Il-Qrar, Is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni huwa Sagrament li jfejjaq

Print Friendly, PDF & Email

6. Katekeżi dwar is-Sagramenti mill-Papa Franġisku. 19 ta’ Frar 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Permezz tas-Sagramenti tal-Inizjazzjoni Nisranija, il-Magħmudija, il-Konfirmazzjoni u l-Ewkaristija, il-bniedem jirċievi l-ħajja ġdida fi Kristu. Issa, dan nafuh ilkoll, aħna din il-ħajja nġorruha “f’ġarar tal-fuħħar” (2 Kor 4:7), għax għadna suġġetti għat-tentazzjoni, għat-tbatija, għall-mewt u, minħabba fid-dnub, nistgħu anki nitilfu l-ħajja ġdida. Għalhekk il-Mulej Ġesù ried li l-Knisja tkompli bil-ħidma tiegħu ta’ salvazzjoni anki ma’ l-istess membri tagħha, b’mod partikulari bis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni u dak tad-Dilka tal-Morda, li nistgħu niġbruhom flimkien taħt l-isem ta’ “Sagramenti ta’ Fejqan”. Is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni hu sagrament li jfejjaq. Meta jien immur inqerr, dan nagħmlu biex infiq, infejjaq ruħi, infejjaq qalbi u xi ħaġa li għamilt li m’hix tajba. L-aħjar xbieha Biblika biex infissruhom, fir-rabta qawwija ta’ bejniethom, hi l-episodju tal-maħfra u tal-feqjan tal-mifluġ, fejn il-Mulej Ġesù jidher bħala tabib tar-ruħ u tal-ġisem fl-istess waqt (ara Mk 2:1-12 // Mt 9:1-8; Lq 5:17-26).

1. Is-Sagrament tal-Penitenza u tar-Rikonċiljazzjoni joħroġ direttament mill-Misteru ta’ l-Għid. Fil-fatt, dak in-nhar stess ta’ l-Għid fil-għaxija l-Mulej deher lid-dixxipli tiegħu, magħluqa fiċ-ċenaklu, u, wara li sellmilhom bil-kliem “Il-Paċi magħkom!”, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma” (Ġw 20:21-23). Din is-silta tikxef id-dinamika hekk qawwija li nsibu f’dan is-sagrament. Qabel xejn, il-fatt li l-maħfra ta’ dnubietna m’hix xi ħaġa li nistgħu nagħtu aħna stess lilna nfusna. Jien ma nistax ngħid: Naħfer id-dnubiet tiegħi. Il-maħfra rridu nitolbuha, nitolbuha lil xi ħadd ieħor, u fil-Qrar nitolbu maħfra lil Ġesù. Il-maħfra m’hix frott it-tħabrik tagħna, imma hi rigal, hi don ta’ l-Ispirtu s-Santu, li jimliena b’xita ta’ ħniena u ta’ grazzja li tinżel bla waqfien minn ġol-qalb miftuħa ta’ Kristu li miet u rxoxta. It-tieni nett, tfakkarna li nistgħu nkunu tabilħaqq fil-paċi biss jekk inħallu lill-Mulej Ġesù jirrikonċiljana mal-Missier u ma’ ħutna. U dan kollha ħassejnieh f’qalbna meta morna nqerru, b’qalbna tqila, xi ftit imdejqin; u meta nirċievu l-maħfra ta’ Ġesù, inħossuna fil-paċi, dik il-paċi tar-ruħ hekk sabiħa li Ġesù biss jista’ jagħtina, Hu biss.

2. Maż-żmien, iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan is-sagrament għaddiet minn forma pubblika – għax għall-bidu kien isir b’mod pubbliku – għal waħda personali, għall-forma riservata tal-Qrar. Imma dan ma jfissirx li m’għadx hemm il-bażi ekkleżjali, li hi l-kuntest li jagħti l-ħajja lil dan is-sagrament. Fil-fatt, hi l-komunità Nisranija l-imkien li fih joqgħod l-Ispirtu, li jġedded il-qlub fl-imħabba ta’ Alla u jagħmel mill-aħwa kollha ħaġa waħda, f’Ġesù Kristu. Araw allura għaliex m’hux biżżejjed nitolbu maħfra lill-Mulej fil-moħħ tagħna u f’qalbna, imma hu meħtieġ li b’umiltà u fiduċja nistqarru dnubietna quddiem il-ministru tal-Knisja. Fiċ-ċelebrazzjoni ta’ dan is-sagrament, is-saċerdot m’hux qiegħed hemm jirrappreżenta biss lil Alla, imma lill-komunità kollha, li tidher fid-dgħufija ta’ kull membru tagħha, li kollha mqanqla tisma’ l-att ta’ ndiema tiegħu, li titħabbeb mill-ġdid miegħu, li tfarrġu u tterraq miegħu l-mixja ta’ konverżjoni u maturità umana u Nisranija. Wieħed jista’ jgħid: Jien nistqarr dnubieti biss quddiem Alla. Iva, tista’ tgħid lil Alla “aħfirli”, u tistqarrlu dnubietek, imma dnubietna huma wkoll kontra ħutna, kontra l-Knisja. Għalhekk hemm bżonn nitolbu maħfra lill-Knisja, lil ħutna, fil-persuna tas-saċerdot. “Imma Dun, jien nistħi…”. Anki l-mistħija hawn hi ħaġa tajba, hi ħaġa sana li jkollok xi ftit tal-mistħija, għax li tistħi hi ħaġa tajba. Meta persuna ma tistħi minn xejn, f’pajjiżi ngħidu li hi “mingħajr mistħija”: “sin verguenza”. Imma anki l-mistħija hi ħaġa tajba, għax tagħmilna iżjed umli, u s-saċerdot jilqa’ bi mħabba u bi ħlewwa din l-istqarrija u f’isem Alla jaħfrilna. Anki mill-ottika umana, biex niżvoga, hi ħaġa tajba li niftaħ qalbi ma’ ħija u naqsam mas-saċerdot dawn l-affarijiet, li qed itaqqlu tant lill-qalb tiegħi. U wieħed iħossu jiżvoga quddiem Alla, mal-Knisja, ma’ ħuh. Tibżgħux mill-Qrar! Meta wieħed ikun għadu qiegħed jistenna biex iqerr, iħoss dawn il-ħwejjeġ kollha, il-mistħija wkoll, imma mbagħad meta jtemm il-Qrara, joħroġ ħieles, kbir, sabiħ, maħfur, safi, hieni. Dan hu s-sabiħ tal-Qrar! Nixtieq nistaqsikom – imma tgħidulix b’vuċi għolja, imma kull wieħed u waħda jwieġeb f’qalbu –: Meta l-aħħar li qerrejt? X’qerrejt? Kull wieħed u waħda jaħseb ftit… Jumejn, ġimagħtejn, sentejn, għoxrin sena, erbgħin sena? Kull wieħed jagħmel il-kontijiet tiegħu, imma kulħadd jistaqsi lilu nnifsu: Meta kien l-aħħar li qerrejt? U jekk għadda ħafna żmien, titlifx ġurnata oħra, mur, is-saċerdot ikun twajjeb miegħek. Hu Ġesù li jinsab hemm, u Ġesù hu wisq itjeb mill-qassisin, Ġesù jilqgħek għandu, jilqgħek għandu b’tant imħabba. Agħmel il-qalb u mur qerr!

3. Għeżież ħbieb, niċċelebraw is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni jfisser li nħallu ddawwarna tgħanniqa kollha mħabba: hi t-tgħanniqa tal-ħniena bla tarf tal-Missier. Niftakru f’dik il-parabbola hekk sabiħa ta’ l-iben li telaq mid-dar bil-flus tal-wirt; nefaq il-flus kollha fil-ħela, u mbagħad, meta ma kien għad fadallu xejn, iddeċieda li jmur lura d-dar, mhux bħala iben, imma bħala qaddej. Kemm ħass ħtija u mistħija f’qalbu! Is-sorpriża kienet li meta beda fetaħ ħalqu biex jitlob maħfra, il-missier ma ħalliehx jitkellem, imma għannqu miegħu, biesu u għamillu festa. U jien ngħidilkom: kull darba li aħna mmorru nqerru, Alla jgħannaqna miegħu, Alla jagħmlilna festa! Ejjew nimxu f’din it-triq. Il-Mulej iberikkom!

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading