieled mill-kontemplazzjoni tal-pjan ta’ Alla, tgħix fl-għaqda ekkleżjali hija u titrejjaq mill-Kelma u mill-Ewkaristija, tibni d-dinja fit-tjieba u titlob flimkien mal-Verġni Marija.
Il-Verb sar bniedem
230. F’dinja fejn naraw tant manuvri jimmiraw kif se jikkonkwistaw swieq u spazji ta’ influwenza, spiss imlibbsa b’rettorika rassiguranti u kostruzzjonijiet ideoloġiċi li jħajru warajhom, il-qalb tagħna tħoss il-bżonn li tiskopri pjan differenti, għaref u twajjeb, jixbah lil dak li Marija tikkontempla fil-Magnificat, meta tipproklama li l-ħniena ta’ Alla tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu.[205] Dan il-pjan ta’ ħniena jinsab għaddej mill-istorja llum ukoll, ġewwa t-toroq l-aktar mgħaġġla u mħawda mmarkati mill-algoritmi u mix-xbieki globali, u jsir il-boxxla għal ħajja evanġelika fl-era diġitali.
231. Fil-qalba ta’ kollox hemm il-misteru tal-Inkarnazzjoni: il-Verb sar bniedem u għammar fostna. Il-ġisem tal-Iben, fqir u vulnerabbli, ifakkarna fil-ġisem ta’ tant ħutna mneżżgħin mid-dinjità tagħhom u msikkta;[206] u permezz ta’ din il-qrubija d-don tal-paċi jidħol fid-dinja b’mod paradossali: bħala setgħa li nsiru wlied Alla, li tqum fina meta nħallu jmissuna l-biki taċ-ċkejknin, id-dgħufija tal-anzjani, is-skiet tal-vittmi, it-taħbit ta’ dawk li jitqabdu kontra l-ħażen li ma jridux iwettqu.[207] F’dan il-ġisem miġruħ u maħbub, il-Missier jurina l-umanità vera ta’ ħajja li sseħħ fil-ftuħ u fil-komunjoni, sa ma xxennaqna li r-rieda tiegħu titwettaq fis-sema u fl-art.[208]
232. Fil-wegħdiet tat-transumaniżmu u ta’ xi kurrenti postumanisti, li jfittxu l-idea ta’ umanità mogħtija aktar poter u kważi diżinkarnata, nagħrfu xewqa li tmissna lkoll: il-bżonn ta’ ħajja iktar sħiħa, inqas esposta għad-dgħufija u għat-tbatija. Imma l-Inkarnazzjoni tiftħilna triq differenti quddiemna. Filwaqt li ideoloġiji qodma u ġodda jimbuttaw lill-bniedem lejn is-superament teknoloġiku tal-limitu u biex jogħla ’l fuq mill-oħrajn ħalli jafferma d-dominju tiegħu, il-misteru tal-Iben ta’ Alla li jidħol fil-qagħda tagħna jirrakkonta moviment bil-kontra: Alla l-ħaj jinżel fl-istorja tagħna biex jeħlisna minn kull xorta ta’ jasar,[209] jieħu fuqu d-dgħufija tagħna u jibdilha f’post ta’ salvazzjoni. Ma hemmx waqt wieħed jew qagħda waħda tal-uman li mhix denja ta’ Alla: “Skont it-tagħlim tal-fidi tagħna, għandna u naduraw, fil-misteri tagħna, Alla li jitwieled fil-maxtura, Alla li jgħix u jivvjaġġa fil-Lhudija, Alla li jmut fuq is-salib, Alla mejjet li jistrieħ fil-qabar”.[210] U hekk il-futur tal-umanità jsib il-kriterju tiegħu fil-kapaċità li jilqa’ dan il-mod divin ta’ qrubija, ta’ qsim fit-toqol tad-dinja, ta’ bidla tar-relazzjonijiet minn ġewwa. “O x’għaġeb […] il-bniedem hu Alla u dan Alla Bniedem jgħaddi minn dawk l-istadji kollha, iġarrab dawk l-istati kollha u jelevahom, iqaddishom, jiddeifikahom fih innifsu!”.[211] Dak li jsalva lill-bniedem hu l-imħabba divina li tinżel sal-punt l-aktar dgħajjef tal-istorja tiegħu u tagħtiha ħajja ġdida mill-qiegħ.
233. Għalhekk, bħala bniedem ta’ fidi qalb nies ta’ fidi, nistedinkom tikkontemplaw fil-wiċċ tal-Iben umanità tal-għaġeb li ddawwal ukoll iż-żmien tal-IA. Fi Kristu aħna nifhmu li l-bniedem hu msejjaħ ikun kollaboratur fl-opra tal-ħolqien, u mhux biss spettatur irrassenjat ta’ proċessi teknoloġiċi li jillimitawlu l-libertà u r-responsabbiltà tiegħu.[212] Id-dinjità li l-Ispirtu s-Santu jnaqqax f’kull wieħed u waħda minna tingħaraf ukoll mill-ħila li nirriflettu b’mod kritiku, li nagħżlu u li nħobbu b’xejn, li nidħlu f’relazzjonijiet awtentiċi. L-ebda sistema ta’ kalkolu, hi kemm hi sofistikata, ma tnissel qalb li tingħata, lanqas kuxjenza li tgħarbel it-tajjeb. Imqar meta l-magni jeċċellaw fl-effiċjenza, iċ-ċentru tal-istorja jibqa’ wiċċ uman li jitlob lil min iħares lejh. Dan il-wiċċ uman hu l-milja li lejha miexja l-istorja kollha. Huwa l-misteru li fih jerġa’ jinġabar kollox, iċ-ċertezza li l-Missier ried li jreġġa’ lura għal għand Kristu, Ras waħdanija, il-ħwejjeġ kollha, dawk tas-sema u dawk tal-art (ara Efes 1:10). F’dan il-pjan, xejn minn dak li hu awtentikament uman mhu se jintilef, imma kollox jiġi msoffi u magħqud mill-ġdid f’Dak li jiġbor kull farka ta’ ħajja, kull demgħa u kull kisba umana awtentika biex ma jħallihomx jintilfu fix-xejn u jgħaddihom, mifdija, lill-Missier.
234. L-ispiritwalità li għandna bżonn hija spiritwalità Ewkaristika, jiġifieri spiritwalità tal-għaqda ekkleżjali fl-imħabba. L-Inkarnazzjoni u l-Għid jirrivelaw Alla li jidħol fil-qagħda tagħna ta’ bnedmin u jittrasfiguraha fl-għotja tiegħu nnifsu. Dan id-don jibqa’ preżenti u jaħdem fl-Ewkaristija, li fiha l-Mulej jagħtina lilu nnifsu u jiġma’ lill-Knisja kollha, biex l-offerta tiegħu ssir prinċipju ta’ għaqda u għajn ta’ ħajja ġdida. Minn din il-komunjoni tinbet ukoll is-solidarjetà Nisranija, għax l-“għaqda ma’ Kristu hija fl-istess waqt għaqda mal-oħrajn kollha li lilhom huwa jingħata”.[213] Kif ifisser Santu Wistin lill-Insara ġodda tal-Knisja tiegħu, il-ħobż u l-inbid fuq l-altar huma s-sagrament tal-għaqda tal-fidili kollha fi Kristu: “Dak li jidher għandu aspett materjali, imma l-fehma tħalli effett spiritwali. Jekk trid tifhem [il-misteru] tal-ġisem ta’ Kristu, isma’ lill-Appostlu jgħid lill-fidili: Intom il-ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom membru tiegħu (1 Kor 12:27). Jekk intom, mela, il-ġisem u l-membri ta’ Kristu, fuq il-mejda tal-Mulej hemm imqiegħed il-misteru tagħkom: ilqgħu l-misteru tagħkom. Għal dak li intom, wieġbu: Ammen u bit-tweġiba tagħkom tkunu toqogħdu għalih. Fil-fatt int tisma’ l-kliem: Il-Ġisem ta’ Kristu, u int twieġeb Ammen. Kun membru tal-ġisem ta’ Kristu, biex l-Ammen tiegħek tkun vera”.[214]
235. L-“Ammen” li nlissnu fil-liturġija, il-Ġisem li nieklu u d-Demm li nixorbu, jagħġnu l-ħajja kollha tagħna. L-Ewkaristija “hija l-laqgħa l-aktar personali mal-Mulej u, madankollu, qatt ma hi biss att ta’ devozzjoni individwali”.[215] Fiha jidher b’mod ċar li “aħna l-Knisja ta’ Kristu, aħna l-membri tiegħu, il-ġisem tiegħu. Aħna aħwa fih. U fi Kristu, imqar jekk aħna ħafna u differenti, aħna ħaġa waħda: ‘In Illo uno unum’”.[216] L-Ewkaristija tiftħilna qalbna għall-ġustizzja u għall-qsim flimkien, b’attenzjoni preferenzjali għal min qed iġorr it-toqol tal-faqar u tal-emarġinazzjoni. U waqt li x-xbieki ekonomiċi u teknoloġiċi ġodda jistgħu jġibu magħhom l-esklużjoni, l-iżolament u d-dipendenzi, il-Knisja, mitmugħa bl-Ewkaristija, hi msejħa tagħmel viżibbli kejl ieħor, billi tħares ir-rabtiet, trodd leħen lil dawk li ma jidhrux u torjenta l-proċessi lejn id-dinjità tal-persuni.
Is-sit ta’ kostruzzjoni ta’ żmienna
236. L-ispiritwalità li nixtieq ngħaddilkom hi dik tal-“arkitett għaref” li, bit-tama tas-Saltna ta’ Alla fih, iħabrek biex jibni d-dinja fit-tajjeb (ara 1 Kor 3:10). Kif ktibt fil-bidu ta’ din ir-riflessjoni,[217] illum il-mod kif nibnu għandu jkollu bħala pedament tiegħu r-relazzjoni ma’ Alla, bħala regola tiegħu l-aċċettazzjoni tal-limitazzjoni umana bħala realtà naturali u pożittiva, u bħala stil tiegħu l-korresponsabbiltà u l-lingwaġġ evanġeliku. Fi tmiem il-mixja, il-proġett ta’ ċiviltà tal-imħabba jidher aktar ċar u s-sit ta’ kostruzzjoni diġà hu mibdi, fuq kollox grazzi għal tant ġebel ħaj marbut fis-sod ma’ Kristu, il-ġebla tax-xewka (ara 1 Piet 2:4-6). F’din l-opra aħna msejħin li jkollna rwol attiv, bla ma nistkennu fl-ispiritwaliżmu jew fid-dinjiet ċkejkna tagħna: jeħtieġ inkunu fidili għall-verità, ninvestu fl-edukazzjoni, nieħdu ħsieb tar-relazzjonijiet, inħobbu l-ġustizzja u l-paċi.
237. Ejjew nibqgħu fidili għall-verità! Aħna li ngħixu mgħaddsa qalb kurrenti ta’ informazzjoni, opinjonijiet u immaġni, nafu kemm sar faċli li norjentaw deċiżjonijiet u preferenzi permezz ta’ algoritmi dejjem iżjed irfinuti.[218] F’dan ix-xenarju importanti nrawmu fina qalb li tħobb il-verità, li tixtieq dak li hu ġust iżjed mill-kontenuti li jappellaw l-aktar, li tfittex l-għerf iżjed mill-impatt immedjat. Il-verità li ma rridux nitilfu hi dik dwar Alla u dwar il-bniedem, hekk kif Kristu wrihielna. Jeħtieġ inwarrbu viżjoni individwalista u teknika tal-bniedem, bħallikieku r-realtà kienet materja pura biex tintgħaġen skont l-interessi egoistiċi, kemm individwali u kemm ta’ grupp.[219] Minflok, irridu nikkultivaw dak li l-Papa Franġisku sejjaħlu “antropoċentriżmu pożizzjonat”,[220] li jagħraf fil-bniedem ħlejqa mdaħħla f’nisġa ta’ relazzjonijiet mal-ħlejjaq l-oħra ħajjin u mal-ħolqien kollu. Il-fedeltà għall-verità titlob li nintegraw il-possibbiltajiet offruti mit-teknoloġija f’mixja ta’ għerf, li kapaċi tħares flimkien id-dinjità ta’ kull persuna u l-futur tad-Dar komuni tagħna.
238. Ejjew ninvestu fl-edukazzjoni, li tibda minna stess! Ilkoll għandna bżonn niffurmaw ruħna biex ngħixu dak li hu diġitali b’mod uman, bħala parti integrali mill-edukazzjoni għall-fidi u għall-ħajja tajba tal-Evanġelju. Jeħtieġ nedukaw ruħna kif inqisu d-dinja diġitali bħala kontinent ġdid li rridu nevanġelizzaw, li jitlob missjunarji ġenerużi u maturi fil-fidi. Imbagħad, b’mod partikulari għandna bżonn ta’ adulti li jiskopru mill-ġdid il-vokazzjoni tagħhom ta’ nies tas-sengħa fejn tidħol l-edukazzjoni, disponibbli għall-ħidma ta’ kuljum, kollha sabar, imwieżna minn pattijiet edukattivi wiesgħa bis-sehem ta’ kulħadd. Li nsieħbu tfal u adolexxenti biex jużaw it-teknoloġiji bħala spazju ta’ relazzjoni responsabbli, ngħinuhom jagħrfu r-riskji li jġorru magħhom u jagħżlu dak li jkabbar il-libertà interjuri, illum huwa għamla konkreta ta’ karità u ta’ ħarsien tad-dinjità tagħhom. Li nedukaw il-ġenerazzjonijiet ġodda biex jemmnu li l-evoluzzjoni tat-teknoloġiji mhix miexja f’direzzjoni inevitabbli, imma tista’ tiġi orjentata mir-responsabbiltà personali u kollettiva, hu wieħed mill-aktar servizzi prezzjużi lill-ġid komuni.
239. Ejjew nieħdu ħsieb tar-relazzjonijiet! Fi żmien li tendenzjalment jgħaġġel u jifframmenta kollox, il-ġisem tal-bniedem qed ikompli jitlob li jkun hemm min jieħu ħsiebu, idejn li għandhom ħila jmissuh bi ħlewwa, imħuħ attenti u kliem ta’ tjieba. Il-kultura diġitali timmultiplika l-konnessjonijiet u toffri possibbiltajiet ġodda ta’ laqgħa; madankollu, il-qalb tal-bniedem tgħożż fiha bżonn essenzjali li nkunu qrib xulxin. Inħeġġiġkom biex nieħdu ħsieb li jkollna postijiet u ħinijiet li fihom il-preżenza fiżika tibqa’ deċiżiva: il-mejda li naqsmu ma’ xulxin, il-komunità Nisranija li tinġabar flimkien, iż-żjara lil min hu waħdu, is-servizz lill-foqra. Huma sinjali ta’ umanità li tibqa’ temmen li kull ġisem hu tempju tal-Ispirtu u dar ta’ Alla, u proprju dan il-patt bejn glorja u dgħufija jsir kriterju biex niżnu l-mudelli antropoloġiċi proposti mill-kultura ta’ żmienna.
240. Ejjew inħobbu l-ġustizzja u l-paċi! L-istess teknoloġiji li jiffaċilitaw il-komunikazzjoni u l-aċċess għar-riżorsi jistgħu jwieżnu mudelli li jisfruttaw lil dawk l-aktar vulnerabbli, ikabbru xejriet ġodda ta’ jasar, jibdlu l-kunflitt f’okkażjoni ta’ profitt. Kull għażla teknika jew ekonomika tinbidel f’post ta’ dixxerniment spiritwali, okkażjoni biex nivverifikaw jekk il-progressi tal-IA humiex jiftħu spazji ta’ ġustizzja u parteċipazzjoni, inkella humiex jikkonċentraw l-għana u l-poter f’idejn il-ftit. Nistedinkom biex ngħarblu sew il-ktajjen ta’ industriji tal-produzzjoni diġitali, il-kundizzjonijiet tax-xogħol moħbija wara l-apparati li nużaw, il-mekkaniżmi li jieħdu vantaġġ mill-manipulazzjoni u mill-gwerra u, fl-istess waqt, biex infittxu toroq konkreti biex inkabbru l-ekwità, il-parteċipazzjoni u l-għożża tal-ħolqien. It-tama li nħabbru ġejja mis-Sema “biex tnissel, hawn isfel, storja ġdida”: proprju għalhekk min jemmen, iħabrek biex, flok in-nuqqas ta’ ugwaljanza, isib il-wisa’ għal doża ikbar ta’ ġustizzja u biex “flok l-industrija tal-gwerra tisseddaq is-sengħa tal-paċi”.[221]
241. B’ħarsa lejn il-ġejjieni, nixtieq infakkar fl-immaġni ta’ Neħemija, li għall-bidu ta’ din il-mixja għażilnieh bħala sieħeb u figura-gwida. Neħemija jisma’ l-karba ta’ belt miġruħa, iġorr dik it-tbatija fit-talb, jiddixxerni quddiem Alla, jitlob l-għajnuna, jikseb il-permess li jmur, jorganizza x-xogħol, iħabbat wiċċu ma’ reżistenzi interni u esterni u, ġebla wara l-oħra, jibni mill-ġdid flimkien mal-poplu l-ħitan ta’ Ġerusalemm. Fih nilmaħ parabbola kollha dawl tas-sejħa tagħna li nkunu, fiż-żmien tat-trasformazzjoni diġitali, mhux spettaturi rassenjati ta’ tifrik soċjali u kulturali, mhux sempliċi kummentaturi tat-tiġrif, imma nisa u rġiel li jidħlu fis-siti ta’ kostruzzjoni tal-istorja – laboratorji ta’ riċerka, intrapriżi teknoloġiċi, skejjel, midja, istituzzjonijiet, komunitajiet lokali – biex jerġgħu jtellgħu dak li ġġarraf u jipproteġu dak li hu espost. Bħal Neħemija, aħna wkoll imsejħin ngħaqqdu flimkien smigħ u kuraġġ, talb u responsabbiltà, biex il-belt tal-bnedmin issir iktar post fejn wieħed jista’ jgħix, imqar meta l-loġika teknokratika u l-interessi parzjali donnhom qed ikunu minn fuq.
242. Ix-xbieha tal-bini mill-ġdid ta’ Ġerusalemm tfakkarna fil-wegħda tat-Testment il-Ġdid, tal-belt qaddisa li, qabelxejn, tingħatalna b’don. Fl-Apokalissi, Ġerusalemm il-ġdida tinżel għandna bħala don għall-poplu kollu ta’ Alla, “imħejjija bħal għarusa mżejna għall-għarus tagħha” (Apok 21:2). Il-ħitan ta’ Ġerusalemm ma għadhomx iżjed fortifikazzjonijiet ta’ difiża, imma t-tiżjin prezzjuż tal-Għarusa tal-Ħaruf. Il-bibien tagħha, li Neħemija kien jgħasses b’tant attenzjoni, jibqgħu għal dejjem miftuħa għall-ġnus kollha. Il-preżenza ta’ Alla toffri lil kulħadd dawl u ħajja. Il-belt hija Għeden ġdid, bl-ilma ħaj tagħha mogħti lil dawk li huma bil-għatx u bis-siġra tagħha tal-ħajja, li l-weraq tagħha hu “duwa tajba għall-ġnus” (Apok 22:2). Fl-istennija tal-milja tagħha, din il-viżjoni tinsab quddiemna bħala eżortazzjoni, sejħa biex negħlbu l-firdiet ta’ bejnietna u naħdmu flimkien: din hija t-triq ta’ Ġesù Kristu, ilbieraħ, illum u dejjem.
L-għanja tat-tama: il-Magnificat
243. Ir-raba’ punt ta’ dan il-programm ta’ ħajja Nisranija, wara l-fidi li tikkontempla l-pjan ta’ mħabbet il-Missier, l-imħabba li tgħaqqadna f’ġisem wieħed li hu l-Knisja, it-tama li twieżen l-għemil tagħna fid-dinja, huwa t-talb. L-għanja ta’ Marija ssieħeb it-tħabrik tagħna. Quddiem Eliżabetta li tħabbrilha li saret omm il-Mulej, Marija tinfexx f’innu ta’ tifħir u ta’ hena: ruħha tfaħħar lill-Mulej u l-ispirtu tagħha jifraħ f’Alla s-Salvatur tagħha, għax hu għażel għall-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni xbejba żagħżugħa, fqajra, ċkejkna. Ħabta u sabta, Marija tibda tara l-istorja kollha bl-għajnejn ta’ din l-iskoperta. Xejn ma nbidel madwarha: is-sitwazzjoni soċjo-politika ta’ żmienha tibqa’ l-istess waħda, bir-Rumani l-ħakkiema ta’ artha u l-poplu tagħha maqsum u umiljat. Madankollu, kollox inbidel fiha, u dan jagħtiha li tara dak li ma jidhirx. Alla diġà wera l-qawwa ta’ driegħu, diġà xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom, niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, għolla liċ-ċkejknin, mela bil-ġid lil min hu bil-ġuħ u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn. Hu diġà ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu. Alla “hu fuq in-naħa ta’ dawk li qegħdin fl-aħħar post. Tiegħu hu proġett li spiss hu moħbi taħt il-wiċċ imċajpar tal-ġrajjiet umani, li jaraw rebbieħa lill-‘imkabbra f’qalbhom, lis-setgħana u lill-għonja’. Madankollu l-qawwa mistura tiegħu fl-aħħar mill-aħħar hi ddestinata li tinkixef”.[222]
244. Il-Verġni Marija mhux biss tgħallimna naraw l-opra ta’ Alla li ma tidhirx, imma tmexxi wkoll il-ħarsa tagħna “fuq il-punti ta’ tifrik tal-umanità, hemm fejn id-dinja qed tiġġarraf, fil-kuntrast bejn iċ-ċkejknin u l-qawwija, bejn il-foqra u l-għonja, bejn dawk li jgħumu fil-ġid u l-imġewħin”, filwaqt li tedukana kif “ikollna perspettiva differenti ħalli nħarsu lejn id-dinja mill-baxx, bl-għajnejn ta’ min qed ibati, mhux bil-ħarsa tal-kbarat; biex inħarsu lejn l-istorja bl-għajnejn taċ-ċkejknin u mhux bil-perspettiva tas-setgħana; biex ninterpretaw il-ġrajjiet tal-istorja bil-perspettiva tal-armla, tal-iltim, tal-barrani, tat-tfajjel midrub, tal-eżiljat, tal-maħrub”.[223] Hekk, il-Verġni ssir “poetessa u profetessa tal-fidwa”, għax fuq fommha jfiġġ “l-aktar innu b’saħħtu u innovattiv li qatt tlissen, il-Magnificat; hi li tirrivela l-pjan trasformanti tal-ekonomija Nisranija, ir-riżultat storiku u soċjali, li għadu sal-lum isib il-bidu u l-qawwa tiegħu fil-Kristjaneżmu”.[224]
245. Bl-istess fidi ta’ Marija, ħa nsiru nissieġa ta’ tama fid-dinja tagħna, billi naqsmu dak li aħna u dak li għandna, hekk li l-preżenza ta’ Ġesù tikber fostna u tiġi Saltnatu. Fil-fedeltà umli ta’ kuljum, anki ż-żmien tal-IA jista’ jsir passaġġ li fih l-Ispirtu jimmatura ċ-ċiviltà tal-imħabba fil-ħajja tagħna: il-Mulej ikompli jġedded kollox u jżomm miftuħa għal kull epoka l-possibbiltà li, fid-dawl tal-Inkarnazzjoni, issir parti mill-istorja tas-salvazzjoni. Nafda din ix-xewqa lil Omm Kristu, lill-mara tal-Magnificat, biex issieħeb hi l-passi tagħna fil-preżent li qed jinbidel u tħares f’kull wieħed u waħda minna l-fiduċja fl-Evanġelju, ħa nkunu nistgħu nagħtu xhieda tal-ġmiel ta’ umanità tal-għaġeb li fiha jgħammar Alla.
Mogħtija Ruma, f’San Pietru, fil-15 ta’ Mejju tas-sena 2026, it-tieni tal-Pontifikat tiegħi.
LJUN PP. XIV
[1] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 22: AAS 58 (1966), 1042.
[2] Ara ibid., 11: AAS 58 (1966), 1033-1034.
[3] Ibid., Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 1: AAS 57 (1965), 5.
[4] Ara Ljun XIII, Ittra enċiklika Rerum novarum (15 ta’ Mejju 1891), 22: ASS 23 (1890-1891), 653.
[5] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 69: AAS 101 (2009), 702.
[6] Franġisku, Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 104: AAS 107 (2015), 888.
[7] Ibid.
[8] Santu Wistin, Confessiones, I, 1, 1: CCSL 27, Turnhout 1981, 1.
[9] Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 183: AAS 105 (2013), 1097.
[10] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 36: AAS 58 (1966), 1054; ara ibid., Digriet Apostolicam actuositatem, 7: AAS 58 (1966), 843-844.
[11] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes,44: AAS 58 (1966), 1065.
[12] Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 257: AAS 105 (2013), 1123.
[13] San Ġwanni Pawlu II, Ittra appostolika f’għamla ta’ Motu proprju Socialium scientiarum (1 ta’ Jannar 1994): AAS 86 (1994), 209.
[14] Franġisku, Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 61: AAS 107 (2015), 871.
[15] Ara San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Sollicitudo rei socialis (30 ta’ Diċembru 1987), 41: AAS 80 (1988), 570-572.
[16] Ibid., Ittra appostolika Tertio millennio adveniente (10 ta’ Novembru 1994), 35: AAS 87 (1995), 27.
[17] Diskors lill-membri tal-Fondazzjoni Centesimus Annus Pro Pontifice (17 ta’ Mejju 2025): AAS 117 (2025), 696.
[18] Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 222: AAS 105 (2013), 1111.
[19] Ara ibid.,236: AAS 105 (2013), 1115; ibid., Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 215: AAS 112 (2020), 1045-1046.
[20] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 13: AAS 57 (1965), 17.
[21] Ara San Pawlu VI, Ittra appostolika Octogesima adveniens (14 ta’ Mejju 1971), 4: AAS 63 (1971), 403.
[22] Ara Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 243: AAS 105 (2013), 1118.
[23] Ara Piju XII, Eżortazzjoni appostolika Menti nostræ (23 ta’ Settembru 1950): AAS 42 (1950), 657-702.
[24] San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 5: AAS 83 (1991), 799.
[25] Piju XI, Ittra enċiklika Quadragesimo anno (15 ta’ Mejju 1931), 39: AAS 23 (1931), 189; ara Piju XII, Messaġġ radjofoniku fil-L anniversarju tar-“Rerum novarum”: AAS 33 (1941), 198.
[26] Ara ibid., Diskors lill-Kulleġġ Imqaddes tal-Kardinali u lill-Prelatura Rumana (24 ta’ Diċembru 1940): AAS 33 (1941), 13.
[27] Ara San Ġwanni XXIII, Ittra enċiklika Mater et magistra (15 ta’ Mejju 1961), 2-3: AAS 53 (1961), 402.
[28] Ara ibid., Ittra enċiklika Pacem in terris (11 ta’ April 1963), 87: AAS 55 (1963), 301.
[29] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 26: AAS 58 (1966), 1046-1047.
[30] Ara ibid., Dikjarazzjoni Dignitatis humanæ, 2: AAS 58 (1966), 930-931.
[31] Ara San Pawlu VI, Ittra enċiklika Populorum progressio (26 ta’ Marzu 1967), 14: AAS 59 (1967), 264.
[32] Ibid.,87: AAS 59 (1967), 299.
[33] Ara ibid., Ittra appostolika Octogesima adveniens (14 ta’ Mejju 1971), 4-7: AAS 63 (1971), 404-406.
[34] San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Sollicitudo rei socialis (30 ta’ Diċembru 1987), 36: AAS 80 (1988), 561.
[35] Ara ibid., Ittra enċiklika Laborem exercens (14 ta’ Settembru 1981), 19: AAS 73 (1981), 625-629.
[36] Ara ibid.,10: AAS 73 (1981), 600-602.
[37] Ara ibid., Ittra enċiklika Sollicitudo rei socialis (30 ta’ Diċembru 1987), 14: AAS 80 (1988), 526-528.
[38] Ara ibid., 16: AAS 80 (1988), 531.
[39] Ara ibid.,31-33: AAS 80 (1988), 555-559.
[40] Ara ibid., Ittra enċiklika Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 46: AAS 83 (1991), 850-851.
[41] Ara ibid.,42: AAS 83 (1991), 845-846.
[42] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 21: AAS 101 (2009), 656.
[43] Ara ibid.,22: AAS 101 (2009), 657.
[44] Ara ibid.,24: AAS 101 (2009), 658-659.
[45] Ara ibid.,36: AAS 101 (2009), 671-672.
[46] Ibid.,2: AAS 101 (2009), 642.
[47] Ara Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 198: AAS 105 (2013), 1103.
[48] Ibid., Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 49: AAS 107 (2015), 866.
[49] Ibid., Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 127: AAS 112 (2020), 1013.
[50] Ibid., Ittra enċiklika Dilexit nos (24 ta’ Ottubru 2024), 167: AAS 116 (2024), 1421.
[51] Ara Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-Duttrina soċjali tal-Knisja, Belt tal-Vatikan 2004, 32.
[52] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 24: AAS 58 (1966), 1045.
[53] Ibid.,22: AAS 58 (1966), 1042.
[54] Ara Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-Duttrina soċjali tal-Knisja,38.
[55] San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Redemptor hominis (4 ta’ Marzu 1979), 14: AAS 71 (1979), 284.
[56] Ara Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 11: AAS 101 (2009), 647-648.
[57] San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Veritatis splendor (6 ta’ Awwissu 1993), 31: AAS 85 (1993), 1159.
[58] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 26: AAS 58 (1966), 1046-1047.
[59] Ara San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 11: AAS 83 (1991), 806-807.
[60] Ara Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi, Dikjarazzjoni Dignitas infinita (2 ta’ April 2024), 7: AAS 116 (2024), 592-593.
[61] Ara ibid.,8: AAS 116 (2024), 593-594.
[62] Ibid., 1: AAS 116 (2024), 589-590.
[63] Ara San Ġwanni Pawlu II, Angelus mal-persuni b’diżabbiltà fil-Katidral ta’ Osnabrück (16 ta’ Novembru 1980): Insegnamenti di Giovanni Paolo II, vol. III/2, Città del Vaticano 1980, 1232.
[64] Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-Duttrina soċjali tal-Knisja, 152.
[65] Ara San Ġwanni Pawlu II, Diskors lill-50 Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda (5 ta’ Ottubru 1995), 2: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, vol. XVIII/2, Città del Vaticano 1998, 731.
[66] Ibid., Diskors lill-34 Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda (2 ta’ Ottubru 1979), 7: AAS 71 (1979), 1148.
[67] Ibid., Messaġġ għat-XXXII Jum Dinji tal-Paċi (1 ta’ Jannar 1999), 3: AAS 91 (1999), 379.
[68] Ara San Ġwanni XXIII, Ittra enċiklika Pacem in terris (11 ta’ April 1963), 5: AAS 55 (1963), 259.
[69] San Pawlu VI, Messaġġ lill-Konferenza Inernazzjonali fuq id-Drittijiet tal-Bniedem (15 ta’ April 1968): AAS 60 (1968), 285.
[70] Ara San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Evangelium vitæ (25 ta’ Marzu 1995), 2: AAS 87 (1995), 402.
[71] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 27: AAS 58 (1966), 1047-1048; San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Veritatis splendor (6 ta’ Awwissu 1993), 80: AAS 85 (1993), 1197-1198; ibid., Ittra enċiklika Evangelium vitæ (25 ta’ Marzu 1995), 7-28: AAS 87 (1995), 408-427.
[72] Franġisku, Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 208: AAS 112 (2020), 1043.
[73] Ara ibid.,209: AAS 112 (2020), 1043-1044.
[74] Ibid., 23: AAS 112 (2020), 977.Ara ibid., Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 212: AAS 105 (2013), 1108.
[75] Benedittu XVI, Eżortazzjoni appostolika Sacramentum caritatis (22 ta’ Frar 2007), 83: AAS 99 (2007), 169.
[76] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 26: AAS 58 (1966), 1046-1047.
[77] Ara Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-Duttrina soċjali tal-Knisja, 164.
[78] Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 235: AAS 105 (2013), 1115.
[79] Ibid., Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 105: AAS 112 (2020), 1005.
[80] San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Sollicitudo rei socialis (30 ta’ Diċembru 1987), 38: AAS 80 (1988), 564.
[81] Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 220: AAS 105 (2013), 1110.
[82] Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-Duttrina soċjali tal-Knisja, 169.
[83] Franġisku, Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 16: AAS 112 (2020), 974.
[84] Ara San Ġwanni Pawlu II, Diskors lill-50 Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda (5 ta’ Ottubru 1995), 8: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, vol. XVIII/2, 735.
[85] Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-Duttrina soċjali tal-Knisja, 171.
[86] San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 31: AAS 83 (1991), 831.
[87] Ibid., Omelija fil-Quddiesa ċċelebrata għall-bdiewa f’Recife (7 ta’ Lulju 1980), 4: AAS 72 (1980), 926.
[88] Ibid., Ittra enċiklika Laborem exercens (14 ta’ Settembru 1981), 19: AAS 73 (1981), 626.
[89] Franġisku, Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 93: AAS 107 (2015), 884; ara ibid., Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 120: AAS 112 (2020), 1010.
[90] Ibid., Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 189: AAS 105 (2013), 1099.
[91] Ara Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-Duttrina soċjali tal-Knisja, 187.
[92] Ara Ljun XIII, Ittra enċiklika Rerum novarum (15 ta’ Mejju 1891), 26: ASS 23 (1890-1891), 656.
[93] Ara San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 11: AAS 83 (1991), 806-807.
[94] Ara ibid.
[95] Ara ibid.,48: AAS 83 (1991), 852-854.
[96] Ara Franġisku, Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 169: AAS 112 (2020), 1028.
[97] Ara ibid.,168: AAS 112 (2020), 1027-1028.
[98] Ara San Pawlu VI, Ittra enċiklika Populorum progressio (26 ta’ Marzu 1967), 17: AAS 59 (1967), 265-266.
[99] Franġisku, Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 32 u 54: AAS 112 (2020), 980 u 988.
[100] Ara Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 58: AAS 101 (2009), 693-694.
[101] Franġisku, Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 116: AAS 112 (2020), 1009.
[102] San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Sollicitudo rei socialis (30 ta’ Diċembru 1987), 38: AAS 80 (1988), 564.
[103] Franġisku, Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 116: AAS 112 (2020), 1009.
[104] Ara Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 48: AAS 101 (2009), 685.
[105] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 25: AAS 58 (1966), 1045-1046.
[106] Ara San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Sollicitudo rei socialis (30 ta’ Diċembru 1987), 42: AAS 80 (1988), 572-574.
[107] Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 53: AAS 105 (2013), 1042.
[108] Ara San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Sollicitudo rei socialis (30 ta’ Diċembru 1987), 36-37: AAS 80 (1988), 561-564.
[109] Franġisku, Messaġġ għall-CX Jum Dinji tal-Migrant u tar-Rifuġjat (29 ta’ Settembru 2024): AAS 116 (2024), 735.
[110] San Pawlu VI, Ittra enċiklika Populorum progressio (26 ta’ Marzu 1967), 14: AAS 59 (1967), 264.
[111] Ara ibid.,17: AAS 59 (1967), 265-266; Franġisku, Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 125-127: AAS 112 (2020), 1012-1013.
[112] Ara San Pawlu VI, Ittra enċiklika Populorum progressio (26 ta’ Marzu 1967), 14: AAS 59 (1967), 264; Benedittu XVI, Diskors lill-Korp Diplomatiku akkreditat lis-Santa Sede (8 ta’ Jannar 2007): AAS 99 (2007), 73; Franġisku, Diskors lir-Rappreżentanti ta’ popli indiġeni fl-okkażjoni tal-XL sessjoni tal-Kunsill tal-Mexxejja tal-Fond internazzjonali għall-Iżvilupp Agrikolu (15 ta’ Frar 2017): AAS 109 (2017), 244-245.
[113] Dokument Finali tat-Tieni Sessjoni tas-16-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet (26 ta’ Ottubru 2024), 17.
[114] Ara ibid.,11.
[115] Ara ibid., 103-108.
[116] Ara ibid., 100-101.
[117] Ara Franġisku, Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 94: AAS 112 (2020), 1001.
[118] Ara Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-Duttrina soċjali tal-Knisja, 53.
[119] Ara Franġisku, Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 106-109: AAS 107 (2015), 889-891.
[120] R. Guardini, Das Ende der Neuzeit, Würzburg 1951, 89.
[121] San Pawlu VI, Diskors fl-okkażjoni tal-XXV anniversarju tal-FAO (16 ta’ Novembru 1970): AAS 62 (1970), 833.
[122] Ara Franġisku, Diskors lill-Kunsill għal kapitaliżmu inklużiv (11 ta’ Novembru 2019): L’Osservatore Romano, 11-12 novembre 2019, 8.
[123] Ara Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi – Dikasteru għall-Kultura u l-Edukazzjoni, Nota Antiqua et nova (14 ta’ Jannar 2025): AAS 117 (2025), 159-210; Franġisku, Messaġġ għas-LVII Jum Dinji tat-Talb għall-Paċi (8 ta’ Diċembru 2023): AAS 116 (2024), 54-64; ibid., Messaġġ għat-LVIII Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali (24 ta’ Jannar 2024): AAS 116 (2024), 261-266; ibid., Diskors fis-Sessjoni tal-G7 dwar l-intelliġenza artifiċjali. “Strument affaxxinanti u tremend” (14 ta’ Ġunju 2024): AAS 116 (2024), 866-875; Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali, Quo vadis, humanitas? Kif naħsbu l-antropoloġija Nisranija quddiem xi xenarji fuq il-futur tal-bniedem (9 ta’ Frar 2026); Messaġġ għas-LX Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali (24 ta’ Jannar 2026): L’Osservatore Romano, 24 ta’ Jannar 2026, 2-3.
[124] Ara Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi – Dikasteru għall-Kultura u l-Edukazzjoni, Nota Antiqua et nova (14 ta’ Jannar 2025), 96: AAS 117 (2025), 201.
[125] Franġisku, Diskors lill-parteċipanti fil-laqgħa tal-“Minerva Dialogues” organizzata mid-Dikasteru għall-Kultura u l-Edukazzjoni (27 ta’ Marzu 2023): AAS 115 (2023), 465.
[126] Ara Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi – Dikasteru għall-Kultura u l-Edukazzjoni, Nota Antiqua et nova (14 ta’ Jannar 2025), 41: AAS 117 (2025), 178.
[127] Ara ibid.,44-45: AAS 117 (2025), 179-180.
[128] Ara San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 40: AAS 83 (1991), 843.
[129] Ara Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali, Quo vadis, humanitas? Pensare l’antropologia cristiana di fronte ad alcuni scenari sul futuro dell’umano (9 ta’ Frar 2026), 63.
[130] Ara San Pawlu VI, Diskors fl-okkażjoni tal-XXV anniversarju tal-FAO (16 ta’ Novembru 1970): AAS 62 (1970), 833.
[131] Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali, Quo vadis, humanitas? Pensare l’antropologia cristiana di fronte ad alcuni scenari sul futuro dell’umano (9 ta’ Frar 2026), 3.
[132] “Jekk il-qalb hi mwarrba għall-ġenb, inkunu nwarrbu għall-ġenb ukoll dak li jfisser nitkellmu mill-qalb, naġixxu mill-qalb, nimmaturaw u nieħdu ħsieb tal-qalb. Meta ma jiġix apprezzat l-ispeċifiku tal-qalb, nitilfu t-tweġibiet li l-intelliġenza waħidha ma tistax tagħti, nitilfu l-laqgħa mal-oħrajn, nitilfu l-poeżija. U nitilfu l-istorja u l-ġrajjiet tagħna, għax il-vera avventura personali hi dik li tinbena billi nibdew mill-qalb. Fl-aħħar mill-aħħar dan biss hu li jiswa”: Franġisku, Ittra enċiklika Dilexit nos (24 ta’ Ottubru 2024), 11: AAS 116 (2024), 1372.
[133] V. Frankl, Man’s Search for Meaning. An Introduction to Logotherapy, Boston 1963, 213.
[134] San Tumas ta’ Aquino, Summa Theologiæ, I-II, q. 112, a. 1, co.; q. 114, a. 5, co.: ed. Leonina, VII, Roma 1892, 323 e 349.
[135] Ara ibid.,q. 114, a. 1, co.: ed. Leonina, VII, 344.
[136] Ara ibid., Super Boetium De Trinitate, q. 1, a. 2, ad 3: ed. Leonina, L, Roma 1992, 96; Summa Theologiæ, I, q. 7, a. 1, ad 3: ed. Leonina, IV, Roma 1888, 72.
[137] Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 8: AAS 105 (2013), 1022.
[138] San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Redemptor hominis (4 ta’ Marzu 1979), 15: AAS 71 (1979), 286-287.
[139] Santu Wistin, De civitate Dei, XIV, 28: CCSL 48, Turnhout 1955, 451.
[140] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 34: AAS 101 (2009), 668-669.
[141] San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Veritatis splendor (6 ta’ Awwissu 1993), 32: AAS 85 (1993), 1159.
[142] Franġisku, Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 207: AAS 112 (2020), 1043.
[143] H. Arendt, The Origins of Totalitarianism, III, New York 1962, 474.
[144] Diskors lill-operaturi tal-komunikazzjoni (12 ta’ Mejju 2025): AAS 117 (2025), 681-682.
[145] Benedittu XVI, Messaġġ għas-XLVII Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali (24 ta’ Jannar 2013): AAS 105 (2013), 183.
[146] Franġisku, Diskors fl-okkażjoni tal-għoti tal-insinji tal-Ordni tal-Pjan lis-Sinjuri Philip Pullella u lis-Sinjura Valentina Alazraki (13 ta’ Novembru 2021): L’Osservatore Romano, 13 novembre 2021, 12.
[147] Ara Platun, Lettera VII, 344b-c: ed. Souilhé, XIII/1, Paris 1931 (CUF, Série grecque 63), 54.
[148] Ara Diskors lill-parteċipanti fil-Konvenju “Id-Dinjità tat-Tfal u l-Adolexxenti fl-Era tal-Intelliġenza Artifiċjali” (13 ta’ Novembru 2025): L’Osservatore Romano, 13 novembre 2025, 3.
[149] Ara Diskors lill-membri tal-Advisory Board tal-RCS Academy (7 ta’ Novembru 2025): L’Osservatore Romano, 7 novembre 2025, 4.
[150] San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Laborem exercens (14 ta’ Settembru 1981), 3: AAS 73 (1981), 584.
[151] Ara Franġisku, Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 128: AAS 107 (2015), 898.
[152] Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi – Dikasteru għall-Kultura u l-Edukazzjoni, Nota Antiqua et nova (14 ta’ Jannar 2025), 67: AAS 117 (2025), 188-189.
[153] Ara San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Laborem exercens (14 ta’ Settembru 1981), 18: AAS 73 (1981), 622-625.
[154] Ara Franġisku, Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 109: AAS 107 (2015), 891.
[155] Ara Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 32: AAS 101 (2009), 666.
[156] Ara Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-Duttrina soċjali tal-Knisja, 268.
[157] Ara Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 64: AAS 101 (2009), 698.
[158] Ara Franġisku, Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 129: AAS 107 (2015), 899.
[159] Ara ibid.
[160] Ara ibid., Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 108: AAS 112 (2020), 1006.
[161] Ara Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi – Dikasteru għas-Servizz tal-Iżvilupp Uman Integrali, Œconomicæ et pecuniariæ quæstiones. Kunsiderazzjonijiet għal dixxerniment etiku dwar xi aspetti tas-sistema ekonomika-finanzjarja attwali (6 ta’ Jannar 2018), 6: AAS 110 (2018), 772.
[162] Franġisku, Tislima lill-istaff tal-Fond Internazzjonali għall-Iżvilupp Agrikolu (IFAD) (14 ta’ Frar 2019): AAS 111 (2019), 309. Ara Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 22: AAS 101 (2009), 657.
[163] Ara ibid.,36: AAS 101 (2009), 671-672.
[164] Ara Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 204: AAS 105 (2013), 1105-1106.
[165] Ara San Pawlu VI, Ittra enċiklika Populorum progressio (26 ta’ Marzu 1967), 87: AAS 59 (1967), 299.
[166] Ara San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 39: AAS 83 (1991), 841.
[167] Ara Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-Duttrina soċjali tal-Knisja, 211.
[168] Ara San Ġwanni Pawlu II, Ittra Gratissimam sane (2 ta’ Frar 1994), 17: AAS 86 (1994), 903-906.
[169] Ara Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Istati Uniti, Sons and Daughters of the Light. A Pastoral Plan for Ministry with Young Adults (12 ta’ Novembru 1996), Washington D.C. 1996, I, 3.
[170] Ara Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-Duttrina soċjali tal-Knisja, 290.
[171] Ara ibid.,214.
[172] Ara Franġisku, Messaġġ għaċ-ċelebrazzjoni tat-XLVIII Jum Dinji tal-Paċi (8 ta’ Diċembru 2014), 4: AAS 107 (2015), 70-71.
[173] Ara Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali, Memorja u rikonċiljazzjoni: il-Knisja u l-ħtijiet tal-passat, Belt tal-Vatikan 2000, 5.3.
[174] Hekk fil-Bolli Sicut dudum (13 ta’ Jannar 1435) u Etsi suscepti (9 ta’ Jannar 1442) ta’ Ewġenju IV u fil-Bolli Dum diversas (18 ta’ Ġunju 1452) u Romanus Pontifex (8 ta’ Jannar 1455) ta’ Nikola V. Il-pressjonijiet politiċi u, xi drabi, anki dawk ekonomiċi kienu jirbħu fuq l-esiġenzi tal-Evanġelju. L-evanġelizzazzjoni spiss kienet tiġi mgħawġa jew mifhuma ħażin skont l-interferenzi tal-poteri temporali, u hekk kienu jispiċċaw jirrelativizzaw l-inkompatibbiltà tal-jasar mal-kuxjenza Nisranija.
[175] Ara Ljun XIII, Ittra enċiklika In plurimis (5 ta’ Mejju 1888): Acta Leonis XIII, VIII, Roma 1889, 169-192. Trid tqis li sal-1866 is-Sant’Uffizzju kien għadu jiddistingwi bejn aspetti immorali u morali tas-servitù, mingħajr ma jikkundannahom b’mod sħiħ: Roma, Arkivju tad-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi, Istr. 1293: Istruzione del S. Offizio sopra diversi dubbi di Monsignor Massaia, Vicario Apostolico nel paese dei Galla, aprile 1866, risposta al quesito n. 15.
[176] Ara San Ġwanni Pawlu II, Bolla Incarnationis mysterium (29 ta’ Novembru 1998), 11: AAS 91 (1999), 139-141.
[177] Ara San Pawlu VI, Regina cæli (17 ta’ Mejju 1970): Insegnamenti di Paolo VI, VIII, Città del Vaticano 1971, 506.
[178] Ara Franġisku, Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ ta’ Ottubru 2020), 183: AAS 112 (2020), 1033-1034.
[179] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 26: AAS 58 (1966), 1046-1047.
[180] San Pawlu VI, Diskors lill-20 Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda (4 ta’ Ottubru 1965): AAS 57 (1965), 881.
[181] Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda, Karta tal-Ġnus Magħquda (26 ta’ Ġunju 1945), Preambolu.
[182] Ara Franġisku, Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 258: AAS 112 (2020), 1061: “Fil-fatt, fl-aħħar għexriet ta’ snin il-gwerer kollha ppretendew li kellhom xi ‘ġustifikazzjoni’. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jitkellem fuq il-possibbiltà ta’ difiża leġittima permezz tal-qawwa militari, bil-presuppost li jintwera li hemm xi ‘kundizzjonijiet iebsa biex id-deċiżjoni tkun moralment leġittima’. Madankollu faċilment naqgħu f’interpretazzjoni wisq laxka tal-possibbiltà ta’ dan id-dritt. U hekk irridu niġġustifikaw b’mod ħażin anki attakki ‘preventivi’ jew azzjonijiet ta’ gwerra li diffiċilment ma jġibux magħhom ‘ħsarat, deni u diżordni iktar serji mid-deni li jrid jiġi mwarrab’”; ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2309.
[183] Ara Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi – Dikasteru għall-Kultura u l-Edukazzjoni, Nota Antiqua et nova (14 ta’ Jannar 2025), 99: AAS 117 (2025), 202-203.
[184] Ara ibid.,103: AAS 117 (2025), 204.
[185] Ara Udjenza mal-parteċipanti tal-Assemblea Plenarja tal-Laqgħa tal-Opri għall-Għajnuna lill-Knejjes Orjentali (ROACO) (26 ta’ Ġunju 2025): AAS 117 (2025), 847-849.
[186] Ara Franġisku, Messaġġ għat-LIII Jum Dinji tal-Paċi (8 ta’ Diċembru 2019): AAS 112 (2020), 54-61.
[187] J.R.R. Tolkien, The Lord of the Rings. Part III: The Return of the King, New York 1965, 190.
[188] Diskors lill-operaturi tal-komunikazzjoni (12 ta’ Mejju 2025): AAS 117 (2025), 682.
[189] Ibid.
[190] San Ġwanni Pawlu II, Messaġġ għall-XXXI Jum Dinji tal-Paċi (1 ta’ Jannar 1998), 1: AAS 90 (1998), 147.
[191] Santu Wistin, Enarrationes in Psalmos, 84, 12: CCSL 39, Turnhout 1956, 1172-1173.
[192] Ara Franġisku, Ittra enċiklika Dilexit nos (24 ta’ Ottubru 2024), 22: AAS 116 (2024), 1375-1376.
[193] Ara ibid., Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 115: AAS 112 (2020), 1008-1009.
[194] Ara ibid.,261: AAS 112 (2020), 1062.
[195] Ara San Pawlu VI, Diskors lill-20 Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda (4 ta’ Ottubru 1965): AAS 57 (1965), 878-879.
[196] Ara Piju XII, Radjumessaġġ “Siegħa gravi” (24 ta’ Awwissu 1939): AAS 31 (1939), 334.
[197] G. La Pira, Riflessjonijiet fuq il-Konċilju. Diskors tas-Sindku ta’ Firenze l-Prof. Giorgio La Pira lill-“Guides de France” (Ruma, 4 ta’ Settembru 1962), Firenze 1962, 6.
[198] Diskors lill-parteċipanti fil-Ġublew tal-Knejjes Orjentali (14 ta’ Mejju 2025): AAS 117 (2025), 686.
[199] Ara Franġisku, Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 271: AAS 112 (2020), 1066.
[200] Ara ibid., Appell ta’ paċi f’Assisi għall-Jum dinji ta’ talb għall-paċi. “Għatx għall-paċi. Reliġjonijiet u kulturi fi djalogu” (20 ta’ Settembru 2016): AAS 108 (2016), 1124.
[201] Ibid., Diskors ta’ awguri għas-sena l-ġdida lill-Korp Diplomatiku fi ħdan is-Santa Sede (9 ta’ Jannar 2025): AAS 117 (2025), 110.
[202] Ara ibid., Diskors lill-parteċipanti tat-XXXVIII sessjoni tal-FAO (20 ta’ Ġunju 2013): AAS 105 (2013), 616-617.
[203] L-Ewwel Barka “Urbi et Orbi” (8 ta’ Mejju 2025): AAS 117 (2025), 660.
[204] Ibid.
[205] Ara Omelija tal-Ewwel Għasar tas-Solennità ta’ Sidtna Marija Omm Alla (31 ta’ Diċembru 2025): L’Osservatore Romano, 2 gennaio 2026, 1-2.
[206] Ara Omelija tal-Quddiesa tal-jum fis-Solennità tat-Twelid tal-Mulej (25 ta’ Diċembru 2025): L’Osservatore Romano, 27 dicembre 2025, 3.
[207] Ara ibid.
[208] Ara Angelus fis-Solennità tal-Epifanija (6 ta’ Jannar 2026): L’Osservatore Romano, 7 gennaio 2026, 3.
[209] Ara Omelija tal-Quddiesa tal-jum fis-Solennità tat-Twelid tal-Mulej (25 ta’ Diċembru 2025): L’Osservatore Romano, 27 dicembre 2025, 2.
[210] P. de Bérulle, Discours de l’état et des grandeurs de Jésus, Discours IV, Unité de Dieu en l’incarnation: Œuvres complètes,Paris 1856, col. 218.
[211] Ibid.
[212] Ara Diskors fil-Konferenza “L-Intelliġenza Artifiċjali u l-Għożża għad-Dar Komuni tagħna” (5 ta’ Diċembru 2025): L’Osservatore Romano, 5 dicembre 2025, 2.
[213] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Deus caritas est (25 ta’ Diċembru 2005), 14: AAS 98 (2006), 228.
[214] Santu Wistin, Sermones, 272: In die Pentecostes ad infantes de sacramento: PL 38, Parigi 1865, col. 1247.
[215] Benedittu XVI, Omelija fil-Quddiesa “Fl-Ikla tal-Mulej” (21 ta’ April 2011): AAS 103 (2011), 321.
[216] Diskors lill-Kurja Rumana għall-awguri tal-Milied (22 ta’ Diċembru 2025): L’Osservatore Romano, 22 dicembre 2025, 6-7.
[217] Ara supra, nn. 11-14.
[218] Ara Diskors fil-Konvenju “Id-Dinjità tat-Tfal u l-Adolexxenti fiż-Żmien tal-Intelliġenza Artifiċjali” (13 ta’ Novembru 2025): L’Osservatore Romano, 13 novembre 2025, 3.
[219] Ara Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 34: AAS 101 (2009), 668-670.
[220] Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Laudate Deum (4 ta’ Ottubru 2023), 67: AAS 115 (2023), 1059.
[221] Ara Angelus fis-Solennità tal-Epifanija (6 ta’ Jannar 2026): L’Osservatore Romano, 7 gennaio 2026, 3.
[222] Benedittu XVI, Udjenza ġenerali (15 ta’ Frar 2006): L’Osservatore Romano, 16 febbraio 2006, 4.
[223] Meditazzjoni fl-okkażjoni tal-Velja ta’ talb u tar-Rużarju għall-paċi (11 ta’ Ottubru 2025): L’Osservatore Romano, 13 ottobre 2025, 2.
[224] San Pawlu VI, Omelija fis-Santwarju Marjan tas-Sinjura Tagħna ta’ Bonaria (24 ta’ April 1970): AAS 62 (1970), 301.
L-Enċiklika qed tkun miġjuba għall-Malti minn Francesco Pio Attard
Ghat-test kollu tal-Enċiklika bil-Malti (word) … https://laikosblog.org/wp-content/uploads/2026/07/lxiv_magnifica_humanitas_15052026.doc
Ghat-test kollu tal-Enċiklika bit-Talajn … https://www.vatican.va/content/leo-xiv/it/encyclicals/documents/20260515-magnifica-humanitas.html
Ghat-test kollu tal-Enċiklika bl-Ingliż … https://www.vatican.va/content/leo-xiv/en/encyclicals/documents/20260515-magnifica-humanitas.html